Ittra lil-Lhud 1:1-14

  • Alla jitkellem permezz taʼ Ibnu (1-4)

  • L-Iben hu aqwa mill-anġli (5-14)

1  Żmien twil ilu, Alla kellem lil missirijietna permezz tal-profeti f’ħafna okkażjonijiet u b’ħafna modi. 2  F’dan iż-żmien,* hu tkellem magħna permezz taʼ Ibnu, li għażlu biex ikun werriet taʼ kollox, u li permezz tiegħu għamel iż-żminijiet.* 3  Hu juri l-glorja t’Alla u għandu l-istess personalità, u hu jżomm kollox jeżisti permezz tal-qawwa tal-kelma t’Alla. Wara li naddafna minn dnubietna, hu poġġa fuq il-lemin tal-Alla l-Kbir fis-sema. 4  Għalhekk, sar aħjar mill-anġli sal-punt li ngħata iktar awtorità minnhom.* 5  Pereżempju, Alla lil liema anġlu qatt qal: “Int ibni; illum jien sirt missierek”? U: “Jien insir missieru, u hu jsir ibni”? 6  Imma meta Alla jerġaʼ jibgħat lill-Ewwel Imwieled tiegħu fid-dinja, hu jgħid: “U l-anġli kollha tiegħi għandhom imilu quddiemu.” 7  Ukoll, dwar l-anġli jgħid: “Hu jagħmel lill-anġli tiegħu b’saħħithom,* u l-qaddejja kollha tiegħu bħal fjamma nar.” 8  Imma dwar l-Iben, jgħid: “Alla jagħtik awtorità bħala re* għal dejjem, u int għandek xettru taʼ re u se tmexxi bil-ġustizzja. 9  Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen. Għalhekk, Alla inkarigak* u għamlek iktar ferħan minn sħabek ir-rejiet l-oħra.” 10  U: “Mulej, fil-bidu int għamilt il-pedament tal-art, u għamilt is-sema. 11  Huma se jispiċċaw, imma int se tibqaʼ teżisti; dawn se jitmermru bħall-ħwejjeġ, 12  u int tkebbibhom bħal meta xi ħadd ibiddel il-ħwejjeġ. Imma int tibqaʼ l-istess, u s-snin tiegħek ma jispiċċawx.” 13  Imma dwar liema anġlu qatt qal: “Oqgħod bilqiegħda fuq il-lemin tiegħi, sakemm inpoġġi l-għedewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk”? 14  Mhumiex kollha spirti għal servizz qaddis li ntbagħtu biex jaqdu lil dawk li se jiġu salvati?

Noti taʼ taħt

^ Letteralment “Fi tmiem dan iż-żmien.”
^ Jew “is-sistemi tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “isem iktar eċċellenti minn tagħhom.”
^ Letteralment “spirti.”
^ Letteralment “Alla hu t-tron tiegħek.”
^ Letteralment “dilkek biż-żejt.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Midluk.”