Lamentazzjonijiet 3:1-66

  • Ġeremija jesprimi kif iħossu u t-tama tiegħu

    • Jien se “nistenniek bil-paċenzja” (21)

    • Alla jurina ħniena kuljum (22, 23)

    • Alla hu tajjeb maʼ dawk li jittamaw fih (25)

    • Tajjeb li xi ħadd jesperjenza diffikultà fiż-żgħożija (27)

    • Alla għamel sħaba biex ma jkunux jistgħu jersqu lejh (43, 44)

א [Alef] 3  Jien rajt it-tbatija minħabba li Alla kkastigana meta kien irrabjat ħafna.  2  Hu keċċieni u ġegħelni nimxi fid-dlam, u mhux fid-dawl.  3  Fil-fatt, hu l-ħin kollu kontrija. ב [Bet]  4  Hu herrieli l-laħam u l-ġilda tiegħi;Kissirli għadmi.  5  Hu assedjani; dawwarni bil-velenu u t-tbatija.  6  Hu ġegħelni ngħix f’postijiet mudlama, bħal dawk li ilhom mejtin. ג [Gimel]  7  Hu tellaʼ ħajt madwari biex ma naħrabx;Hu rabatni bi ktajjen tqal tar-ram.  8  U meta ngħajjat b’mod iddisprat biex jgħinni, hu jirrifjuta* t-talb tiegħi.  9  Hu għalaqli minn fejn ngħaddi b’ġebel maqtugħ bl-għodda;Hu għamilhieli diffiċli biex nimxi fit-toroq tiegħi. ד [Dalet] 10  Hu jistenna biex jattakkani bħal ors, bħal iljun li qed jistaħba. 11  Hu ġegħelni noħroġ minn triqti u qattagħni biċċiet.* Għamilni bħal wieħed abbandunat. 12  Hu għawweġ il-qaws tiegħu u mmira l-vleġġa lejja. ה [Ħe] 13  Bil-vleġeġ tal-barżakka tiegħu hu niffidli l-kliewi. 14  Għan-nies kollha sirt xi ħaġa tad-daħq, il-ħin kollu jwaqqgħuni għaċ-ċajt fil-kant tagħhom. 15  Hu faqagħni b’ikel morr u ġegħelni nibqaʼ nixrob taħlita bi pjanta morra. ו [Waw] 16  Hu jkissirli snieni biż-żrar;Iġegħelni nitmiegħek fl-irmied. 17  Int iċċaħħadni* mill-paċi; insejt x’inhu ferħ.* 18  Allura ngħid: “Il-glorja tiegħi spiċċat fix-xejn, u anki t-tama tiegħi f’Ġeħova.” ז [Żajin] 19  Ftakar fit-tbatija tiegħi, li m’għandix fejn noqgħod, u li niekol pjanta morra u l-velenu. 20  Int* żgur li se tiftakar fija u titbaxxa biex tgħinni. 21  Jien niftakar f’dan; hu għalhekk li nistenniek bil-paċenzja.* ח [Ħet] 22  Huwa minħabba l-imħabba u l-lealtà* taʼ Ġeħova li ma nqridniex għalkollox,Għax il-ħniena tiegħu ma tispiċċa qatt. 23  Kuljum turina l-ħniena; int dejjem taʼ min jafdak. 24  Jien għedt:* “Ġeħova hu s-sehem tiegħi, għalhekk se nistennieh bil-paċenzja.”* ט [Tet] 25  Ġeħova hu tajjeb maʼ dak li jittama fih, maʼ dak* li jibqaʼ jfittxu. 26  Ikun tajjeb li wieħed jistenna bil-kwiet* biex jiġi salvat minn Ġeħova. 27  Ikun tajjeb meta xi ħadd jesperjenza diffikultà fiż-żgħożija tiegħu. י [Jod] 28  Ħa joqgħod bilqiegħda waħdu u bil-kwiet meta Alla jippermetti dan. 29  Ħa jinxteħet wiċċu mal-art, forsi għad hemm tama li jiġi salvat. 30  Ħa jersaq lejn min qed jagħtih bil-ħarta; ħa jaċċetta t-tmaqdir kollu. כ [Kaf] 31  Għax Ġeħova mhux se jwarrabna għal dejjem. 32  Għalkemm ġegħelna nbatu, hu se jurina ħniena wkoll għax għandu ħafna mħabba u lealtà. 33  Għax hu ma jiħux pjaċir iġiegħel lin-nies ibatu u jweġġgħu. ל [Lamed] 34  Alla ma jiħux pjaċir li wieħed jgħaffeġ taħt saqajh il-priġunieri kollha tal-art, 35  Li wieħed ma jagħmilx il-ġustizzja maʼ xi ħadd quddiem l-Iktar Għoli, 36  U li wieħed iqarraq b’xi ħadd fil-kawża legali tiegħu. Ġeħova ma jittollerahomx dawn l-affarijiet. מ [Mem] 37  Ħadd ma jistaʼ jgħid xi ħaġa u jġegħelha tiġri, jekk ma jikkmandahiex Ġeħova li ssir. 38  L-Iktar Għoli jgħid affarijiet tajbin biss,Mhux affarijiet ħżiena. 39  Għala xi ħadd għandu jgerger minħabba l-konsegwenzi tad-dnub tiegħu? נ [Nun] 40  Ejjew neżaminaw u naħsbu sew dwar kif qed ngħixu, u ejja nerġgħu lura għand Ġeħova. 41  Ejja nitolbu lil Alla li hu fis-sema b’qalb sinċiera u b’idejna ’l fuq: 42  “Aħna dnibna u rribellajna, u int ma ħfirtilniex. ס [Samek] 43  Int irrabjajt u ma ħallejtniex nersqu lejk;Int ġrejt warajna u qtiltna mingħajr ħniena. 44  Int għamilt sħaba biex ma nkunux nistgħu nersqu lejk, u b’hekk it-talb tagħna ma jasalx għandek. 45  Fost il-popli, int tagħmilna bħal ħmieġ u skart.” פ [Pe] 46  L-għedewwa kollha tagħna jitkellmu kontrina. 47  Aħna dejjem nibżgħu u maqbudin f’nassa, aħna abbandunati u qegħdin f’rovina. 48  Id-dmugħ nieżel minn għajnejja bħal xmara minħabba li l-poplu tiegħi* qiegħed f’rovina. ע [Għajn] 49  Il-ħin kollu nibki, mhux se nieqaf 50  Sakemm Ġeħova jħares u jara x’inhu jiġrilna. 51  Jien qed inbati* meta nara x’inhu jiġri lill-bniet kollha tal-belt tiegħi. צ [Sade] 52  L-għedewwa tiegħi kkaċċjawni bħal għasfur għalxejn b’xejn. 53  Huma pprovaw joqtluni billi tefgħuni fil-ħofra; huma baqgħu jitfgħuli l-ġebel. 54  L-ilmijiet għattewli rasi, u jien għedt: “Żgur se mmut!” ק [Kof] 55  Ġeħova, jien għajjattlek għall-għajnuna minn qiegħ il-ħofra billi użajt ismek. 56  Ismagħni; tagħlaqx widnejk meta nitolbok biex tgħinni u teħlisni. 57  Int ġejt qrib tiegħi meta għajjattlek, u għedtli: “Tibżax.” ר [Rex] 58  Ġeħova, int qbiżt għalija* u salvajtli ħajti. 59  Ġeħova, int rajt il-ħsara li għamluli. Jekk jogħġbok, iġġudikani b’ġustizzja. 60  Int rajt il-vendetta kollha tagħhom, dak kollu li ppjanaw kontrija. ש [Sin] jew [Xin] 61  Ġeħova, int smajt kemm għajruni, dak kollu li ppjanaw kontrija. 62  L-għedewwa tiegħi l-ħin kollu jippjanaw bil-moħbi kontrija. 63  Arahom; jekk bilqiegħda jew bilwieqfa, huma jkantaw biex jgħaddu ż-żmien bija. ת [Taw] 64  Ġeħova, int se tpattihielhom skont dak li għamlu. 65  Int se tisħithom billi twebbsilhom rashom. 66  Ġeħova, meta tkun irrabjat, int se tiġri warajhom u teqridhom għalkollox minn fuq l-art.

Noti taʼ taħt

Jew “ifixkel; ma jilqax.”
Jew forsi “ġabni ma niswa xejn.”
Letteralment “tajjeb.”
Jew “iċċaħħad lil ruħi.”
Jew “Ruħek.”
Jew “b’attitudni xierqa.”
Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “Ruħi qalet.”
Jew “b’attitudni xierqa.”
Jew “mar-ruħ.”
Jew “jistenna bil-paċenzja.”
Letteralment “it-tifla tal-poplu tiegħi.”
Jew “Ruħi qed tbati.”
Jew “iddefendejt il-kawża taʼ ruħi.”