Lamentazzjonijiet 1:1-22

  • Ġerusalemm imqabbla m’armla

    • Hi spiċċat weħidha u abbandunata (1)

    • Sijon dinbet bil-kbir (8, 9)

    • Alla rrifjuta lil Sijon (12-15)

    • Sijon m’għandha lil ħadd min ifarraġha (17)

א [Alef]* 1  Ġerusalemm kienet mimlija nies, imma issa spiċċat waħedha. Il-belt kienet importanti* fost il-popli, imma saret bħal armla. Minkejja li kienet prinċipessa fost il-provinċji, hi ġiet imġiegħla tagħmel xogħol taʼ bilfors! ב [Bet]  2  Hi tibki fuq li tibki matul il-lejl, u d-dmugħ tagħha jċarċar mal-wardiet taʼ wiċċha. Ħadd mill-maħbubin kollha tagħha mhu qed ifarraġha. Sħabha kollha ttradewha; saru għedewwa tagħha. ג [Gimel]  3  Ġuda* ttieħdet fl-eżilju; hi qed tbati u mġiegħla taħdem ħafna bħala lsira. Hi għandha tgħix fost il-popli; imkien ma tistaʼ tistrieħ. Dawk kollha li jippersegwitawha laħquha meta ma setgħetx tiddefendi lilha nfisha. ד [Dalet]  4  Hemm id-dwejjaq fit-toroq li jagħtu għal Sijon, għax ħadd mhu ġej għall-festa. Il-bibien kollha taʼ Sijon huma mkissrin; il-qassisin tagħha għandhom qalbhom maqsuma. It-tfajliet* tagħha qed jibku, u hi qed tbati ħafna. ה [Ħe]  5  L-għedewwa tagħha issa huma s-sidien* tagħha; huma ma jinkwetawx. Ġeħova ġabilha l-inkwiet minħabba li għamlet ħafna dnubiet. It-tfal tagħha ttieħdu bħala lsiera mill-għadu. ו [Waw]  6  Il-belt taʼ Sijon tilfet il-ġmiel kollu tagħha. Il-mexxejja tagħha huma bħal ċriev li m’għandhomx fejn jirgħaw,U huma jimxu għajjenin quddiem dak li jrid jaqbadhom. ז [Żajin]  7  Fiż-żmien meta kienet qed tbati u n-nies tagħha ma kellhomx fejn joqogħdu,Ġerusalemm tiftakar fl-affarijiet prezzjużi kollha li kellha żmien twil ilu. Meta l-għadu ħa taħt idejh lin-nies tagħha u ma kellha lil ħadd min jgħinha,L-għedewwa tagħha rawha u ħadu pjaċir* bil-waqgħa tagħha. ח [Ħet]  8  Ġerusalemm dinbet bil-kbir. Hu għalhekk li saret xi ħaġa diżgustanti. Dawk kollha li kienu jonorawha qed jittrattawha b’diżrispett, għax rawha għarwiena. Hi mweġġgħa u ddur lura bil-mistħija. ט [Tet]  9  Il-ħwejjeġ tagħha huma mtebbgħin. Hi ma ħasbitx dwar il-futur tagħha. Il-waqgħa tagħha kienet tal-għaġeb; m’hemm ħadd min ifarraġha. Hi tgħid, “Ġeħova, ara t-tbatija tiegħi, għax l-għadu qed jiftaħar.” י [Jod] 10  L-għadu ħadilha t-teżori kollha tagħha. Hi rat popli jidħlu fis-santwarju tagħha,Dawk li int ikkmandajt li m’għandhomx jidħlu fil-kongregazzjoni tiegħek. כ [Kaf] 11  In-nies kollha tagħha qed jibku; qed ifittxu l-ħobż. Huma taw l-affarijiet prezzjużi li kellhom biex ikollhom xi ħaġa x’jieklu, sempliċiment biex jibqgħu ħajjin.* Ġeħova, ħares u ara li jien sirt bħal mara* li ma tiswa għal xejn. ל [Lamed] 12  Intom li tgħaddu minn ħdejn it-triq, mhu xejn dan għalikom? Ħarsu u araw! Jaqaw hemm xi wġigħ bħall-uġigħ li ġejt ikkastigata bih jien,Bħal dak li Ġeħova ġegħelni nbati meta kien irrabjat ħafna? מ [Mem] 13  Hu bagħat nar mis-sema biex jaħraq kull għadma li għandi. Firex xibka għal saqajja; ġegħelni ndur lura. Hu għamilni bħal mara mwarrba. Il-ħin kollu nħossni ma niflaħx. נ [Nun] 14  Hu rabat id-dnubiet tiegħi m’għonqi bħal madmad, hu stess rabathom. Poġġiehom fuq għonqi, u spiċċajt bla saħħa. Ġeħova tani f’idejn dawk li ma nistax negħleb. ס [Samek] 15  Ġeħova ħa lill-irġiel b’saħħithom kollha minn ġo nofsi. Hu ġabar in-nies kontrija biex ifarrak iż-żgħażagħ tiegħi. Ġeħova għaffeġ lill-verġni bint Ġuda fil-post fejn jintgħasar l-inbid. ע [Għajn] 16  Qed nibki minħabba dawn l-affarijiet; għajnejja mtlew bid-dmugħ. Għax kull min jistaʼ jfarraġni jew jgħinni* qiegħed ’il bogħod minni. It-tfal tiegħi huma mwarrbin, għax l-għadu rebħilna. פ [Pe] 17  Sijon fetħet idejha biex jgħinuha; m’għandha lil ħadd min ifarraġha. Ġeħova kkmanda lil dawk kollha li huma madwar Ġakobb biex jaġixxu bħala l-għedewwa tiegħu. Ġerusalemm saret bħal xi ħaġa diżgustanti għalihom. צ [Sade] 18  Ġeħova hu ġust f’dak li jagħmel, għax jien irribellajt kontra l-kmandamenti tiegħu. Isimgħu, intom in-nies kollha, u araw l-uġigħ tiegħi. It-tfajliet u l-ġuvintur tiegħi marru fl-eżilju. ק [Kof] 19  Jien għajjatt lill-maħbubin tiegħi, imma huma ttradewni. Fil-belt, il-qassisin u l-anzjani tiegħi spiċċaw fix-xejnWaqt li bdew ifittxu għall-ikel biex jibqgħu ħajjin.* ר [Rex] 20  Ġeħova, ara l-inkwiet kbir li għandi. Jien iddisprata.* Qalbi muġugħa, għax jien irribellajt għalkollox. Barra, ix-xabla qed toqtol it-tfal tiegħi u anki ġewwa d-dar, in-nies qed imutu. ש [Xin] 21  In-nies semgħu l-biki tiegħi; m’hemm ħadd biex ifarraġni. L-għedewwa kollha tiegħi semgħu bl-inkwiet tiegħi. Huma qed jifirħu, għax int ġibt dan fuqi. Imma se jasal iż-żmien li int tkellimt dwaru meta huma se jsiru bħali. ת [Taw] 22  Jalla tinduna bil-ħażen kollu tagħhom, u jalla tittrattahom bl-aħrax,Bħalma ttrattajt lili bl-aħrax minħabba d-dnubiet kollha tiegħi. Għax jien imdejqa ħafna, u qalbi muġugħa.

Noti taʼ taħt

L-ewwel erbaʼ kapitli huma għanjiet taʼ swied il-qalb skont l-alfabett Ebrajk.
Jew “mimlija nies.”
Ġuda qed jitqabbel maʼ mara.
Letteralment “Il-verġni.”
Letteralment “il-kap.”
Jew “daħqu.”
Hawnhekk qed jirreferi għal Ġerusalemm.
Jew “biex jieħdu r-ruħ.”
Jew “jgħinni nieħu r-ruħ.”
Jew “biex jieħdu r-ruħ.”
Letteralment “L-imsaren tiegħi mqallbin.”