L-Ewwel Ittra lill-Korintin 6:1-20

  • L-aħwa Kristjani jtellgħu lil xulxin il-qorti (1-8)

  • Dawk li mhux se jirtu s-Saltna (9-11)

  • Użaw ġisimkom biex tfaħħru lil Alla (12-20)

    • “Aħarbu minn kull tentazzjoni li twassal għall-immoralità sesswali” (18)

6  Jekk għandek nuqqas taʼ qbil* maʼ ħu, se tażżarda tmur il-qorti quddiem nies li ma jemmnux?* Għax ma tmurx quddiem il-qaddisin* fil-kongregazzjoni? 2  Żgur li tafu li l-qaddisin se jiġġudikaw id-dinja. Jekk se tiġġudikaw id-dinja, m’intomx kapaċi ssolvu problemi żgħar ħafna? 3  Ma tafux li se niġġudikaw lill-anġli? Allura għala ma tistgħux issolvu l-problemi żgħar taʼ din il-ħajja? 4  Jekk għandkom xi problemi taʼ din il-ħajja xi ssolvu, għala għandkom tiħduhom għand l-imħallfin li mhumiex parti mill-kongregazzjoni? 5  Qed nitkellem biex inġegħelkom tistħu. Jaqaw m’hemmx raġel wieħed fostkom li hu għaref biżżejjed biex jiġġudika bejn l-aħwa? 6  Minflok, ħu jtellaʼ lil ħu ieħor il-qorti u jakkużah quddiem uħud li ma jemmnux. 7  Il-fatt li diġà għandkom kawżi l-qorti kontra xulxin, diġà tliftu. Għala m’intomx lesti li tissaportu l-inġustizzja, jew li tmorru minn taħt? 8  Minflok, intom qed tagħmlu dak li mhux ġust u tqarrqu b’ħutkom stess. 9  Ma tafux li dawk li jagħmlu l-ħażin mhux se jirtu s-Saltna t’Alla? Titqarrqux. Dawk li jagħmlu l-immoralità sesswali,* li jqimu l-idoli, li jagħmlu adulterju, l-irġiel li jagħmlu s-sess maʼ rġiel oħra,* 10  il-ħallelin, ir-rgħiba, is-sakranazzi, dawk li jgħajru lill-oħrajn, u dawk li jqarrqu biex jieħdu l-affarijiet taʼ ħaddieħor* mhux se jirtu s-Saltna t’Alla. 11  Madankollu, hekk kienu xi wħud minnkom. Imma issa ġejtu maħsulin; ġejtu meqjusin qaddisin; ġejtu meqjusin ġusti* f’isem il-Mulej Ġesù Kristu u bl-ispirtu tal-Alla tagħna. 12  Jien nistaʼ nagħmel kollox, imma mhux kollox hu taʼ benefiċċju. Jien nistaʼ nagħmel kollox, imma mhu se nħalli xejn jikkontrollani.* 13  L-ikel hu għall-istonku, u l-istonku għall-ikel, imma Alla se jġibhom it-tnejn fix-xejn. Il-ġisem mhuwiex magħmul biex jagħmel l-immoralità sesswali,* imma biex jagħmel ix-xogħol tal-Mulej, u l-Mulej jipprovdi għall-ġisem. 14  Iktar minn hekk, Alla rxoxta lill-Mulej u se jirxoxta lilna wkoll permezz tal-qawwa tiegħu. 15  Ma tafux li ġisimkom hu taʼ Kristu? Allura, għandi jien nieħu dak li hu* taʼ Kristu u nagħtih lil prostituta? Żgur li le! 16  Ma tafux li kull min ikollu x’jaqsam maʼ prostituta jsir ħaġa waħda magħha? Għax Alla jgħid: “Huma jsiru ġisem wieħed.” 17  Imma min jingħaqad mal-Mulej hu ħaġa waħda miegħu fil-mod kif jaħsibha.* 18  Aħarbu minn kull tentazzjoni li twassal għall-immoralità sesswali.* Dan hu l-iktar dnub li jeffettwa l-ġisem b’mod dirett. Kull min jagħmel l-immoralità sesswali qed jidneb kontra ġismu stess. 19  Ma tafux li ġisimkom hu t-tempju għall-ispirtu qaddis li qiegħed fikom, li rċivejtu mingħand Alla? Intom m’intomx tagħkom infuskom, 20  għax Alla ħallas prezz għoli għalikom. Għalhekk, użaw ġisimkom biex tfaħħru lil Alla.

Noti taʼ taħt

^ Jew “targumenta.”
^ Jew “quddiem nies inġusti.”
^ Jew “il-magħżulin t’Alla.”
^ Il-lingwa oriġinali hawnhekk tuża żewġ kelmiet differenti li jinkludu dawk li jħallu lil ħaddieħor jagħmel atti omosesswali fuqhom u dawk li jagħmlu atti omosesswali fuq ħaddieħor.
^ Jew “l-imbroljuni.”
^ Jew “iddikkjarati bla ħtija.”
^ Jew “ikollu awtorità fuqi.”
^ Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “il-membri.”
^ Jew “hu spirtu wieħed miegħu.”
^ Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.