Imħallfin 1:1-36
1 Wara l-mewt taʼ Ġożwè, l-Iżraelin* raw x’inhi l-gwida taʼ Ġeħova billi staqsew: “Min minna se jiġġieled l-ewwel kontra l-Kangħanin?”
2 Ġeħova wieġeb: “Imur Ġuda. Jien se nagħtih* l-art f’idejh.”
3 Imbagħad Ġuda qal lil ħuh Simegħon: “Ejja miegħi fit-territorju li ngħatali* biex niġġieldu kontra l-Kangħanin. Imbagħad jien niġi miegħek fit-territorju li ngħatalek.” Għalhekk, Simegħon mar miegħu.
4 Meta l-irġiel taʼ Ġuda marru, Ġeħova tahom f’idejhom lill-Kangħanin u lill-Pereżin, u għelbu 10,000 raġel f’Beżek.
5 Hemm huma sabu lil Adoni-beżek u ġġildulu u għelbu lill-Kangħanin u lill-Pereżin.
6 Meta Adoni-beżek ħarab, huma ġrew warajh, qabduh, u qatgħulu s-swabaʼ l-kbar taʼ jdejh u saqajh.
7 Imbagħad Adoni-beżek qal: “Hemm 70 re bis-swabaʼ l-kbar taʼ jdejhom u saqajhom maqtugħin jiġbru l-ikel minn taħt il-mejda tiegħi. Alla għamilli bħalma għamilt jien lil ħaddieħor.” Wara dan ħaduh Ġerusalemm, u miet hemmhekk.
8 Iktar minn hekk, l-irġiel taʼ Ġuda ġġieldu kontra Ġerusalemm u rebħuha. Huma attakkaw in-nies tagħha bix-xabla u tawha n-nar.
9 Wara dan, l-irġiel taʼ Ġuda marru jiġġieldu kontra l-Kangħanin li kienu joqogħdu fir-reġjun muntanjuż, fin-Negeb, u fis-Sefela.
10 Għalhekk, l-irġiel taʼ Ġuda marru għall-Kangħanin li kienu jgħixu f’Ħebron (li qabel kien jisimha Kirjat-arba), u qatlu lil Sesaj, lil Aħiman, u lil Talmaj.
11 U minn hemmhekk marru għan-nies taʼ Debir. (Qabel, Debir kien jisimha Kirjat-sefer.)
12 Imbagħad Kaleb qal: “Lir-raġel li jattakka lil Kirjat-sefer u jirbaħha, inżewwiġlu lil binti Għaksa.”
13 U rebaħha Għotnijel li jiġi bin Kenaż ħu Kaleb. (Kenaż kien iżgħar minn Kaleb.) Għalhekk, żewwiġlu lil bintu Għaksa.
14 Waqt li kienet sejra d-dar, hi ħeġġitu biex jitlob għalqa lil missierha. Imbagħad hi niżlet minn fuq il-ħmar* u Kaleb staqsieha: “Xi trid?”
15 Hi qaltlu: “Agħtini barka, għax il-biċċa art li tajtni lejn in-Nofsinhar* hi niexfa. Agħtini wkoll Gullot-majm.”* Għalhekk, Kaleb taha Gullot taʼ Fuq u Gullot t’Isfel.
16 U dawk li jiġu mill-Keni, il-kunjatu taʼ Mosè, telgħu mill-belt tas-siġar tal-palm man-nies taʼ Ġuda lejn id-deżert taʼ Ġuda fin-Nofsinhar t’Għarad. Huma marru hemm u ssetiljaw fost in-nies.
17 Imma l-irġiel taʼ Ġuda u ħuthom is-Simegħonin komplew sejrin u attakkaw lill-Kangħanin li kienu joqogħdu f’Sefat u qerduha għalkollox. B’hekk, il-belt semmewha Ħorma.*
18 Wara dan, l-irġiel taʼ Ġuda rebħu lil Gaża, Askelon, u Għekron u t-territorji tagħhom.
19 Ġeħova kien mal-irġiel taʼ Ġuda, u huma ħadu f’idejhom ir-reġjun muntanjuż, imma ma rnexxilhomx ikeċċu n-nies li kienu jgħixu fil-pjanura,* għax dawn kellhom karrijiet tal-gwerra armati bi xfafar tal-ħadid.*
20 Huma taw Ħebron lil Kaleb, bħalma kien wiegħed Mosè, u Kaleb keċċa lit-tlett itfal t’Għanak minn hemmhekk.
21 Imma l-Benjamini ma keċċewx lill-Ġebusin li kienu joqogħdu Ġerusalemm. Għalhekk, il-Ġebusin għadhom jgħixu mal-Benjamini f’Ġerusalemm sal-lum.
22 Sadanittant, dawk li jiġu minn Ġużeppi telgħu kontra Betel, u Ġeħova kien magħhom.
23 Huma marru jitkixxfu x’fiha Betel (li qabel kien jisimha Luż),
24 u l-ispiji raw raġel ħiereġ mill-belt. Għalhekk qalulu: “Jekk jogħġbok, urina minn fejn nidħlu għall-belt, u aħna nittrattawk b’qalb tajba.”*
25 Għalhekk, ir-raġel uriehom minn fejn jidħlu, u huma attakkaw lin-nies tal-belt bix-xabla, imma lir-raġel u lill-familja kollha tiegħu ħallewhom jitilqu.
26 Ir-raġel mar lejn l-art tal-Ħittin u bena belt u semmieha Luż, u għadu jisimha hekk sal-lum.
27 Dawk li jiġu minn Manasse ma ħadux f’idejhom lil Bet-segħan, Tagħnak, Dor, Iblegħam, Megiddo, jew il-bliet li jiddependu minnhom.* Il-Kangħanin kienu determinati li jibqgħu jgħixu f’din l-art.
28 Meta l-Iżraelin saru b’saħħithom, huma ġiegħlu lill-Kangħanin jagħmlu xogħol taʼ bilfors, iżda ma keċċewhomx ’il barra għalkollox.
29 Lanqas dawk li jiġu minn Efrajm ma keċċew lill-Kangħanin li kienu jgħixu f’Geżer. Il-Kangħanin baqgħu jgħixu fosthom f’Geżer.
30 Dawk li jiġu minn Żebulun ma keċċewx lin-nies li kienu joqogħdu f’Kitron u f’Naħalol. Il-Kangħanin baqgħu jgħixu fosthom u ġew imġegħlin jagħmlu xogħol taʼ bilfors.
31 Dawk li jiġu minn Aser ma keċċewx lin-nies li kienu joqogħdu f’Għakko, Sidon, Aħlab, Akżib, Ħelba, Afik, u Reħob.
32 Għalhekk, l-Aserin baqgħu jgħixu fost il-Kangħanin li kienu joqogħdu hemm, għax ma keċċewhomx ’il barra.
33 Dawk li jiġu minn Naftali ma keċċewx lin-nies li kienu joqogħdu f’Bet-xemex u Bet-għanat, imma baqgħu jgħixu fost il-Kangħanin taʼ din l-art. In-nies taʼ Bet-xemex u taʼ Bet-għanat ġew sforzati jaħdmu għalihom.
34 L-Amurrin ġiegħlu lid-Danin jgħixu fir-reġjun muntanjuż, għax ma ħallewhomx jinżlu fil-pjanura.*
35 Għalhekk, l-Amurrin kienu determinati li jgħixu fuq il-Muntanja Ħeres, f’Ajjalon, u f’Sagħlbim. Iktar tard, dawk li jiġu minn Ġużeppi saru b’saħħithom* u ġiegħlu lill-Amurrin jagħmlu xogħol iebes.
36 It-territorju tal-Amurrin kien jibda mit-telgħa t’Għakrabbim u minn Sela ’l fuq.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “it-tfal t’Iżrael.”
^ Jew “tajtu.”
^ Letteralment “fis-sehem tiegħi.”
^ Jew forsi “hi ċapċpet idejha waqt li kienet fuq il-ħmar.”
^ Jew “in-Negeb.”
^ Ifisser “Vaski (Skutelli) tal-Ilma.”
^ Ifisser “Post Iddedikat għall-Qerda.”
^ Jew “fil-pjanura l-baxxa.”
^ Letteralment “karrijiet tal-ħadid.”
^ Letteralment “nuruk imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “taʼ madwarhom.”
^ Jew “fil-pjanura l-baxxa.”
^ Letteralment “id id-dar taʼ Ġużeppi tqalet.”

