Imħallfin 17:1-13
-
L-idoli u l-qassis taʼ Mikea (1-13)
17 Kien hemm raġel mir-reġjun muntanjuż t’Efrajm jismu Mikea.
2 Hu qal lil ommu: “Tiftakar l-1,100 biċċa tal-fidda li ttieħdu mingħandek u li int sħitt il-wieħed li ħadhom waqt li jien kont qed nisimgħek? Il-fidda qiegħda għandi. Jien ħadtha.” Għal dan, ommu qalet: “Jalla Ġeħova jbierek lil ibni talli ammetta.”
3 Għalhekk, hu ta lura l-1,100 biċċa tal-fidda lil ommu, imma hi qaltlu: “Jien se nqaddes il-fidda tiegħi lil Ġeħova. Irridek tużaha biex tagħmel għalik statwa skolpita u oħra tal-metall,* sabiex il-fidda tkun tiegħek.”
4 Wara li ta lura l-fidda lil ommu, hi ħadet 200 biċċa tal-fidda u tathom lil wieħed li jaħdem il-fidda. Hu għamel statwa skolpita u oħra tal-metall,* u tqiegħdu f’dar Mikea.
5 Mikea kellu dar tal-allat, u għamel efod* u statwi tat-terafim.* Hu inkariga lil* wieħed mit-tfal tiegħu biex jaqdi bħala qassis għalih.
6 F’dawk il-jiem ma kienx hemm re f’Iżrael. Kulħadd kien jagħmel dak li hu sewwa f’għajnejh.
7 Issa kien hemm żagħżugħ minn Betlem taʼ Ġuda mill-familja taʼ Ġuda. Hu kien Levita li kien ilu jgħix hemm għal xi żmien.
8 Ir-raġel telaq mill-belt taʼ Betlem taʼ Ġuda biex isib post fejn jgħix. Waqt il-vjaġġ, hu wasal fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm, ħdejn id-dar taʼ Mikea.
9 Imbagħad Mikea qallu: “Minn fejn ġej?” Hu wieġbu: “Jien Levita minn Betlem taʼ Ġuda, u qed infittex post fejn ngħix.”
10 Għalhekk Mikea qallu: “Oqgħod miegħi u aqdi bħala missier* u qassis għalija. Jien nagħtik għaxar biċċiet tal-fidda fis-sena, tibdila ħwejjeġ, u l-ikel.” Allura, il-Levita daħal għandu.
11 B’hekk, il-Levita aċċetta li joqgħod mar-raġel u sar qisu wieħed mit-tfal tiegħu.
12 Iktar minn hekk, Mikea inkariga* l-Levita biex jaqdi bħala qassis għalih, u hu għex fid-dar taʼ Mikea.
13 Imbagħad Mikea qal: “Issa naf li Ġeħova se jittrattani tajjeb, għax il-Levita sar il-qassis tiegħi.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “statwa minn metall imdewweb.”
^ Jew “statwa minn metall imdewweb.”
^ Jew “l-allat tad-dar; l-idoli.”
^ Letteralment “mela id.”
^ Jew “wieħed li jagħti l-pariri.”
^ Letteralment “mela id.”

