Lamentazzjonijiet 5:1-22

  • In-nies jitolbu biex jiġu aċċettati lura

    • “Ftakar xi ġralna” (1)

    • ‘Ħażin għalina; aħna dnibna’ (16)

    • “Ġeħova, erġaʼ ressaqna lejk” (21)

    • ‘Ħa jerġaʼ jkollna żmien bħal qabel’ (21)

5  Ġeħova, ftakar xi ġralna. Ħares u ara d-diżunur tagħna.  2  Il-wirt tagħna ngħata lill-istranġieri, u d-djar tagħna lill-barranin.  3  Aħna sirna orfni mingħajr missier. Ommijietna saru bħar-romol.  4  Irridu nħallsu biex nixorbu l-ilma tagħna stess, u l-injam tagħna rridu nixtruh.  5  Dawk li qed jiġru warajna huma viċin ħafna tagħna;Aħna għajjenin, imma mhux qed iħalluna nistrieħu.  6  Aħna fdajna fl-Eġittu u l-Assirja biex ikollna biżżejjed x’nieklu.  7  Missirijietna dinbu. Huma m’għadhomx iktar magħna, imma aħna qed inġorru l-iżbalji tagħhom bħala tagħbija.  8  Issa, qaddejja qed imexxu fuqna; m’hemm ħadd li jeħlisna minn taħt idejhom.  9  Minħabba x-xabla fid-deżert, aħna qed nissograw ħajjitna biex inġibu l-ħobż. 10  Minħabba l-ġuħ li batejna, telgħalna d-deni u l-ġilda tagħna saret taħraq bħal forn. 11  Huma umiljaw* lin-nisa miżżewġin tagħna f’Sijon, u lit-tfajliet* fil-bliet taʼ Ġuda. 12  Lill-mexxejja dendluhom minn idhom u ma wrewx rispett lejn l-anzjani. 13  Il-ġuvintur iġorru l-mitħna tal-idejn, u s-subien jaqgħu minħabba t-toqol tal-injam li qed iġorru. 14  M’għadx hemm anzjani f’bieb il-belt; il-ġuvintur m’għadhomx idoqqu l-mużika. 15  M’għadniex ferħanin; minflok niżfnu, inħossuna mdejqin. 16  Il-kuruna waqgħet minn fuq rasna. Ħażin għalina, għax aħna dnibna! 17  Minħabba f’hekk, qalbna muġugħa,U minħabba dawn l-affarijiet li m’għadniex naraw sew. 18  Minħabba li l-Muntanja Sijon hi abbandunata, issa hemm il-volpijiet jiġġerrew fuqha. 19  Imma int, Ġeħova, qiegħed fuq it-tron għal dejjem. It-tron tiegħek se jibqaʼ minn ġenerazzjoni għal oħra. 20  Għala se tinsiena għal dejjem u tabbandunana għal żmien twil? 21  Ġeħova, erġaʼ ressaqna lejk, u aħna se nkunu lesti li niġu mill-ewwel. Ħa jerġaʼ jkollna żmien bħal dak taʼ qabel. 22  Madankollu, int warrabtna għalkollox. Int għadek irrabjat ħafna magħna.

Noti taʼ taħt

Jew “stupraw.”
Letteralment “lill-verġni.”