L-Aħbar Tajba Skont Luqa 16:1-31

  • L-eżempju tal-qaddej li jieħu ħsieb id-dar (1-13)

    • “Min hu leali fl-inqas ħaġa se jkun leali f’affarijiet kbar ukoll” (10)

  • Il-Liġi u s-Saltna t’Alla (14-18)

  • L-eżempju tar-raġel sinjur u Lazzru (19-31)

16  Imbagħad qal lid-dixxipli: “Raġel sinjur kellu qaddej li jiħodlu ħsieb id-dar* li ġie akkużat li qed iberbaqlu l-ġid tiegħu. 2  Għalhekk għajjatlu u qallu, ‘X’qed nismaʼ dwarek? Agħtini rendikont tax-xogħol li għamilt, għax ma tistax tkompli tieħu ħsieb id-dar.’ 3  Imbagħad il-qaddej qal bejnu u bejn ruħu, ‘X’se naqbad nagħmel la se jiħodli r-responsabbiltà li għandi? Jien ma niflaħx nagħżaq u nistħi nittallab. 4  Iva, naf x’nagħmel biex in-nies jilqgħuni f’darhom meta sidi jiħodli r-responsabbiltà!’ 5  Imbagħad għajjat lil kull min kellu d-dejn maʼ sidu, u lill-ewwel wieħed staqsieh, ‘Kemm għandek tagħtih?’ 6  Hu wieġbu, ‘Mitt ġarra* żejt taż-żebbuġa.’ Il-qaddej qallu, ‘Ħu l-ftehim li għandek bil-miktub, oqgħod bilqiegħda, u ikteb malajr 50.’ 7  Imbagħad staqsa lil ieħor, ‘Int kemm għandek tagħtih?’ Hu wieġbu, ‘Mitt xkora kbira* qamħ.’ Qallu, ‘Ħu l-ftehim li għandek bil-miktub u ikteb 80.’ 8  U sidu faħħru għax għalkemm ma kienx raġel sewwa, hu aġixxa b’għaqal.* Għax in-nies taʼ dan iż-żmien* iħaddmu rashom mal-ġenerazzjoni tagħhom iktar mill-qaddejja t’Alla.* 9  “Għalhekk, agħmlu ħbieb permezz tal-ġid taʼ din id-dinja inġusta, ħalli meta dan jispiċċa, il-ħbieb tagħkom jilqgħukom f’postijiet li se jibqgħu għal dejjem. 10  Min hu leali fl-inqas ħaġa se jkun leali f’affarijiet kbar ukoll, u min hu diżonest fl-inqas ħaġa se jkun diżonest f’affarijiet kbar ukoll. 11  Għalhekk, jekk ma wrejtux li intom leali fil-ġid taʼ din id-dinja inġusta, min se jafdakom b’dak li hu verament taʼ valur? 12  U jekk ma wrejtux li intom leali fl-affarijiet taʼ ħaddieħor, min se jagħtikom il-wirt li hemm lest għalikom? 13  Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien, għax jew se jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew se jżomm maʼ wieħed u jmaqdar lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.” 14  Il-Fariżej, li kienu jħobbu l-flus, kienu qed jisimgħu dan kollu u bdew jitkerrhulu. 15  Għalhekk qalilhom: “Intom tagħmlu affarijiet biex iġġiegħlu lin-nies jaħsbu li intom ġusti, imma Alla jaf x’hemm f’qalbkom. Għax dak li n-nies iqisuh importanti, għal Alla ma jiswa għal xejn. 16  “Il-Liġi taʼ Mosè u dak li kitbu l-Profeti kienu sa żmien Ġwanni. Minn dak iż-żmien, bdiet tiġi ppritkata l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, u kull tip taʼ persuna qed tagħmel l-almu tagħha biex tidħol fis-Saltna. 17  Fil-fatt, hemm iktar ċans li s-sema u l-art jispiċċaw milli ma sseħħx parti żgħira minn ittra tal-Liġi. 18  “Kull min jiddivorzja l-mara u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju, u kull min jiżżewweġ mara ddivorzjata jagħmel adulterju. 19  “Kien hemm raġel sinjur li kien iħobb jilbes ħwejjeġ li jiswew il-flus,* igawdi l-ħajja, u jgħix fil-lussu. 20  Imma ħdejn il-bieb tiegħu kien jintefaʼ wieħed tallab jismu Lazzru, li kien mimli feriti. 21  Hu kien jixtieq jiekol mill-ikel li kien jaqaʼ mill-mejda tas-sinjur. Barra minn hekk, il-klieb kienu jilagħqulu l-feriti. 22  Maż-żmien, it-tallab miet u ttieħed mill-anġli ħdejn* Abraham. “Ir-raġel sinjur ukoll miet, u ġie midfun. 23  Fil-Qabar,* hu ħares ’il fuq, waqt li kien għaddej minn tbatija kbira, u ra mill-bogħod lil Abraham u lil Lazzru ħdejh. 24  Għalhekk għajjat, ‘Missieri Abraham, ħenn għalija u ibgħat lil Lazzru biex ibill sebgħu fl-ilma u jberridli lsieni, għax qed inbati ħafna f’dan in-nar qawwi.’ 25  Imma Abraham qallu, ‘Ibni, ftakar li int gawdejt ħafna affarijiet tajbin meta kont ħaj, imma Lazzru bata ħafna. Imma issa, hu qed jiġi mfarraġ, u int qed tbati. 26  U iktar minn hekk, hawn spazju kbir li jisseparana minn xulxin. B’hekk dawn t’hawnhekk ma jistgħux jiġu hemm, u dawk t’hemm ma jistgħux jiġu hawn.’ 27  Imbagħad qal, ‘F’dan il-każ, nitolbok biex tibagħtu d-dar taʼ missieri 28  biex jagħti xhieda bir-reqqa lill-ħames ħuti subien biex b’hekk ma jispiċċawx bħali f’dan il-post taʼ tbatija.’ 29  Imma Abraham qallu, ‘Huma għandhom il-kitbiet taʼ Mosè u l-Profeti. Ħa jobdu lilhom.’ 30  Imbagħad qallu, ‘Missieri Abraham, huma mhux se jobdu lilhom. Imma jekk xi ħadd mill-mejtin imur għandhom, jindmu.’ 31  Imma hu wieġbu, ‘Jekk ma jobdux mill-kitbiet taʼ Mosè u l-Profeti, mela lanqas jekk iqum xi ħadd mill-mewt mhu se jikkonvinċihom.’”

Noti taʼ taħt

Letteralment “prokuratur.”
Letteralment “bat.” Bat kien daqs 22 litru. Ara App. B14.
Letteralment “kor.” Kor kien daqs 220 litru. Ara App. B14.
Jew “ħaddem rasu.”
Jew “taʼ din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “minn ulied id-dawl.”
Jew “ħwejjeġ vjola u tal-għażel.”
Letteralment “fi ħdan.”
Jew “F’Ħades,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.