L-Ewwel Kronaki 11:1-47

  • David jiġi inkarigat re minn Iżrael kollu (1-3)

  • David jirbaħ lil Sijon (4-9)

  • Il-gwerriera b’saħħithom taʼ David (10-47)

11  Maż-żmien, l-Iżraelin kollha nġabru għand David f’Ħebron u qalulu: “Aħna niġu minnek.* 2  Fil-passat, meta Sawl kien re, int kont il-wieħed li tmexxi lil Iżrael għall-battalji.* U Ġeħova l-Alla tiegħek qallek: ‘Int tirgħa lill-poplu tiegħi Iżrael, u int issir mexxej fuq il-poplu tiegħi Iżrael.’” 3  Għalhekk, l-anzjani* kollha t’Iżrael marru għand ir-Re David f’Ħebron, u hu għamel patt magħhom hemm quddiem Ġeħova. Imbagħad dilku* lil David bħala re fuq Iżrael, bħalma kien qal Ġeħova permezz taʼ Samwel. 4  Iktar tard, David u Iżrael kollu marru Ġerusalemm, jiġifieri Ġebus, fejn kienu joqogħdu l-Ġebusin. 5  In-nies taʼ Ġebus sfidaw lil David u qalu: “Int qatt ma tidħol hawn!” Iżda David xorta ħa taħt idejh il-fortizza taʼ Sijon, li issa hi l-Belt taʼ David. 6  Għalhekk David qal: “L-ewwel wieħed li jattakka lill-Ġebusin isir il-kap tal-armati.” U telaʼ l-ewwel Ġowab bin Seruja, u hu sar il-kap. 7  Imbagħad David beda jgħix fil-fortizza. Huwa għalhekk li semmewha l-Belt taʼ David. 8  Hu beda jibni l-belt dawramejt, mill-Għolja* sal-inħawi taʼ madwarha, u Ġowab irranġa l-bqija tal-belt. 9  B’hekk, David kellu iktar u iktar qawwa, u Ġeħova tal-armati kien miegħu. 10  Issa dawn huma l-kapijiet tal-gwerriera b’saħħithom taʼ David, li flimkien m’Iżrael kollu appoġġaw ħafna t-tmexxija tiegħu u għenuh isir re, bħalma qal Ġeħova dwar Iżrael. 11  Dawn li ġejjin huma l-gwerriera b’saħħithom taʼ David. Ġasobegħam bin wieħed Ħakmoni kien il-kap tat-tlieta. Hu qatel 300 bil-lanza tiegħu f’darba. 12  Warajh kien hemm Elegħażar bin Dodo l-Aħoħi. Hu kien fost it-tliet gwerriera b’saħħithom. 13  Hu kien maʼ David f’Pas-dammim, fejn il-Filistin kienu nġabru għall-gwerra. Issa kien hemm għalqa mimlija xgħir,* u n-nies kienu ħarbu minħabba l-Filistin. 14  Imma hu qagħad f’nofs l-għalqa, ipproteġieha, u baqaʼ joqtol lill-Filistin, u b’hekk Ġeħova ġab rebħa* kbira. 15  Darba, tlieta mit-30 kap niżlu lejn il-blata, ħdejn David fl-għar t’Għadullam, waqt li l-armata tal-Filistin kienet ikkampjata fil-Wied* taʼ Refajm. 16  Dik il-ħabta, David kien fil-fortizza, u f’Betlem kien hemm grupp taʼ suldati Filistin. 17  Imbagħad David esprima x-xewqa li kellu: “Kemm nixtieq nixrob l-ilma mill-ġiebja li hemm ħdejn il-bieb taʼ Betlem!” 18  Għal dan, it-tlieta daħlu fejn kien hemm il-kampijiet tal-Filistin, iġġieldu magħhom, tellgħu l-ilma mill-ġiebja taʼ ħdejn il-bieb taʼ Betlem, u ħaduh lil David. Imma hu ma riedx jixorbu u ferrgħu quddiem Ġeħova. 19  Hu qal: “Meta nqis is-sitwazzjoni mill-ħarsa tal-Alla tiegħi, ma jgħaddilix minn moħħi li nagħmel dan! Għandi jien nixrob id-demm taʼ dawn l-irġiel li ssograw ħajjithom? Għax huma ssograw ħajjithom biex iġibuh.” Għalhekk ma riedx jixorbu. Dawn huma l-affarijiet li għamlu t-tliet gwerriera b’saħħithom tiegħu. 20  Abisaj ħu Ġowab sar kap taʼ tlieta oħra. Hu qatel 300 bil-lanza tiegħu, u kellu reputazzjoni bħal dawn it-tlieta. 21  Mit-tlieta l-oħra, hu kien l-aħjar u kien il-kap tagħhom, imma ma laħaqx il-grad tal-ewwel tlieta. 22  Benaja bin Ġeħojada kien raġel kuraġġuż* li għamel ħafna affarijiet kbar f’Kabsil. Hu qatel liż-żewġt itfal t’Arjel taʼ Mowab, u niżel f’ħofra f’ġurnata bil-borra u qatel iljun. 23  Hu qatel ukoll raġel Eġizzjan li kien taʼ kobor straordinarju, twil ħames kubiti.* Għalkemm l-Eġizzjan kellu lanza li kienet tqila bħall-injama taʼ min jinseġ bin-newl, hu mar għalih b’bastun, ħataflu l-lanza, u qatlu biha stess. 24  Dawn kienu l-affarijiet li għamel Benaja bin Ġeħojada. Hu kellu reputazzjoni bħat-tliet gwerriera b’saħħithom. 25  Għalkemm kien saħansitra aħjar mit-30, ma laħaqx il-grad tat-tlieta. Madankollu, David inkarigah fuq il-gwardja persunali tiegħu. 26  Il-gwerriera b’saħħithom tal-qawwiet militari kienu Għasael ħu Ġowab, Elħanan bin Dodo minn Betlem, 27  Sammot il-Ħarori, Ħeleż il-Peloni, 28  Ira bin Ikkes it-Tekogħi, Abi-għeżer l-Għanatoti, 29  Sibbekaj il-Ħusati, Ilaj l-Aħoħi, 30  Maħaraj in-Netofati, Ħeled bin Bagħnah in-Netofati, 31  Itaj bin Ribaj minn Gibegħa tal-Benjamini, Benaja l-Piratoni, 32  Ħuraj mill-widien taʼ Gagħas, Abijel l-Għarbati, 33  Għażmawet il-Baħarumi, Eljaħba s-Sagħlboni, 34  it-tfal taʼ Ħasem il-Giżoni, Ġonatan bin Sagi l-Ħagħrari, 35  Aħijam bin Sakar il-Ħagħrari, Elifal bin Ur, 36  Ħefer il-Mekerati, Aħija l-Peloni, 37  Ħesro l-Karmeli, Nagħraj bin Eżbaj, 38  Ġoel ħu Natan, Mibħar bin Ħagri, 39  Selek l-Għammoni, Naħaraj il-Biroti, dak li kien iġorr l-armi taʼ Ġowab bin Seruja, 40  Ira l-Itri, Gareb l-Itri, 41  Urija l-Ħitti, Żabad bin Aħlaj, 42  Għadina bin Siża r-Rubeni, kap tar-Rubenin, u 30 miegħu, 43  Ħanan bin Magħka, Ġosafat il-Mitni, 44  Użżja l-Għastaroti, Sama u Ġegħijel it-tfal taʼ Ħotam l-Għarogħeri, 45  Ġedjagħel bin Simri, u ħuh Ġoħa t-Tisi, 46  Eligħel il-Maħawi, Ġeribaj u Ġosawija t-tfal taʼ Elngħam, Itma l-Mowabi, 47  Eligħel, Għobed, u Ġagħsijel il-Mesobi.

Noti taʼ taħt

^ Letteralment “Aħna għadmek u laħmek.”
^ Letteralment “li toħroġ u ddaħħal lil Iżrael.”
^ Jew “Millo.” Terminu Ebrajk li jfisser “timla.”
^ Jiġifieri barley.
^ Jew “salvazzjoni.”
^ Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”
^ Letteralment “bin raġel qalbieni.”
^ Hu kien twil madwar 2.23 metri. Ara App. B14.