Malakija 2:1-17
2 “Qassisin, dan il-kmandament hu għalikom.
2 Jekk ma tridux tisimgħu u ma tridux tieħdu bis-serjetà li tigglorifikaw lil ismi, jien se nisħitkom u se nbiddel il-barkiet tagħkom f’saħtiet,” jgħid Ġeħova tal-armati. “Iva, jien diġà bdilt il-barkiet f’saħtiet, għax intom mhux qed tieħdu dan bis-serjetà.”
3 “Jien se nħassar* iż-żerriegħa li tinżeraʼ minħabba dak li tagħmlu intom, u se ntajjar id-demel maʼ wiċċkom, id-demel li tissagrifikaw fil-festi tagħkom; u intom se tinġarru miegħu.*
4 Imbagħad se tkunu tafu li jien tajtkom dan il-kmandament ħalli l-patt li għamilt maʼ Levi jibqaʼ jgħodd,” jgħid Ġeħova tal-armati.
5 “Jien għamilt patt taʼ ħajja u taʼ paċi miegħu. Dawn il-barkiet ġegħluh jirrispettani.* U hu kellu rispett kbir għalija u onora lil ismi.
6 Hu għallem il-liġi* tal-verità u qatt ma qal kliem ħażin. Hu kien fil-paċi miegħi u ġust bil-mod kif aġixxa quddiemi, u għen lil ħafna biex ma jibqgħux fl-iżball.
7 Għax hu d-dmir tal-qassis li jgħallem lin-nies l-għarfien dwar Alla, u n-nies għandhom imorru għandu biex jitgħallmu,* għax hu l-messaġġier tiegħi, Ġeħova tal-armati.
8 “Imma intom stess warrabtu mit-triq li suppost timxu fiha. Minħabba fikom, ħafna nies ma jobdux il-liġi.* Intom ksirtu l-patt li jien għamilt maʼ Levi,” jgħid Ġeħova tal-armati.
9 “Allura se nagħmel ċert li l-poplu kollu jobgħodkom u li tiġu umiljati, għax intom ma żammejtux mat-triqat tiegħi billi wrejtu preferenzi meta applikajtu l-liġi.”
10 “Mhux ilkoll missier wieħed għandna? Mhux Alla wieħed ħalaqna? Allura għala m’aħniex leali lejn xulxin, u b’hekk niddiżonoraw il-patt taʼ missirijietna?
11 Ġuda ma kienx leali, u f’Iżrael u f’Ġerusalemm ġrat xi ħaġa taʼ min jobgħodha; għax Ġuda ddiżonora l-qdusija* taʼ Ġeħova, li Hu jħobb. U l-irġiel taʼ Ġuda żżewġu nisa li jqimu allat foloz.
12 Ġeħova se jeqred mit-tined taʼ Ġakobb lil kull min jagħmel dan, hu min hu,* anki jekk jippreżenta offerta lil Ġeħova tal-armati.”
13 “U hemm xi ħaġa oħra li qed tagħmlu u li biha l-artal taʼ Ġeħova qed ikun miksi bid-dmugħ u b’ħafna biki. Minħabba f’hekk, hu m’għadux jagħti kas l-offerti tagħkom jew jieħu pjaċir b’xi ħaġa li intom toffru.
14 U intom tgħidu, ‘Għalfejn?’ Dan hu għax Ġeħova hu xhud li intom mhux leali lejn il-mara li żżewwiġtu meta kontu żgħar, għalkemm hi s-sieħba tagħkom u l-mara legali tagħkom.*
15 Imma xi wħud minnkom m’għamlux hekk, għax l-ispirtu t’Alla* kien għadu fuqhom. U x’żammew f’moħħhom dawn l-uħud? Il-poplu* t’Alla. Għalhekk, oqogħdu attenti għall-mod kif taħsbu,* u kunu leali lejn il-mara li żżewwiġtu meta kontu żgħar.
16 Għax jien nobgħod id-divorzju,” jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael, “u lil min hu vjolenti,”* jgħid Ġeħova tal-armati. “U oqogħdu attenti għall-mod kif taħsbu, u kunu leali lejn xulxin.
17 “Intom għejjejtuh lil Ġeħova b’dak li tgħidu. Imma intom tgħidu, ‘B’liema mod għejjejnieh?’ Billi tgħidu, ‘Kull min jagħmel il-ħażin hu tajjeb f’għajnejn Ġeħova, u hu jieħu pjaċir bih,’ jew billi tgħidu, ‘Fejn hu l-Alla tal-ġustizzja?’”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “se nċanfar.”
^ Jiġifieri lejn il-post fejn kienu jitfgħu d-demel tas-sagrifiċċji.
^ Letteralment “jibżaʼ minni.”
^ Jew “l-istruzzjoni.”
^ Letteralment “ifittxu l-liġi minn fommu.”
^ Jew forsi “Intom ġegħeltu lil ħafna nies jitfixklu bit-tagħlim tagħkom.”
^ Jew forsi “s-santwarju.”
^ Letteralment “lil dak li hu mqajjem u lil dak li jwieġeb.”
^ Letteralment “il-mara tal-patt tagħkom.”
^ Letteralment “il-kumplament tal-ispirtu.”
^ Jew “It-tfal.”
^ Letteralment “għall-ispirtu tagħkom.”
^ Letteralment “u lil min jiksi ħwejġu bil-vjolenza.”

