L-Aħbar Tajba Skont Luqa 23:1-56

  • Ġesù quddiem Pilatu u Erodi (1-25)

  • Ġesù u żewġ kriminali jiġu mdendlin maʼ zokk (26-43)

    • “Int se tkun fil-Ġenna miegħi” (43)

  • Ġesù jmut (44-49)

  • Ġesù jiġi midfun (50-56)

23  Għalhekk, qamu kollha u ħaduh għand Pilatu. 2  Imbagħad bdew jakkużawh: “Dan ir-raġel qed ixewwex lin-nies tagħna u mhux qed iħallihom iħallsu t-taxxi lil Ċesari. Hu qed jgħid li hu stess hu Kristu r-re.” 3  U Pilatu staqsieh: “Int ir-Re tal-Lhud?” Ġesù wieġbu: “Int stess qed tgħid dan.” 4  Imbagħad Pilatu qal lill-qassisin importanti u lill-folol: “Ma sibt li għamel xejn ħażin dan ir-raġel.” 5  Imma huma bdew jinsistu: “Hu qed ixewwex lin-nies bit-tagħlim tiegħu fil-Lhudija kollha, mill-Galilija s’hawnhekk.” 6  Meta semaʼ dan, Pilatu staqsa jekk ir-raġel kienx mill-Galilija. 7  Wara li kkonferma li kien min-naħa fejn imexxi Erodi, bagħtu għandu, għax dan ukoll kien f’Ġerusalemm f’dawk il-jiem. 8  Meta Erodi ra lil Ġesù tgħidx kemm feraħ, għax kien ilu jixtieq jarah peress li kien semaʼ ħafna dwaru. Hu kien qed jittama li jarah jagħmel xi miraklu. 9  Għalhekk beda jagħmillu ħafna mistoqsijiet, imma Ġesù ma wiġbux. 10  Imma l-qassisin importanti u l-iskribi li kienu hemm bdew jakkużawh b’rabja kbira. 11  Imbagħad, Erodi u s-suldati tiegħu ddiżonorawh, u hu waqqgħu għaċ-ċajt billi libbsu libsa sabiħa u mbagħad bagħtu lura għand Pilatu. 12  Dakinhar Erodi u Pilatu saru ħbieb, imma qabel ma kinux jitħamlu. 13  Imbagħad Pilatu laqqaʼ lill-qassisin importanti, il-mexxejja, u n-nies 14  u qalilhom: “Intom ġibtu lil dan ir-raġel għandi bħala wieħed li qed iħeġġeġ lin-nies biex jagħmlu rewwixta. Issa jien interrogajtu quddiemkom u ma sibt l-ebda bażi għall-akkużi li qed iġġibu kontrih. 15  Infatti lanqas Erodi, għax hu bagħtu lura għandna. Hu m’għamel xejn li jistħoqqlu l-mewt. 16  Għalhekk, se nikkastigah u neħilsu.” 17 *—— 18  Imma l-folla kollha għajtet: “Oqtol lil dan ir-raġel,* u eħilsilna lil Barabba!” 19  (Dan ir-raġel kien il-ħabs minħabba rewwixta li saret fil-belt u qtil.) 20  Pilatu reġaʼ kellimhom, għax hu ried jeħles lil Ġesù. 21  Imbagħad huma bdew jgħajtu: “Sammru maʼ zokk! Sammru maʼ zokk!” 22  It-tielet darba qalilhom: “Għala, x’għamel ħażin dan ir-raġel? Ma sibt xejn li ħaqqu l-mewt. Għalhekk, se nikkastigah u neħilsu.” 23  Imma huma bdew jinsistu u jgħajtu biex jiġi maqtul,* u hu ċeda. 24  Għalhekk, Pilatu ħa d-deċiżjoni li jagħmel dak li xtaqu huma. 25  Hu ħelsilhom lir-raġel li riedu, li kien il-ħabs minħabba rewwixta u qtil, u lil Ġesù kkundannah kif xtaqu huma. 26  Kif kienu qed jiħduh, huma qabbdu lil raġel jismu Xmun minn Ċirene, li kien ġej mill-kampanja, biex jerfaʼ z-zokk tat-tortura* taʼ Ġesù u jimxi warajh. 27  Folla kbira taʼ nies bdiet timxi warajh, inkluż nisa li bdew juru li huma mdejqin ħafna* u jibkuh. 28  Ġesù dar fuq in-nisa u qalilhom: “Nisa li toqogħdu Ġerusalemm, tibqgħux tibkuni. Minflok, ibku lilkom infuskom u lit-tfal tagħkom, 29  għax ġej iż-żmien meta n-nies jgħidu, ‘Ferħanin huma n-nisa li ma setgħux jinqabdu tqal, li ma welldux, u li ma kellhomx tfal x’jieħdu ħsieb!’ 30  Imbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, ‘Aħbuna!’ u lill-għoljiet, ‘Għattuna!’ 31  Jekk jagħmlu dawn l-affarijiet waqt li s-siġra għadha ħajja, x’se jiġri la tinxef?” 32  Kien hemm ukoll żewġt irġiel kriminali li kienu qed jittieħdu biex jinqatlu maʼ Ġesù. 33  U meta waslu fil-post li jismu Qorriegħa, huma sammruh maʼ zokk ħdejn il-kriminali, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug tiegħu. 34  Imma Ġesù qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’qed jagħmlu.” Iktar minn hekk, huma qassmu l-ħwejjeġ tiegħu billi tellgħuhom bix-xorti. 35  U n-nies baqgħu jħarsu. Imma l-mexxejja bdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt u jgħidu: “Lill-oħrajn salvahom, mela ħa jsalva lilu nnifsu jekk hu l-Kristu, il-Magħżul t’Alla!” 36  Anki s-suldati bdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt. Huma marru, offrewlu nbid qares, 37  u bdew jgħidu: “Jekk int ir-Re tal-Lhud, salva lilek innifsek.” 38  Ukoll, ’il fuq minn rasu kien hemm miktub: “Dan hu r-Re tal-Lhud.” 39  Imbagħad wieħed mill-kriminali li kien hemm imdendlin ħdejh beda jgħajru u jgħidlu: “Int il-Kristu, hux hekk? Mela salva lilek innifsek u lilna wkoll!” 40  Imma l-kriminal l-ieħor irrabja miegħu u qallu: “Lanqas minn Alla ma tibżaʼ, issa li ngħatajt l-istess kastig bħal taʼ dan ir-raġel? 41  Il-kastig tagħna hu ġust, għax aħna qed nieħdu dak li ħaqqna minħabba dak li għamilna, imma dan ir-raġel m’għamel xejn ħażin.” 42  Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tkun fis-Saltna tiegħek.” 43  Hu wieġbu: “Illum naċċertak li int se tkun fil-Ġenna miegħi.” 44  Għalkemm kien xi nofsinhar* waqgħet dalma kbira fuq l-art sa madwar it-tlieta taʼ wara nofsinhar,* 45  għax ix-xemx iddallmet. Imbagħad il-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel. 46  U Ġesù għajjat b’leħen għoli: “Missier, jien nafda ħajti* f’idejk.” Malli qal dan, miet.* 47  Meta l-uffiċjal tal-armata ra dak li kien ġara, hu beda jfaħħar lil Alla u jgħid: “Żgur li dan ir-raġel kien ġust.” 48  Meta l-folol li kienu miġburin biex jaraw x’inhu jiġri raw dawn l-affarijiet, huma marru lura d-dar iħabbtu fuq sidirhom bid-dwejjaq. 49  Dawk kollha li kienu jafuh, inkluż in-nisa li vvjaġġaw miegħu mill-Galilija, kienu weqfin ’il bogħod u raw x’ġara. 50  Issa kien hemm membru tal-Kunsill jismu Ġużeppi li kien raġel sewwa u ġust. 51  (Dan la qabel magħhom u lanqas appoġġahom fil-pjan tagħhom kontra Ġesù.) Hu kien minn Arimatija, belt tal-Lhud, u kien qed jistenna s-Saltna t’Alla. 52  Dan mar għand Pilatu u talbu permess biex jidfen lil Ġesù. 53  Wara niżżlu minn fuq iz-zokk, dawwar miegħu drapp tal-għażel fin, u qiegħdu f’qabar* imħaffer fil-blat li kien għadu qatt ma ntuża. 54  Dakinhar kien jum il-Preparazzjoni, u daqt kien se jibda s-Sabat. 55  Anki n-nisa li kienu vvjaġġaw miegħu mill-Galilija marru hemm. Huma ttawlu fil-qabar* u raw kif tpoġġa l-ġisem tiegħu. 56  Imbagħad marru lura biex jippreparaw ħwawar u żejt ifuħ. Imma ovvjament, fis-Sabat straħu skont il-Liġi.

Noti taʼ taħt

Ara App. A3.
Letteralment “Neħħi lil dan.”
Jew “jiġi maqtul maʼ zokk.”
Letteralment “iħabbtu fuq sidirhom bin-niket.”
Letteralment “madwar is-sitt siegħa.”
Letteralment “sad-disaʼ siegħa.”
Letteralment “l-ispirtu tiegħi.”
Jew “ħa l-aħħar nifs.”
Jew “f’qabar tat-tifkira.”
Jew “fil-qabar tat-tifkira.”