L-Aħbar Tajba Skont Luqa 17:1-37

  • Tfixkil, maħfra, u fidi (1-6)

  • Aħna sempliċi lsiera u ma jistħoqqilna xejn (7-10)

  • Jiġu mfejqa għaxart irġiel bil-ġdiem (11-19)

  • Iż-żmien meta tiġi s-Saltna t’Alla (20-37)

    • “Is-Saltna t’Alla qiegħda f’nofskom” (21)

    • “Ftakru fil-mara taʼ Lot” (32)

17  Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Dejjem se jkun hemm xi ħaġa li tfixkel. Imma ħażin għalih min iġiegħel lin-nies jitfixklu! 2  Hu jkun jaqbillu iktar li jdendlulu ġebla kbira taʼ mitħna m’għonqu u jitfgħuh il-baħar milli jfixkel wieħed minn dawn it-tfal żgħar.* 3  Oqogħdu attenti. Jekk ħuk* jagħmel dnub, widdbu, u jekk jindem, aħfirlu. 4  Anki jekk jidneb kontrik sebaʼ darbiet kuljum u jiġi għandek sebaʼ darbiet u jgħidlek li jiddispjaċih, int trid taħfirlu.” 5  L-appostli qalu lill-Mulej: “Agħtina iktar fidi.” 6  Imbagħad il-Mulej qal: “Li kieku kellkom fidi daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, ‘Inqalaʼ mill-għeruq u tħawwel fil-baħar!’ u din hekk kienet tagħmel. 7  “Jekk l-ilsir tagħkom jiġi lura wara li jaħrat l-għalqa jew jirgħa l-merħla kif tilqgħuh? Se tgħidulu, ‘Ejja malajr mal-mejda ħa tiekol xi ħaġa’? 8  Le, anzi tgħidulu, ‘Ippreparali l-ikel, ilbes fardal, u servini. Imbagħad meta nkun kilt u xrobt, tistaʼ tmur tiekol int.’ 9  Se tirringrazzjawh lill-ilsir talli jkun għamel dak li qabbadtuh? Le. 10  Bl-istess mod, meta tkunu għamiltu l-affarijiet kollha li ġejtu mqabbdin, għidu: ‘Aħna sempliċi lsiera u ma jistħoqqilna xejn. Għamilna dak li kellna nagħmlu.’” 11  Waqt li Ġesù kien sejjer Ġerusalemm, hu għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. 12  Hekk kif kien dieħel f’raħal, għaxart irġiel bil-ġdiem iltaqgħu miegħu, imma qagħdu ’l bogħod. 13  Huma qalu b’leħen għoli: “Ġesù, Għalliem, ħenn għalina!” 14  Meta rahom, qalilhom: “Morru għand il-qassisin biex jarawkom.” U hekk kif kienu sejrin fiequ. 15  Meta wieħed minnhom induna li fieq, dar lura u faħħar lil Alla b’leħen għoli. 16  Hu niżel wiċċu mal-art ħdejn saqajn Ġesù u beda jirringrazzjah. Issa dan kien Samaritan. 17  Ġesù qal: “Mhux għaxra fiequ? Allura fejn qegħdin id-disgħa l-oħra? 18  Ħadd iktar ma dar lura biex ifaħħar lil Alla ħlief dan ir-raġel minn poplu ieħor.” 19  Imbagħad qallu: “Qum u mur fi triqtek. Il-fidi tiegħek fejqitek.” 20  Il-Fariżej staqsewh: “Is-Saltna t’Alla* meta ġejja?” Hu wiġibhom: “Meta tiġi s-Saltna t’Alla mhux kulħadd se jinduna. 21  In-nies mhux se jgħidu, ‘Ara hawn hi!’ jew, ‘Hemm qiegħda!’ Għax is-Saltna t’Alla qiegħda f’nofskom.” 22  Imbagħad hu qal lid-dixxipli: “Se jiġi żmien meta intom tkunu tixtiequ li jien, Bin il-bniedem, inkun magħkom, imma dan mhux se jiġri. 23  In-nies se jgħidulkom, ‘Hemm qiegħed!’ jew, ‘Hawn qiegħed!’ Imma toħorġux barra jew tmorru warajhom. 24  Għax iż-żmien meta nerġaʼ niġi jien, Bin il-bniedem, se jkun bħal dawl taʼ sajjetta li jidher min-naħa għall-oħra tas-sema. 25  Imma l-ewwel jien ikolli ngħaddi minn ħafna tbatija u ma niġix aċċettat minn din il-ġenerazzjoni. 26  Iktar minn hekk, meta niġi jien, Bin il-bniedem, se jiġri bħalma ġara fi żmien Noè: 27  in-nies kienu aljenati jieklu, jixorbu, u jiżżewġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u ġie d-Dulluvju u qeridhom kollha. 28  U se jiġri wkoll bħalma ġara fi żmien Lot: in-nies kienu aljenati jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, u jibnu. 29  Imma dakinhar li Lot ħareġ minn Sodoma għamlet xita taʼ nar u kubrit* u qerdithom kollha. 30  Hekk se jiġri fiż-żmien li jien, Bin il-bniedem, nuri l-qawwa tiegħi. 31  “Dakinhar min ikun fuq il-bejt m’għandux jidħol id-dar tiegħu biex jieħu l-affarijiet, u bl-istess mod, min ikun fl-għalqa m’għandux imur lura biex jieħu dak li ħalla warajh. 32  Ftakru fil-mara taʼ Lot. 33  Kull min jipprova jibżaʼ għal ħajtu, jitlifha, imma kull min jitlifha, se jgħix. 34  Naċċertakom li f’dak il-lejl żewġ persuni se jkunu fis-sodda; wieħed se jiġi aċċettat u l-ieħor se jiġi abbandunat. 35  Se jkun hemm żewġ nisa jitħnu l-qamħ flimkien; waħda se tiġi aċċettata u l-oħra se tiġi abbandunata.” 36 *—— 37  Għalhekk huma staqsewh: “Fejn Mulej?” Wiġibhom: “Fejn ikun hemm il-ġisem mejjet ikun hemm ukoll l-ajkli miġburin.”

Noti taʼ taħt

Jew “id-dixxipli.”
Jiġifieri xi ħadd ieħor li jqim lil Alla.
Jew “Il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Dan jirreferi għal tip taʼ ġebla li taqbad bin-nar.
Ara App. A3.