Imħallfin 13:1-25

  • Anġlu jżur lil Manogħa u lil martu (1-23)

  • Jitwieled Sansun (24, 25)

13  L-Iżraelin reġgħu għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, u Ġeħova tahom f’idejn il-Filistin għal 40 sena. 2  Sadanittant, kien hemm raġel minn Sorgħa mill-familja tad-Danin li kien jismu Manogħa. Martu ma kellhiex tfal għax ma setax ikollha. 3  Maż-żmien, l-anġlu taʼ Ġeħova deher lill-mara u qalilha: “Għalkemm m’għandekx tfal għax ma jistax ikollok, int se toħroġ tqila u twelled iben. 4  Oqgħod attenta biex ma tixrobx inbid jew xorb alkoħoliku ieħor, u tiekol xejn mhux nadif. 5  Int żgur li se toħroġ tqila u twelled iben. Xagħru qatt m’għandu jinqataʼ, għax it-tifel ikun Nażirit t’Alla minn meta jitwieled,* u hu se jieħu t-tmexxija f’li jsalva lil Iżrael minn id il-Filistin.” 6  Imbagħad il-mara marret tgħid lil żewġha: “Ġie ħdejja raġel tal-Alla l-veru, u d-dehra tiegħu kienet bħal dik tal-anġlu tal-Alla l-veru, dehra tal-għaġeb. Jien ma staqsejtux minn fejn kien, u hu ma qallix x’jismu. 7  Imma qalli, ‘Int żgur se toħroġ tqila u twelled iben. Tixrobx inbid jew xorb alkoħoliku, u tiekol xejn mhux nadif, għax it-tifel ikun Nażirit t’Alla minn meta jitwieled* sa meta jmut.’” 8  Manogħa talab bil-ħniena lil Ġeħova u qallu: “Skużani Ġeħova. Jekk jogħġbok, ħalli lill-qaddej tiegħek li għadek kif bgħatt jerġaʼ jiġi u jgħidilna kif għandna nrabbu t-tifel li se jitwieled.” 9  Allura l-Alla l-veru semaʼ minn Manogħa, u l-anġlu tal-Alla l-veru reġaʼ mar ħdejn il-mara waqt li kienet bilqiegħda fl-għalqa. U żewġha Manogħa ma kienx magħha. 10  Il-mara telqet tiġri tgħid lil żewġha: “Deherli r-raġel li ġie ħdejja dakinhar.” 11  Imbagħad Manogħa qam u mar maʼ martu. Hu wasal ħdejh u qallu: “Int ir-raġel li kellimt lil marti?” Hu qal: “Jien hu.” 12  Imbagħad Manogħa qal: “Jalla jiġri dak li għedt! Kif se tkun il-ħajja tat-tifel, u x’se jkun xogħlu?” 13  Għalhekk, l-anġlu taʼ Ġeħova qal lil Manogħa: “Il-mara għandha toqgħod lura minn kull ħaġa li semmejtilha. 14  M’għandha tiekol xejn li jiġi mid-dielja, m’għandhiex tixrob inbid jew xorb alkoħoliku, u m’għandha tiekol xejn li mhux nadif. Ħa tobdi kulma kkmandajtha.” 15  Manogħa issa qal lill-anġlu taʼ Ġeħova: “Jekk jogħġbok, ibqaʼ hawn ħa nsajrulek gidi.” 16  Imma l-anġlu taʼ Ġeħova qal lil Manogħa: “Anki jekk nibqaʼ, mhux se niekol l-ikel tiegħek. Imma jekk tixtieq tagħti offerta tal-ħruq lil Ġeħova, tistaʼ toffriha.” Manogħa ma kienx jaf li dan kien l-anġlu taʼ Ġeħova. 17  Imbagħad Manogħa qal lill-anġlu taʼ Ġeħova: “X’jismek, sabiex nagħtuk unur meta sseħħ kelmtek?” 18  Madankollu, l-anġlu taʼ Ġeħova qallu: “Tistaqsinix x’jisimni, għax dan hu tal-għaġeb.” 19  Imbagħad Manogħa ħa l-gidi u l-offerta taċ-ċereali* u offriehom fuq il-blata lil Ġeħova. U Hu* kien qed jagħmel xi ħaġa tal-għaġeb waqt li Manogħa u martu kienu qed iħarsu. 20  Hekk kif il-fjamma telgħet mill-artal lejn is-sema, l-anġlu taʼ Ġeħova telaʼ fil-fjamma waqt li Manogħa u martu kienu qed iħarsu. Fil-pront inxteħtu wiċċhom fl-art. 21  L-anġlu taʼ Ġeħova ma reġax deher lil Manogħa u lil martu. Imbagħad Manogħa nduna li dan kien l-anġlu taʼ Ġeħova, 22  u qal lil martu: “Aħna żgur se mmutu, għax rajna lil Alla.” 23  Imma martu qaltlu: “Kieku Ġeħova ried joqtolna, ma kienx jaċċetta offerta tal-ħruq u offerta taċ-ċereali minn idejna, ma kienx jurina dawn l-affarijiet kollha, u ma kien jgħidilna xejn minn dawn l-affarijiet.” 24  Wara xi żmien, il-mara welldet iben u semmietu Sansun; u hekk kif it-tifel kiber, Ġeħova baqaʼ jbierku. 25  Maż-żmien, l-ispirtu taʼ Ġeħova beda jaħdem fuqu f’Maħane-dan, bejn Sorgħa u Estagħol.

Noti taʼ taħt

Letteralment “mill-ġuf.”
Letteralment “mill-ġuf.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Milli jidher Alla.