L-Ewwel Kronaki 14:1-17

  • David ikkonfermat bħala re (1, 2)

  • Il-familja taʼ David (3-7)

  • Il-Filistin megħlubin (8-17)

14  Ir-Re Ħiram taʼ Tir bagħat messaġġiera għand David, kif ukoll injam taċ-ċedru, bennejja, u mastrudaxxi biex jibnulu palazz. 2  David kien jaf li Ġeħova kien saħħu bħala re fuq Iżrael u li kien saħħaħ it-tmexxija tiegħu minħabba l-poplu Tiegħu Iżrael. 3  David ħa iktar nisa f’Ġerusalemm, u kellu iktar subien u bniet. 4  Dawn huma l-ismijiet tas-subien li kellu f’Ġerusalemm: Sammugħa, Sobab, Natan, Salamun, 5  Ibħar, Elisugħa, Elfelet, 6  Noga, Nefeg, Ġafigħa, 7  Elisama, Begħljada, u Elifelet. 8  Meta l-Filistin semgħu li David ġie inkarigat* bħala re fuq Iżrael kollu, telgħu kollha jfittxuh. Meta David semaʼ b’dan, ħareġ kontrihom. 9  Imbagħad il-Filistin marru u bdew jattakkaw lin-nies fil-Wied* taʼ Refajm. 10  David staqsa lil Alla: “Nitlaʼ kontra l-Filistin? Tagħtihomli f’idejja?” U Ġeħova wieġbu: “Itlaʼ għax jien żgur li nagħtihomlok f’idejk.” 11  Għalhekk, David telaʼ Bagħal-perasim u qatilhom hemmhekk. Hu qal: “L-Alla l-veru ħarbat l-għedewwa permezz tiegħi, bħal ilma li joħroġ bis-saħħa u jħarbat dak li jkun hemm quddiemu.” Huwa għalhekk li dan il-post semmewh Bagħal-perasim.* 12  Il-Filistin ħallew l-allat tagħhom hemmhekk, u bil-kmand taʼ David dawn l-allat ġew maħruqin. 13  Iktar tard il-Filistin reġgħu għamlu attakk fil-wied.* 14  David reġaʼ staqsa lil Alla x’għandu jagħmel, u wieġbu: “Titlax direttament. Minflok, dur minn warajhom u attakkahom quddiem is-siġar tal-baka. 15  U xħin tismaʼ l-ħoss bħal taʼ nies jimxu fuq il-quċċata tas-siġar tal-baka, attakka, għaliex l-Alla l-veru jkun ħareġ qablek biex jeqred l-armata tal-Filistin.” 16  Għalhekk, David għamel bħalma kien ikkmandah l-Alla l-veru, u qered l-armata tal-Filistin minn Gibegħon sa Geżer. 17  U David sar magħruf fl-artijiet kollha, u Ġeħova ġiegħel lill-popli kollha jibżgħu minnu.

Noti taʼ taħt

^ Letteralment “midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”
^ Ifisser “Sid tat-Tħarbit.”
^ Jew “fil-pjanura l-baxxa.”