L-Ewwel Kronaki 28:1-21

  • David jitkellem fuq il-bini tat-tempju (1-8)

  • Istruzzjonijiet lil Salamun; jingħata l-pjanta (9-21)

28  Imbagħad, David ġabar f’Ġerusalemm il-kapijiet kollha t’Iżrael: il-kapijiet tat-tribujiet, il-kapijiet tal-gruppi li jaqdu lir-re, il-kapijiet tal-eluf u l-kapijiet tal-mijiet, il-kapijiet taʼ fuq il-ġid u l-annimali kollha tar-re u tat-tfal tiegħu, l-uffiċjali tal-palazz, u kull raġel b’saħħtu u kapaċi.  Imbagħad ir-Re David qam bilwieqfa u qal: “Isimgħuni, ħuti u poplu tiegħi. Jien xtaqt minn qalbi li nibni dar bħala post taʼ mistrieħ għall-arka tal-patt taʼ Ġeħova u bħala banketta għal saqajn l-Alla tagħna, u bdejt nipprepara għall-bini.  Imma l-Alla l-veru qalli: ‘Mhux int se tibni dar għal ismi, għax int raġel tal-gwerer u xerridt id-demm.’  Madankollu, Ġeħova l-Alla t’Iżrael għażilni mid-dar kollha taʼ missieri biex inkun re fuq Iżrael għal dejjem. Għax hu għażel lil Ġuda bħala l-mexxej, u mid-dar taʼ Ġuda għażel id-dar taʼ missieri, u mit-tfal taʼ missieri approva lili biex jagħmilni re fuq Iżrael kollu.  Ġeħova berikni b’ħafna tfal, u minnhom, hu għażel lil Salamun biex joqgħod fuq it-tron tas-saltna taʼ Ġeħova fuq Iżrael.  “Hu qalli, ‘Ibnek Salamun ikun dak li jibni d-dar tiegħi u l-btieħi tiegħi, għax jien għażiltu bħala ibni u jien insir missieru.  Jien insaħħaħ is-saltna tiegħu għal dejjem jekk ikun determinat li jobdi l-kmandamenti u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, bħalma qed jagħmel.’  Għalhekk, quddiem il-poplu kollu taʼ Ġeħova ngħid: Obdu bir-reqqa u fittxu l-kmandamenti kollha taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom, sabiex tirtu l-art tajba u tgħadduha bħala wirt permanenti lit-tfal tagħkom.  “U int, ibni Salamun, sir af lill-Alla tiegħi u aqdih b’qalb sħiħa* u b’attitudni pożittiva,* għax Ġeħova jfittex fil-qlub kollha u jaf kull ħsieb u intenzjoni. Jekk tfittxu, iħallik issibu, imma jekk titilqu, iwarrbek għal dejjem. 10  Issa li Ġeħova għażlek biex tibni dar bħala santwarju, kun kuraġġuż u ibda x-xogħol.” 11  Imbagħad David ta lil ibnu Salamun il-pjanta tal-intrata u tal-kmamar, inkluż l-imħażen, il-kmamar taʼ fuq, il-kmamar taʼ ġewwa tagħha, u l-kamra fejn Alla jaħfer id-dnubiet.* 12  Hu tah il-pjanta taʼ kull ħaġa li wrieh l-ispirtu t’Alla. Din kienet għall-btieħi tad-dar taʼ Ġeħova, għall-kmamar tal-ikel kollha taʼ madwarha, għall-postijiet fejn iżommu t-teżori fid-dar tal-Alla l-veru, u għall-postijiet fejn iżommu l-affarijiet li tqaddsu.* 13  U tah istruzzjonijiet dwar kif għandhom jitqassmu l-qassisin u l-Leviti, dwar ix-xogħol kollu tas-servizz fid-dar taʼ Ġeħova, u dwar l-għodod kollha tas-servizz tad-dar taʼ Ġeħova. 14  Qallu wkoll kemm kellu jiżen id-deheb għall-għodod kollha għas-servizzi differenti, kemm kellha tiżen il-fidda għall-għodod kollha għas-servizzi differenti, 15  kemm kellhom jiżnu l-gandlieri kollha tad-deheb u l-lampi tagħhom, kemm kellhom jiżnu l-gandlieri kollha tal-fidda u l-lampi tagħhom, 16  kemm kellu jiżen id-deheb għal kull mejda tal-ħobż tal-preżenza, kemm kellha tiżen il-fidda għall-imwejjed tal-fidda, 17  kemm kellu jiżen id-deheb pur għall-frieket, l-iskutelli, u l-buqari, u kemm kellha tiżen kull skutella żgħira tad-deheb u tal-fidda. 18  Hu qallu wkoll kemm kellu jiżen id-deheb irfinut għall-artal tal-inċens u għar-rappreżentazzjoni tal-karru, jiġifieri l-kerubini tad-deheb li għandhom ġwinħajhom miftuħin u jgħattu l-arka tal-patt taʼ Ġeħova. 19  David qal: “Id Ġeħova kienet fuqi u hu fehemni ħalli nniżżel bil-miktub id-dettalji kollha tal-pjanta.” 20  Imbagħad David qal lil ibnu Salamun: “Kun kuraġġuż u sod u ibda x-xogħol. Tibżax u titwerwirx, għax Alla Ġeħova, l-Alla tiegħi, qiegħed miegħek. Mhux se jabbandunak jew jitilqek, imma se jkun miegħek sakemm jitlesta x-xogħol kollu tas-servizz tad-dar taʼ Ġeħova. 21  U dawn huma l-gruppi tal-qassisin u tal-Leviti għas-servizz kollu tad-dar tal-Alla l-veru. Int għandek ħaddiema tas-sengħa li lesti jagħmlu kull tip taʼ xogħol, u l-kapijiet u n-nies kollha se jagħmlu kulma tgħidilhom.”

Noti taʼ taħt

Jew “devota għalkollox.”
Jew “bl-għaxqa taʼ ruħek.”
Jew “il-kamra fejn ipoġġu l-għatu.” Dan jirreferi għall-għatu tal-arka.
Jew “l-affarijiet iddedikati.”