Imħallfin 10:1-18

  • L-imħallfin Tola u Ġajir (1-5)

  • Iżrael jirribella u jindem (6-16)

  • L-Għammonin jheddu lil Iżrael (17, 18)

10  Wara Abimelek, Tola bin Puwa, bin Dodo, raġel minn Issakar, intgħażel biex isalva lil Iżrael. Hu kien jgħix f’Samir fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm. 2  Hu ġġudika lil Iżrael għal 23 sena. Imbagħad miet u ndifen f’Samir. 3  Warajh intgħażel Ġajir il-Gilegħadi, u hu ġġudika lil Iżrael għal 22 sena. 4  Hu kellu 30 tifel li kienu jirkbu 30 ħmar. Huma kellhom 30 belt, li għadhom jisimhom Ħawwot-ġajir sal-lum, u qegħdin fl-art taʼ Gilegħad. 5  Wara dan, Ġajir miet u ndifen f’Kamon. 6  L-Iżraelin reġgħu għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, u bdew jaqdu lill-Bagħalim, l-istatwi t’Għastoret, l-allat t’Aram,* l-allat taʼ Sidon, l-allat taʼ Mowab, l-allat tal-Għammonin, u l-allat tal-Filistin. Huma telqu lil Ġeħova u ma qdewhx. 7  Imbagħad, Ġeħova rrabja ħafna mal-Iżraelin, u tahom* f’idejn il-Filistin u l-Għammonin. 8  Għalhekk, f’dik is-sena dawn kissru u ħaqru bil-kbir lill-Iżraelin kollha li kienu fuq in-naħa tal-Ġordan f’Gilegħad, fl-art li kienet tal-Amurrin. Komplew jagħmlu dan għal 18-il sena. 9  L-Għammonin kienu jaqsmu wkoll għan-naħa l-oħra tal-Ġordan biex jiġġieldu kontra Ġuda, Benjamin, u dar Efrajm. U l-Iżraelin kienu f’diffikultà kbira. 10  Imbagħad l-Iżraelin għajtu lil Ġeħova għall-għajnuna, billi qalu: “Dnibna kontrik, għax tlaqna lill-Alla tagħna u qdejna lill-Bagħalim.” 11  Imma Ġeħova qal lill-Iżraelin: “Ma salvajtkomx jien mill-Eġizzjani, mill-Amurrin, mill-Għammonin, mill-Filistin, 12  mis-Sidonin, minn Għamalek, u minn Midjan meta ħaqrukom? Meta għajjattuli, jien salvajtkom minn taħt idejhom. 13  Imma intom abbandunajtuni u qdejtu allat oħrajn. Huwa għalhekk li m’iniex se nerġaʼ nsalvakom. 14  Morru għand l-allat li għażiltu u għajtu lilhom għall-għajnuna. Ħa jsalvawkom huma minn din is-sitwazzjoni diffiċli.” 15  Imma l-Iżraelin qalu lil Ġeħova: “Aħna dnibna. Agħmel magħna dak li jidhirlek li hu tajjeb f’għajnejk. Imma salvana llum, jekk jogħġbok.” 16  U neħħew l-allat barranin minn ġo nofshom u qdew lil Ġeħova. Minħabba f’hekk, ma setax jittollera iktar* it-tbatija t’Iżrael. 17  Maż-żmien, l-Għammonin inġabru flimkien u ramaw il-kampijiet f’Gilegħad. Għalhekk, l-Iżraelin inġabru flimkien u ramaw il-kampijiet f’Mispa. 18  In-nies u l-mexxejja taʼ Gilegħad qalu lil xulxin: “Min se jieħu t-tmexxija biex jiġġieled kontra l-Għammonin? Ħa jsir hu l-kap tan-nies kollha taʼ Gilegħad.”

Noti taʼ taħt

^ Jew “tas-Sirja.”
^ Letteralment “biegħhom.”
^ Jew “U ruħu ma felħitx iktar tara.”