L-Aħbar Tajba Skont Luqa 5:1-39

  • Jaqbdu ħafna ħut b’mod mirakoluż; l-ewwel dixxipli (1-11)

  • Jitfejjaq raġel bil-ġdiem (12-16)

  • Ġesù jfejjaq raġel ipparalizzat (17-26)

  • Ġesù jgħid lil Levi biex isir dixxiplu tiegħu (27-32)

  • Mistoqsija dwar is-sawm (33-39)

5  Darba minnhom, Ġesù kien qiegħed ħdejn l-għadira taʼ Ġennesaret* u kien hemm folla tisimgħu jgħallem il-kelma t’Alla u bdiet tross fuqu. 2  U hu ra żewġ dgħajjes max-xatt tal-għadira, imma s-sajjieda kienu niżlu minnhom u kienu qed jaħslu x-xbieki. 3  Hu telaʼ f’waħda minnhom, li kienet taʼ Xmun, u talbu biex jaqlaʼ ftit ’il barra. Imbagħad poġġa bilqiegħda u beda jgħallem lill-folol mid-dgħajsa. 4  Meta waqaf ikellem lill-folol, hu qal lil Xmun: “Oħroġ ’il barra fejn hemm il-fond, u itfgħu x-xbieki tagħkom ħalli taqbdu l-ħut.” 5  Imma Xmun wieġbu: “Għalliem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn, imma la qed tgħidli int, nitfagħhom.” 6  Meta għamlu hekk, huma qabdu ammont kbir taʼ ħut. Fil-fatt, ix-xbieki bdew jitqattgħu. 7  Għalhekk, għamlu sinjal lil sħabhom fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom, u dawn tant tellgħu ħut fid-dgħajjes li bdew jegħrqu. 8  Malli ra dan, Xmun Pietru niżel għarkupptejh quddiem Ġesù u qallu: “Tiġix viċin tiegħi, Mulej, għax jien raġel midneb.”* 9  Għax hu u dawk li kienu miegħu baqgħu mistagħġbin b’kemm qabdu ħut. 10  Anki Ġakbu u Ġwanni, it-tfal taʼ Żebedew, li kienu sħab Xmun baqgħu mistagħġbin. Imma Ġesù qal lil Xmun: “Tibqax tibżaʼ. Minn issa ’l quddiem int se taqbad nies ħajjin.” 11  Għalhekk, daħħlu d-dgħajjes lejn l-art, telqu kollox, u marru warajh. 12  Darb’oħra, waqt li kien f’waħda mill-bliet, kien hemm raġel mimli bil-ġdiem. Malli ra lil Ġesù, hu niżel wiċċu fl-art u talbu bil-ħniena: “Mulej, naf li jekk tixtieq tistaʼ tfejjaqni.” 13  Ġesù messu u qallu: “Iva nixtieq. Fiq.” U l-ġdiem telaq mill-ewwel. 14  Imbagħad ikkmandah biex ma jgħid lil ħadd u qallu: “Imma mur għand il-qassis biex jarak, u agħmel offerta bħalma kkmanda Mosè biex turi li int nadif.” 15  Imma l-aħbar dwaru baqgħet tinxtered, u folol kbar kienu jinġabru biex jisimgħuh u biex ifiqu mill-mard li kellhom. 16  Madankollu, hu spiss kien imur f’postijiet għall-kwiet biex jitlob. 17  Darba minnhom kien qed jgħallem u bilqiegħda kien hemm xi Fariżej u għalliema tal-Liġi li kienu ġew minn kull raħal tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm. U Ġeħova* kien tah il-qawwa biex ifejjaq lin-nies. 18  Hemmhekk kien hemm xi rġiel iġorru raġel ipparalizzat fuq sodda u kienu qed jipprovaw idaħħluh ħdejn Ġesù. 19  Peress li ma setgħux idaħħluh minħabba l-folla, huma telgħu fuq il-bejt u niżżluh quddiem Ġesù minn fetħa li għamlu fis-saqaf. 20  Meta ra l-fidi li kellhom, hu qal lir-raġel: “Id-dnubiet tiegħek ġew maħfurin.” 21  Imbagħad l-iskribi u l-Fariżej bdew jirraġunaw u jgħidu: “Min hu dan biex qed jidgħi? Min jistaʼ jaħfer id-dnubiet ħlief Alla?” 22  Imma Ġesù, peress li kien jaf x’qed jaħsbu, qalilhom: “Għala qed tirraġunaw b’dan il-mod? 23  X’inhu l-eħfef, li tgħid, ‘Dnubietek ġew maħfurin,’ jew li tgħid, ‘Qum u imxi’? 24  Jien, Bin il-bniedem, se nurikom li għandi l-awtorità li naħfer id-dnubiet fuq l-art.” Għalhekk, qal lir-raġel ipparalizzat: “Qum, erfaʼ s-sodda, u mur lejn id-dar tiegħek.” 25  B’hekk, hu qam quddiemhom, refaʼ s-sodda li kien fuqha, u mar id-dar ifaħħar lil Alla. 26  Imbagħad ilkoll kemm huma baqgħu mbellhin u bdew ifaħħru lil Alla. Huma stagħġbu u qalu: “Veru rajna affarijiet sbieħ illum!” 27  Imbagħad Ġesù ħareġ u ra wieħed li jiġbor it-taxxi jismu Levi bilqiegħda fl-uffiċċju tat-taxxi u qallu: “Kun dixxiplu tiegħi.” 28  Dan qam, telaq kollox, u mar warajh. 29  Imbagħad Levi għamillu festa kbira fid-dar tiegħu. Jieklu magħhom kien hemm ħafna wħud li jiġbru t-taxxi u oħrajn. 30  Minħabba f’hekk, il-Fariżej u l-iskribi bdew igergru mad-dixxipli tiegħu u jgħidu: “Għala tieklu u tixorbu maʼ dawk li jiġbru t-taxxi u l-midinbin?” 31  Ġesù wiġibhom: “Dawk li huma f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma dawk li huma morda iva. 32  Jien ma ġejtx biex ngħin lin-nies tajbin jindmu, imma lill-midinbin.” 33  Qalulu: “Id-dixxipli taʼ Ġwanni jsumu taʼ spiss u jitolbu bil-ħniena. Anki d-dixxipli tal-Fariżej hekk jagħmlu, imma tiegħek jieklu u jixorbu.” 34  Ġesù qalilhom: “Ma tistgħux iġġiegħlu lill-ħbieb tal-għarus isumu waqt li hu jkun magħhom, hux hekk? 35  Iżda se jiġi żmien meta l-għarus jittieħed minn magħhom, imbagħad huma jsumu.” 36  Hu tahom ukoll dan l-eżempju: “Ħadd ma jaqtaʼ biċċa drapp minn libsa ġdida biex isewwi libsa qadima. Jekk jagħmel hekk, il-biċċa drapp mil-libsa l-ġdida ċċarrat il-qadima u ma taqbilx magħha. 37  Ukoll, ħadd ma jitfaʼ nbid ġdid fi fliexken tal-ġilda qodma. Jekk jagħmel hekk, l-inbid ġdid jifqagħhom u jinħela u l-fliexken tal-ġilda ma jibqgħux tajbin. 38  Għalhekk, inbid ġdid għandu jitqiegħed fi fliexken tal-ġilda ġodda. 39  Ħadd ma jkun irid jixrob inbid ġdid jekk ikun daq il-qadim, għax jgħid, ‘Il-qadim tajjeb.’”

Noti taʼ taħt

Jiġifieri l-Baħar tal-Galilija.
Jew “raġel li nagħmel id-dnub.”