Sofonija 3:1-20

  • Ġerusalemm hi belt ribelluża u korrotta (1-7)

  • Ġudizzju u affarijiet sbieħ (8-20)

    • Bidla għal-lingwa pura (9)

    • Se jiġi salvat poplu umli u ġwejjed (12)

    • Ġeħova se jifraħ b’Sijon (17)

3  Ħażin għall-belt* ribelluża, imniġġsa, u li taħqar lin-nies tagħha!  2  In-nies tagħha ma jobdux; ma jaċċettawx dixxiplina. Huma ma fdawx f’Ġeħova; ma resqux qrib l-Alla tagħhom.  3  Il-kapijiet tagħha huma bħal iljuni jgħajtu. L-imħallfin tagħha huma bħal ilpup billejl;Huma lanqas għadma ma jħallu biex igerrmuha filgħodu.  4  Il-profeti tagħha huma rġiel arroganti u qarrieqa. Il-qassisin tagħha jniġġsu dak li hu qaddis;Huma jiksru l-liġi.  5  Ġeħova hu ġust u hu fost in-nies tagħha; hu ma jagħmel xejn ħażin. Bħax-xemx li titlaʼ kuljum,Hu juri x’inhuma d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħu kull filgħodu. Imma dak li mhux ġust, ma jafx x’inhi mistħija.  6  “Jien qridt popli; it-torrijiet tagħhom fil-kantunieri tħallew ħerba. Ħarbatt it-toroq tagħhom, ħalli ma jgħaddi ħadd minn hemm. Il-bliet tagħhom tħallew ħerba, ma joqgħod ebda bniedem fihom.  7  Jien għedt dwar in-nies tal-belt, ‘Issa żgur li se jirrispettawni* u jaċċettaw id-dixxiplina,’* Ħalli ma nitlobx kont tad-dnubiet* kollha tagħhomU l-belt tagħhom* ma tinqeridx. Imma huma kienu iktar ħerqana biex jagħmlu l-korruzzjoni.  8  Ġeħova jgħid: ‘Għalhekk, ibqgħu stennewni*Sa dakinhar li mmur nattakka poplu u niħdilhom l-affarijiet tagħhom,*Għax id-deċiżjoni ġudizzjali tiegħi hi li niġbor il-popli u s-saltnietBiex nikkastigahom, għax jien irrabjat u se nurihom il-korla kollha tiegħi;Għax ir-rabja tiegħi hi bħal nar li jaħraq l-art kollha.  9  Dak iż-żmien, se ngħallem lin-nies kollha jitkellmu l-lingwa pura,Ħalli kollha kemm huma jkunu jistgħu jfaħħru lil ismi, Ġeħova,U jaqduni spalla maʼ spalla.’* 10  Dawk li jitolbuni bil-ħniena, il-poplu tiegħi li hu mxerred,Se jġibuli rigal mir-reġjun tax-xmajjar tal-Etjopja. 11  Ġerusalemm, dakinhar mhux se jkollok għalfejn tistħiMinħabba l-affarijiet kollha li bihom irribellajt kontrija,Għax imbagħad jien se nneħħi minn nofsok lil dawk li huma arroganti u jiftaħru;U int qatt mhu se terġaʼ tkun arroganti fuq il-muntanja qaddisa tiegħi. 12  Jien se nħalli poplu umli u ġwejjed f’nofsok,U huma se jduru lejn l-isem taʼ Ġeħova għall-protezzjoni. 13  Dawk li jibqgħu ħajjin minn Iżrael mhu se jagħmlu l-ebda inġustizzja;Huma mhux se jigdbu u lanqas se jużaw ilsienhom biex iqarrqu bin-nies;Huma se jieklu* u jimteddu bħal nagħaġ, u ma jbeżżagħhom ħadd.” 14  Poplu taʼ Sijon, għajtu bil-ferħ! Iżrael, għajjat bil-ferħ! Poplu taʼ Ġerusalemm, ifirħu u kunu ferħanin b’qalbkom kollha! 15  Ġeħova neħħa l-ġudizzji li kellu kontrik. Hu keċċa lill-għadu tiegħek. Ir-Re t’Iżrael, Ġeħova, hu miegħek. M’intix se tibżaʼ iktar minn xi ħsara. 16  Dakinhar, lil Ġerusalemm se jintqalilha: “Tibżax, Sijon. Taqtax qalbek.* 17  Ġeħova l-Alla tiegħek qiegħed miegħek. Hu b’saħħtu u jsalva. Hu se jifraħ bik b’ferħ kbir. Hu se joqgħod kwiet* għax iħobbok. Hu se jifraħ bik b’għajjat taʼ ferħ. 18  Se niġbor flimkien lil dawk li huma mdejqin minħabba li ma ħadux sehem fil-festi tiegħek;Waqt li kienu fl-eżilju, in-nies kienu jwaqqgħuhom għaċ-ċajt. 19  F’dak iż-żmien, jien se naġixxi kontra dawk kollha li jaħqruk;U se nsalva lil min izappap,U se niġbor flimkien lil dawk imxerrdin. Jien se nara li jiġu mfaħħrin u jkollhom reputazzjoni tajba*F’kull pajjiż li ġew imġiegħla jistħu. 20  F’dak iż-żmien, se nġib lura lill-poplu tiegħek,Iva, se niġborhom flimkien. U jien se nara li jkollok reputazzjoni tajba* u tiġi mfaħħra fost il-popli kollha tal-art,U int se tara dan meta nġib lura lill-poplu tiegħek mill-jasar,” jgħid Ġeħova.

Noti taʼ taħt

Jiġifieri Ġerusalemm.
Letteralment “jibżgħu minni.”
Jew “il-korrezzjoni.”
Jew “ma nikkastigahomx għad-dnubiet.”
Letteralment “il-post fejn tgħix.” Jiġifieri Ġerusalemm.
Jew “stennewni bil-paċenzja.”
Jew forsi “li nqum biex nixhed.”
Jew “iqimuni flimkien.”
Jew “jirgħaw.”
Letteralment “Tħallix idejk jintelqu.”
Jew “se jkun sodisfatt bik.”
Letteralment “isem tajjeb.”
Letteralment “isem tajjeb.”