Ittra lil-Lhud 3:1-19

  • Ġesù aqwa minn Mosè (1-6)

    • Alla bena kollox (4)

  • Jiġu mwissija kontra n-nuqqas taʼ fidi (7-19)

    • “Illum jekk tisimgħu minni” (7, 15)

3  Għalhekk, aħwa qaddisin li ġejtu mistiedna* biex tmorru fis-sema, ikkunsidraw l-eżempju taʼ Ġesù, il-wieħed li aċċettajna bħala appostlu u l-qassis il-kbir. 2  Hu kien leali lejn Alla li inkarigah, bħalma Mosè kien leali meta qeda fil-kongregazzjoni* t’Alla. 3  Għax Ġesù jistħoqqlu iktar glorja minn Mosè, peress li min jibni dar ikollu iktar unur mid-dar infisha. 4  Naturalment, kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla. 5  Mosè qeda lealment fil-kongregazzjoni t’Alla bħala xhud tal-affarijiet li Alla kien se jgħid iktar tard, 6  imma Kristu ħa ħsieb lealment il-kongregazzjoni t’Alla bħala Iben. Aħna l-kongregazzjoni* t’Alla jekk nibqgħu nitkellmu bil-libertà tal-kelma u nżommu sod mat-tama li niftaħru biha. 7  Għalhekk, bħalma jgħid permezz tal-ispirtu qaddis: “Illum jekk tisimgħu minni, 8  ma twebbsux qalbkom bħal meta missirijietkom ġegħluni nirrabja ħafna dakinhar li għaddewni minn prova fid-deżert. 9  Missirijietkom għaddewni minn prova u ttestjawni, minkejja li raw dak li għamilt għal 40 sena. 10  Hu għalhekk li ma ħadtx pjaċir b’din il-ġenerazzjoni u rrabjajt magħha, u għedt: ‘Huma rashom iebsa u dejjem jagħmlu dak li tixtieq qalbhom, u ma jobdux dak li ngħidilhom.’ 11  Għalhekk, ħlift waqt li kont irrabjat: ‘Huma mhux se jidħlu fil-mistrieħ tiegħi.’” 12  L-aħwa, oqogħdu attenti li ħadd minnkom ma jkollu qalb ħażina mingħajr fidi għax ikun tbiegħed mill-Alla l-ħaj; 13  imma ibqgħu inkuraġġixxu lil xulxin kuljum, sakemm għadna qed ngħixu fi żmien li jissejjaħ “Illum,” ħalli ħadd minnkom ma jwebbes rasu billi jiġi mqarraq bil-qawwa tad-dnub. 14  Infatti, aħna jkollna sehem mal-Kristu biss jekk inżommu sod sal-aħħar il-fiduċja li kellna meta bdejna nemmnu. 15  Bħalma hemm miktub fl-Iskrittura: “Illum jekk tisimgħu minni, ma twebbsux raskom bħal meta missirijietkom ġegħluni nirrabja ħafna.” 16  Għax min kienu dawk li semgħu u xorta ġegħluh jirrabja ħafna? Mhux dawk kollha li ħarġu mill-Eġittu taħt it-tmexxija taʼ Mosè? 17  Iktar minn hekk, Alla b’min ma ħax pjaċir u rrabja għal 40 sena? Mhux b’dawk li għamlu dnub u b’hekk mietu fid-deżert? 18  U lil min ħalef li mhux se jidħol fil-mistrieħ tiegħu? Mhux lil dawk li m’obdewhx? 19  B’hekk naraw li ma daħlux fil-mistrieħ tiegħu għax ma kellhomx fidi.

Noti taʼ taħt

Jew “imsejħa.”
Jew “fil-bini.” Letteralment “fid-dar.”
Jew “il-bini.” Letteralment “id-dar.”