L-Ewwel Kronaki 22:1-19
22 Imbagħad David qal: “Din hi d-dar taʼ Ġeħova l-Alla l-veru, u dan hu l-artal għall-offerta tal-ħruq għal Iżrael.”
2 David imbagħad ikkmanda biex jiġbru flimkien lir-residenti barranin li kienu fl-art t’Iżrael, u qabbadhom jaqtgħu l-ġebel u jifformawh għall-bini tad-dar tal-Alla l-veru.
3 David ipprepara wkoll kwantità kbira taʼ ħadid biex isiru msiemer għall-bibien u għall-irbit, kwantità kbira taʼ ram li ma setax jintiżen,
4 u kwantità kbira taʼ njam taċ-ċedru li kienu tawh is-Sidonin u t-Tirin.
5 U David qal: “Ibni Salamun hu żagħżugħ u bla esperjenza,* u d-dar li trid tinbena lil Ġeħova għandha tkun impressjonanti ħalli tkun magħrufa għas-sbuħija tagħha fil-pajjiżi kollha. Għalhekk, ħa nippreparalu kollox.” U qabel ma miet, David ipprepara kwantità kbira taʼ materjal.
6 Barra minn hekk, hu għajjat lil ibnu Salamun u qallu biex jibni dar lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael.
7 David qal lil ibnu Salamun: “Jien xtaqt minn qalbi li nibni dar għal isem Ġeħova l-Alla tiegħi.
8 Imma Ġeħova qalli, ‘Int xerridt kwantità kbira taʼ demm, u ġġilidt gwerer kbar. Mhux int se tibni dar għal ismi, għax xerridt ammont kbir taʼ demm fuq l-art quddiemi.
9 Int se jkollok tifel li se jgħix fil-paċi,* u jien se nipproteġih mill-għedewwa kollha taʼ madwaru, għax ismu jkun Salamun,* u nagħti paċi u kwiet lil Iżrael fi żmienu.
10 Ikun hu li jibni dar għal ismi. Hu jsir it-tifel tiegħi u jien insir missieru. Jien insaħħaħ it-tron taʼ saltnatu fuq Iżrael għal dejjem.’
11 “Issa, ibni, jalla Ġeħova jkun miegħek, u jalla tirnexxi u tibni d-dar taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek, bħalma qal dwarek.
12 Jalla Ġeħova jagħtik l-għaqal u l-abbiltà li tifhem meta jagħtik l-awtorità fuq Iżrael. B’hekk tkun tistaʼ tobdi l-liġi taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek.
13 Jekk tobdi bir-reqqa r-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li Ġeħova kkmanda lil Mosè biex jagħti lil Iżrael, int tirnexxi. Kun kuraġġuż u sod. Tibżax u titwerwirx.
14 Jien għamilt sforz kbir biex nipprepara dawn l-affarijiet għad-dar taʼ Ġeħova: 100,000 talent* deheb, 1,000,000 talent fidda, kwantità kbira taʼ ram u ħadid li ma jistgħux jintiżnu, u njam u ġebel. Imma int se żżid magħhom.
15 Għandek ukoll ħafna ħaddiema miegħek: dawk li jaqtgħu l-ġebel, bennejja, mastrudaxxi, u kull tip taʼ ħaddiem tas-sengħa.
16 Tant hemm deheb, fidda, ram, u ħadid li ma jistgħux jintiżnu. Mela ibda x-xogħol u jalla Ġeħova jkun miegħek.”
17 Imbagħad David ikkmanda l-kapijiet kollha t’Iżrael biex jgħinu lil ibnu Salamun billi qalilhom:
18 “Ġeħova l-Alla tagħkom hu magħkom, u takom il-mistrieħ mill-għedewwa kollha taʼ madwarkom. Għax hu tani f’idejja n-nies tal-pajjiż, u l-pajjiż ġie fil-kontroll taʼ Ġeħova u l-poplu tiegħu.
19 Mela kunu determinati b’qalbkom u ruħkom* kollha biex tfittxu lil Ġeħova l-Alla tagħkom. Ibdew ibnu s-santwarju taʼ Ġeħova l-Alla l-veru, ħalli ġġibu l-arka tal-patt taʼ Ġeħova u l-għodod qaddisin tal-Alla l-veru fid-dar mibnija għal isem Ġeħova.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “delikat.”
^ Letteralment “bniedem taʼ serħan.”
^ Minn kelma Ebrajka li tfisser “Paċi.”

