L-Ewwel Ittra lill-Korintin 5:1-13

  • Każ taʼ immoralità sesswali (1-5)

  • Ftit ħmira tinxtered mal-għaġina kollha (6-8)

  • Persuna ħażina għandha titneħħa (9-13)

5  Ġejt informat li hemm raġel fostkom li qed jagħmel l-immoralità sesswali.* Hu qed jgħix mal-mara* taʼ missieru. Din tant hi xi ħaġa gravi li lanqas in-nies tal-popli l-oħra ma jagħmluha. 2  Intom kburin b’dan? Għandkom tkunu mdejqin u tkeċċu minn nofskom lir-raġel li qed jagħmel dan id-dnub. 3  Għalkemm m’iniex hemm preżenti magħkom, qiegħed magħkom fil-ħsieb.* Jien diġà ġġudikajt lir-raġel li għamel dan bħallikieku jien qiegħed magħkom. 4  Meta tinġabru flimkien f’isem il-Mulej tagħna Ġesù, kunu afu li jien magħkom fil-ħsieb* flimkien mal-qawwa tal-Mulej tagħna Ġesù. 5  Għandkom tagħtu lil raġel bħal dan f’idejn Satana biex tneħħu din l-influwenza midinba,* ħalli b’hekk il-kongregazzjoni jkun jistaʼ jkollha attitudni xierqa lejn id-dnub fil-jum meta jiġi l-Mulej. 6  M’għandkomx biex tiftaħru. Ma tafux li d-dnub hu bħal ftit ħmira li tinxtered mal-għaġina kollha? 7  Għalhekk, neħħu dik il-ħmira ħalli b’hekk issiru għaġina ġdida, għax intom qiskom għaġina mingħajr ħmira. Infatti Kristu ta ħajtu bħala sagrifiċċju, u b’hekk sar il-ħaruf tal-Qbiż tagħna. 8  Għalhekk, m’għandniex nagħmlu l-festa tal-Qbiż b’ħobż li fih ħmira antika jew bi ħmira tad-dnub u l-ħażen, imma b’ħobż bla ħmira li jirrappreżenta s-sinċerità u l-verità. 9  Fl-ittra tiegħi ktibtilkom biex ma tibqgħux tagħmluha maʼ nies li jieħdu sehem fl-immoralità sesswali.* 10  Jien ma kontx qed nirreferi għan-nies taʼ din id-dinja li jieħdu sehem fl-immoralità sesswali,* li huma rgħiba, li jqarrqu biex jieħdu l-affarijiet taʼ ħaddieħor,* jew li jqimu l-idoli. Inkella jkollkom toħorġu mid-dinja. 11  Imma issa qed niktbilkom biex ma tibqgħux tagħmluha maʼ kull min jissejjaħ ħu li jieħu sehem fl-immoralità sesswali,* li hu rgħib, li jqim lill-idoli, li jgħajjar lil oħrajn, li hu sakranazz, jew li jqarraq biex jieħu l-affarijiet taʼ ħaddieħor.* Lanqas biss għandkom tieklu maʼ bniedem bħal dan. 12  Mhijiex ir-responsabbiltà tiegħi li niġġudika lil dawk taʼ barra l-kongregazzjoni. Imma intom suppost tiġġudikaw lil dawk taʼ ġewwa, 13  waqt li Alla jiġġudika lil dawk taʼ barra. “Neħħu lill-persuna ħażina mill-kongregazzjoni.”

Noti taʼ taħt

Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “ħa l-mara.”
Letteralment “fl-ispirtu.”
Letteralment “fl-ispirtu.”
Letteralment “għall-qerda tal-laħam.”
Jew “imbroljuni.”
Jew “imbroljun.”