L-Ewwel Kronaki 29:1-30

  • Kontribuzzjonijiet għat-tempju (1-9)

  • It-talba taʼ David (10-19)

  • In-nies jifirħu; is-saltna taʼ Salamun (20-25)

  • David imut (26-30)

29  Ir-Re David qal lill-kongregazzjoni kollha: “Ibni Salamun, il-wieħed li Alla għażel, hu żagħżugħ u bla esperjenza,* imma x-xogħol hu kbir, għax dan mhux tempju* għal xi bniedem imma għal Alla Ġeħova. 2  U jien għamilt kull sforz biex nipprepara għad-dar tal-Alla tiegħi deheb, fidda, ram, ħadid, injam, ħaġar tal-oniċi, ġebel li jitqiegħed mat-tajn, ċagħaq tal-mużajk, kull ħaġra prezzjuża, u kwantità kbira taʼ ħaġar tal-alabastru. 3  Iktar minn hekk, peress li nħobb id-dar tal-Alla tiegħi, se nagħti deheb u fidda mit-teżori tiegħi għad-dar tal-Alla tiegħi minbarra dak kollu li diġà ppreparajt għad-dar qaddisa. 4  Dan jinkludi 3,000 talent* deheb minn Ofir u 7,000 talent fidda rfinuta għall-kisi tal-ħitan tad-djar, 5  għax-xogħol tad-deheb, għax-xogħol tal-fidda, u għax-xogħol kollu li jrid isir min-nies tas-sengħa. Issa min hu lest li jġib rigal lil Ġeħova llum?” 6  U l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier, il-kapijiet tat-tribujiet t’Iżrael, il-kapijiet tal-eluf u tal-mijiet, u l-kapijiet tax-xogħol tar-re kienu lesti li jagħmlu dan. 7  Għas-servizz tad-dar tal-Alla l-veru huma taw: 5,000 talent deheb, 10,000 darik,* 10,000 talent fidda, 18,000 talent ram, u 100,000 talent ħadid. 8  Kull min kellu ħaġar prezzjuż tah biex jitpoġġa fil-post fejn iżommu t-teżori fid-dar taʼ Ġeħova, li kien jieħu ħsiebu Ġeħijel il-Gersoni. 9  In-nies ferħu meta taw dawn l-offerti b’mod volontarju, għax tawhom lil Ġeħova b’qalb sħiħa. Anki David ir-re feraħ ħafna. 10  Imbagħad David faħħar lil Ġeħova quddiem il-kongregazzjoni kollha. Hu qal: “Jalla tkun imfaħħar għal dejjem, Ġeħova l-Alla t’Iżrael missierna. 11  Ġeħova, int kbir, b’saħħtek, glorjuż, tal-għaġeb, u jistħoqqlok rispett,* għax kulma hemm fis-sema u fl-art hu tiegħek. Tiegħek hi s-saltna Ġeħova. Int Kap fuq kulħadd. 12  Il-ġid u l-glorja ġejjin mingħandek u int tmexxi fuq kollox. F’idek għandek il-qawwa u s-saħħa, u tistaʼ tkabbar u tagħti s-saħħa lil kulħadd. 13  U issa, Alla tagħna, aħna nirringrazzjawk u nfaħħru l-isem sabiħ tiegħek. 14  “Madankollu, jien min jien u min hu l-poplu tiegħi biex nagħmlu offerti volontarji bħal dawn? Għax kollox ġej mingħandek, u aħna tajniek dak li jiġi minn idek stess. 15  Għax aħna residenti barranin quddiemek u immigranti bħal missirijietna kollha. Ħajjitna fuq l-art hi bħal dell u m’hemm ebda tama mingħajrek. 16  Ġeħova Alla tagħna, dan il-ġid kollu li ppreparajna biex nibnu dar għall-isem qaddis tiegħek hu mingħandek stess, kollu tiegħek. 17  Alla tiegħi, jien naf tajjeb li int teżamina l-qalb u tieħu pjaċir bl-onestà.* Dawn l-affarijiet kollha jien offrejthom b’mod volontarju u b’qalb sinċiera. Jien ferħan ħafna li qed nara n-nies tiegħek hawnhekk jagħmlulek offerti b’mod volontarju. 18  Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietna Abraham, Iżakk, u Iżrael, għin lin-nies tiegħek biex jibqaʼ jkollhom dawn il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet u jaqduk b’qalb sħiħa. 19  Agħti qalb sħiħa* lil ibni Salamun biex jobdi l-kmandamenti, it-tfakkiriet, u r-regoli tiegħek, u biex jagħmel dawn l-affarijiet kollha u jibni t-tempju* li jien għamilt preparamenti għalih.” 20  Imbagħad David qal lill-kongregazzjoni kollha: “Issa faħħru lil Ġeħova l-Alla tagħkom.” U dawk kollha fil-kongregazzjoni faħħru lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom u mielu u nxteħtu fl-art quddiem Ġeħova u r-re. 21  U l-għada komplew joffru sagrifiċċji lil Ġeħova u l-offerti tal-ħruq lil Ġeħova, 1,000 barri żgħir,* 1,000 muntun, 1,000 ħaruf, u l-offerti tax-xorb li joffru magħhom. Huma offrew kwantità kbira taʼ sagrifiċċji għal Iżrael kollu. 22  Dakinhar komplew jieklu u jixorbu quddiem Ġeħova b’ferħ kbir, u reġgħu għamlu re lil Salamun bin David u dilkuh* quddiem Ġeħova bħala mexxej. Dilku wkoll lil Sadok bħala qassis. 23  Salamun qagħad fuq it-tron taʼ Ġeħova bħala re minflok missieru David u rnexxa bħala re. L-Iżraelin kollha kienu ubbidjenti lejh. 24  Il-kapijiet kollha, il-gwerriera b’saħħithom, u kif ukoll it-tfal kollha tar-Re David issottomettew ruħhom lejn Salamun ir-re. 25  U Ġeħova għamel lil Salamun importanti ħafna f’għajnejn Iżrael kollu u tah glorja li ebda re qablu fuq Iżrael ma kellu bħalha. 26  B’hekk, David bin Ġesse mexxa fuq Iżrael kollu, 27  u dam imexxi fuq Iżrael 40 sena. F’Ħebron mexxa sebaʼ snin, u f’Ġerusalemm 33 sena. 28  Hu miet meta kien xjaħ sew, kuntent bil-ħajja twila tiegħu, bil-ġid, u bil-glorja. U ibnu Salamun sar re minfloku. 29  L-istorja kollha tar-Re David qiegħda fil-kitbiet taʼ Samwel il-profeta,* taʼ Natan il-profeta, u taʼ Gad il-viżjonarju. 30  Dawn il-kitbiet isemmu s-saltna tiegħu, il-qawwa tiegħu, u dak li ġara fi żmienu, fi żmien Iżrael, u fi żmien is-saltniet kollha taʼ madwaru.

Noti taʼ taħt

Jew “delikat.”
Jew “ċittadella; palazz.”
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Darik kienet munita tad-deheb Persjana. Ara App. B14.
Jew “dinjità.”
Jew “bis-sewwa; bl-integrità.”
Jew “devota għalkollox.”
Jew “iċ-ċittadella; il-palazz.”
Jew “għoġol.”
Letteralment “il-veġġent.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.