Malakija 1:1-14

  • L-imħabba taʼ Ġeħova għall-poplu tiegħu (1-5)

  • Il-qassisin joffru sagrifiċċji difettużi (6-14)

    • Isem Alla se jkun kbir fost il-popli (11)

1  Messaġġ minn Alla: Dak li jgħid Ġeħova lill-Iżraelin permezz tiegħi, Malakija:* 2  “Jien urejt li nħobbkom, poplu tiegħi,” jgħid Ġeħova. Imma intom tgħidu: “Kif urejtna li tħobbna?” “Ma kienx Għesaw* ħu Ġakobb?” jgħid Ġeħova. “Imma jien ħabbejt lil Ġakobb, 3  u lil Għesaw m’aċċettajtux;* u għamilt ħerba mill-muntanji tiegħu, u l-art tiegħu għamiltha deżert fejn jgħixu l-klieb slavaġ.” 4  “Għalkemm Edom jgħid, ‘Aħna ġejna mkissrin, imma xorta se niġu lura u nibnu mill-ġdid dak li hu ħerba,’ Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Huma se jibnu, imma jien se nwaqqaʼ. U huma se jissejħu “t-territorju tal-ħażen” u “n-nies li Ġeħova kkundanna għal dejjem.” 5  Intom se taraw dan b’għajnejkom stess u tgħidu: “Jalla Ġeħova jiġi mfaħħar f’Iżrael kollu.”’” 6  “Jien, Ġeħova tal-armati, ngħid lilkom il-qassisin li tiddiżonoraw lil ismi: ‘Tifel jirrispetta lil missieru, u qaddej lil sidu. Allura jekk jien missier, għala ma tirrispettawnix? U jekk jien is-sid, għala ma tibżgħux minni?’ “‘Imma intom tgħidu: “Kif iddiżonorajna lil ismek?”’ 7  “‘Billi tippreżentaw sagrifiċċji* mhux nodfa fuq l-artal tiegħi.’ “‘U intom tgħidu: “Kif għamilniek mhux nadif?”’ “‘Billi tgħidu: “Il-mejda* taʼ Ġeħova mhix importanti għalina.” 8  U meta toffru annimal agħmi bħala sagrifiċċju, intom tgħidu: “X’fiha b’daqshekk?” U meta toffru annimal zopp jew marid tgħidu: “X’fiha b’daqshekk?”’” “Jekk jogħġobkom, offruhom lill-gvernatur tagħkom. Taħsbu li se jilqagħkom jew jieħu pjaċir bikom?” jgħid Ġeħova tal-armati. 9  “U issa morru itolbu lil Alla biex iħenn għalina.” Ġeħova tal-armati jgħid: “Taħsbu li se nieħu pjaċir bikom meta toffru sagrifiċċji bħal dawn?” 10  “U min fostkom hu lest li jagħlaq il-bibien* bla ħlas? Jekk ma titħallsux, lanqas biss tixegħlu l-artal tiegħi. Jien m’iniex ferħan bikom,” jgħid Ġeħova tal-armati, “u ma nieħu pjaċir bl-ebda rigal li toffruli.” 11  “Għax minn xħin titlaʼ x-xemx sa ma tinżel,* ismi se jkun kbir fost il-popli. F’kull post, in-nies se joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji u se jagħmlu offerti għal ismi, bħala rigal pur; għax ismi se jkun kbir fost il-popli,” jgħid Ġeħova tal-armati. 12  “Imma intom qed tiddiżonoraw lil ismi* billi tgħidu, ‘Il-mejda taʼ Ġeħova mhix nadifa, u mhuwiex importanti x’offerti* jkun hemm fuqha.’ 13  Intom tgħidu wkoll, ‘Xi dwejjaq!’ u tħarsulha bl-ikrah,” jgħid Ġeħova tal-armati. “U ġġibu annimali misruqin, zopop, u morda. Iva, intom iġġibu affarijiet bħal dawn bħala rigal. Għandi jien naċċettahom mingħandkom?” jgħid Ġeħova. 14  “Ħa jkun misħut dak li għandu annimal bla difett fil-merħla tiegħu u jipprova jqarraq bija, Ġeħova, billi jagħmel wegħda u joffrili sagrifiċċju difettuż. Għax fost il-popli, jien Re kbir, u ismi hu taʼ min jibżaʼ minnu u jirrispettah,” jgħid Ġeħova tal-armati.

Noti taʼ taħt

Ifisser “Il-Messaġġier Tiegħi.”
Jissejjaħ ukoll Edom iktar tard fil-kuntest.
Letteralment “bgħadtu.”
Letteralment “ħobż.”
Jiġifieri l-artal.
Milli jidher qed jirreferi għal min kien jagħlaq il-bibien tat-tempju bħala xogħol.
Jew “mil-Lvant sal-Punent.”
Jew forsi “lili.”
Letteralment “il-frott, l-ikel”