Lamentazzjonijiet 2:1-22

  • Ir-rabja taʼ Ġeħova kontra Ġerusalemm

    • Ma tintwera l-ebda ħniena (2)

    • Ġeħova bħala għadu tagħha (5)

    • Biki minħabba Sijon (11-13)

    • Dawk li jgħaddu mit-triq iwaqqgħu għaċ-ċajt lill-belt li xi darba kienet sabiħa (15)

    • L-għedewwa jifirħu minħabba dak li ġara lil Sijon (17)

א [Alef] 2  Ġeħova għatta bħal sħaba lill-belt taʼ Sijon bir-rabja tiegħu. Hu tefaʼ s-sbuħija t’Iżrael mis-sema għal fuq l-art. Hu ma ftakarx fil-banketta għal saqajh fil-ġurnata tar-rabja tiegħu. ב [Bet]  2  Ġeħova qered il-postijiet fejn jgħix Ġakobb mingħajr ma wera ħniena. Meta kien irrabjat ħafna, waqqaʼ l-postijiet iffortifikati taʼ Ġuda.* Hu tefaʼ mal-art lis-saltna u l-mexxejja tagħha u ddiżonorahom. ג [Gimel]  3  Meta kien irrabjat ħafna, neħħa s-saħħa kollha* t’Iżrael. Hu ma baqax jipproteġina* meta attakkana l-għadu,Hu baqaʼ rrabjat ma’ Ġakobb bħal nar li jaħraq dak kollu li hemm madwaru. ד [Dalet]  4  Bħal għadu, għawweġ il-qaws u lesta idu l-leminija biex jattakkana;Hu baqaʼ joqtol lil dawk kollha li huma sbieħ fl-għajnejn. U b’rabja kbira qered it-tinda tal-belt taʼ Sijon, bħalma jeqred in-nar. ה [Ħe]  5  Ġeħova sar bħal għadu. Hu qered lil Iżrael. Hu qered it-torrijiet kollha tagħha;Hu qered il-postijiet iffortifikati kollha tagħha. U fil-belt taʼ Ġuda żied ħafna l-biki u n-niket. ו [Waw]  6  Hu waqqaʼ t-tinda tiegħu, bħal tinda taʼ kenn fi ġnien. Ġeħova ġab fit-tmiem* il-festa tiegħu. Hu ġiegħel li l-festa u s-Sabat jintesew f’Sijon,U meta jkun irrabjat ħafna, ma jurix rispett lir-re u l-qassis. ז [Żajin]  7  Ġeħova warrab l-artal tiegħu;Hu stmerr is-santwarju tiegħu. Hu ħalla l-għedewwa jirbħu s-swar tat-torrijiet iffortifikati tagħha. Huma għollew leħinhom fid-dar taʼ Ġeħova, bħalma jagħmlu f’ġurnata taʼ festa. ח [Ħet]  8  Ġeħova ddeċieda li jeqred is-swar tal-belt taʼ Sijon. Hu kejjel is-swar bil-ħabel tal-kejl. Ma żammx lura milli jġib qerda. Hu bħallikieku qed iġiegħel lis-swar u l-ġebel taʼ taħtu jibku. Dawn saru bla saħħa. ט [Tet]  9  Il-bibien tagħha ntradmu fl-art. Hu qered u farrak l-istaneg tagħha. Ir-re u l-mexxejja tagħha huma eżiljati fost il-popli. M’hemm ħadd li qed jobdi l-liġi.* Anki l-profeti tagħha mhumiex jirċievu viżjonijiet minn Ġeħova. י [Jod] 10  L-anzjani* tal-belt taʼ Sijon qegħdin bilqiegħda mal-art u ma jgħidu xejn. Huma jitfgħu t-trab fuq rashom u lebsin il-ħwejjeġ tal-ixkora. It-tfajliet* taʼ Ġerusalemm niżżlu rashom sal-art. כ [Kaf] 11  Għajnejja ma niflaħhomx daqskemm bkejt. Jien iddisprat.* Qalbi vera maqsuma* minħabba l-waqgħa tat-tifla tal-poplu tiegħi,*Għax it-tfal u t-trabi qed jagħtihom ħass ħażin fil-pjazez tal-belt. ל [Lamed] 12  Hekk kif jagħtihom ħass ħażin bħal xi ħadd li weġġaʼ fil-pjazez tal-belt,Hekk kif imutu* bil-mod il-mod f’idejn ommhom,Jibqgħu jistaqsuha: “Fejn huma ċ-ċereali* u l-inbid?” מ [Mem] 13  X’eżempju nistaʼ nagħtik? Jew maʼ xiex nistaʼ nxebbhek, belt taʼ Ġerusalemm? Maʼ xiex nistaʼ nqabblek biex infarrġek, belt taʼ Sijon? Għax il-ferita tiegħek kbira daqs il-baħar. Min jistaʼ jfejqek? נ [Nun] 14  Il-viżjonijiet li raw il-profeti tiegħek kienu foloz u bla sens. U huma ħallewk tmur fl-eżilju billi ma kixfux l-iżbalji tiegħek,Imma baqgħu jgħidulek viżjonijiet li huma foloz u li jqarrqu. ס [Samek] 15  Dawk kollha li jgħaddu mit-triq iċapċpulek biex iwaqqgħuk għaċ-ċajt. Huma jsaffru bi stagħġib u jxenglu rashom lejn il-belt taʼ Ġerusalemm, u jistaqsu: “Din hi l-belt li dwarha qalu, ‘Is-sbuħija tagħha hi perfetta u li hi l-ferħ tad-dinja kollha’?” פ [Pe] 16  L-għedewwa kollha tiegħek fetħu ħalqhom biex jgħaddu ż-żmien bik. Huma jwaqqgħuk għaċ-ċajt u jheżżu snienhom, u jgħidu: “Aħna qridnieha. Din hi l-ġurnata li konna qed nistennew. Waslet u rajnieha!” ע [Għajn] 17  Ġeħova għamel dak li kellu f’moħħu;Hu wettaq dak li qal, dak li kkmanda żmien twil ilu. Hu qered mingħajr ħniena. Hu ħalla l-għadu jifraħ għax rebaħlek; hu żied is-saħħa* tal-għedewwa tiegħek. צ [Sade] 18  Belt taʼ Sijon,* in-nies tiegħek qed jgħajtu lil Ġeħova minn qalbhom. Ħalli d-dmugħ tiegħek jibqaʼ nieżel lejl u nhar. Tistrieħx u tiqafx tibki. ק [Kof] 19  Qum! Ibki l-lejl kollu. Iftaħ qalbek maʼ Ġeħova, int u tibki. Għolli jdejk ’il fuq biex titolbu għat-tfal tiegħek,Li qed jagħtihom ħass ħażin f’kull kantuniera tat-triq minħabba l-ġuħ, ħalli jibqgħu jgħixu. ר [Rex] 20  Ġeħova, ħares lejn in-nies tiegħek li ttrattajt bl-aħrax. Għandhom in-nisa jibqgħu jieklu t-trabi li jwelldu u t-tfal li rabbew? Jew għandhom il-qassisin u l-profeti jinqatlu fis-santwarju tiegħek, Ġeħova? ש [Xin] 21  It-tfal u x-xjuħ huma mejtin fit-toroq. It-tfajliet u l-ġuvintur tiegħi nqatlu bix-xabla. Int qtilthom meta kont irrabjat; immassakrajthom mingħajr ħniena. ת [Taw] 22  Int iġġib twerwir minn kull naħa, bħal meta ssejjaħ in-nies għall-festa. Fil-ġurnata tar-rabja tiegħek, Ġeħova, ħadd mhu se jeħlisha jew isalva;L-għadu tiegħi qered għalkollox dawk li jien wellidt u rabbejt.

Noti taʼ taħt

Letteralment “bint Ġuda.”
Letteralment “qaċċat kull qarn.”
Letteralment “Hu neħħa idu l-leminija.”
Jew “qered.”
Jew “l-istruzzjoni.”
Letteralment “Il-verġni.”
“It-tifla tal-poplu tiegħi” hi espressjoni poetika li forsi turi ħniena jew simpatija.
Letteralment “L-imsaren tiegħi mqallbin.”
Letteralment “Fwiedi xxerred mal-art.”
Jew “ruħhom tmut.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Letteralment “il-qarn.”
Letteralment “Sur taʼ bint Sijon.”