Ittra lil-Lhud 13:1-25

  • Iħeġġiġhom tal-aħħar biex jagħmlu affarijiet tajbin u jselli għalihom (1-25)

    • Tinsewx tkunu ospitabbli (2)

    • Iż-żwieġ għandu jiġi ttrattat b’rispett (4)

    • Obdu lil dawk li qed imexxu (7, 17)

    • Infaħħru lil Alla (15, 16)

13  Ibqgħu ħobbu lil xulxin bħalma jagħmlu l-aħwa. 2  Tinsewx tkunu ospitabbli,* għax xi wħud laqgħu għandhom lill-anġli mingħajr ma kienu jafu. 3  Ibqgħu ftakru lil dawk li qegħdin fil-ħabs* bħallikieku intom qegħdin fil-ħabs magħhom, u tinsewx lil dawk li qed jiġu ttrattati ħażin, għax intom ukoll bnedmin.* 4  Iż-żwieġ għandu jiġi ttrattat b’rispett minn kulħadd, u l-irġiel u n-nisa miżżewġin għandhom ikunu leali lejn xulxin,* għax Alla se jiġġudika lin-nies li jieħdu sehem fl-immoralità sesswali,* kemm jekk huma miżżewġin u kemm jekk le. 5  Tħobbux il-flus, minflok kunu kuntenti b’dak li għandkom. Għax hu qal: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.” 6  B’hekk, inkunu mimlijin kuraġġ u ngħidu: “Ġeħova* hu l-wieħed li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-bniedem?” 7  Tinsewx lil dawk li qed imexxu fostkom u li għallmukom il-kelma t’Alla, u hekk kif tinnotaw il-kondotta tajba tagħhom, imitaw il-fidi li għandhom. 8  Ġesù Kristu jibqaʼ l-istess: fil-passat, fil-preżent, u għal dejjem. 9  Titqarrqux minn tagħlim differenti u mhux familjari. Dak li vera se jgħinkom tkunu sodi* huwa l-qalb tajba kbira t’Alla u mhux l-ikel,* għax dawk li moħħhom fl-ikel ma jibbenefikawx minnu. 10  Għandna artal li dawk li jaqdu fit-tabernaklu* m’għandhomx awtorità jieklu minn dak li jkun hemm fuqu. 11  L-annimali li kienu joffru kienu jinħarqu ’l barra mill-kampijiet waqt li d-demm tagħhom kien jittieħed lejn l-iktar qaddis mill-qassis il-kbir ħalli jinħafru d-dnubiet. 12  B’hekk, Ġesù wkoll bata ’l barra minn bieb il-belt biex iqaddes in-nies b’demmu stess. 13  Mela ejja mmorru ħdejh ’il barra mill-kampijiet billi nissaportu t-tmaqdir li ssaporta hu, 14  għax aħna hawn m’għandniex belt li tibqaʼ. Allura qed nistennew b’qalbna kollha l-belt li għandha tiġi fil-futur. 15  Mela ejja dejjem infaħħru lil Alla permezz taʼ Ġesù. Dan hu bħal sagrifiċċju li nagħtu lil Alla. Bil-kliem li ngħidu nagħtu xhieda għal ismu. 16  Iktar minn hekk, tinsewx tagħmlu t-tajjeb u taqsmu dak li għandkom m’oħrajn, għax Alla jieħu pjaċir ħafna b’sagrifiċċji bħal dawn. 17  Obdu lil dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom, għax huma qed jieħdu ħsiebkom* u Alla se jitlob kont minnhom. Jekk tagħmlu hekk, se jagħmlu xogħolhom bil-ferħ u mhux bid-dwejjaq, ħalli ma jkunx hemm konsegwenzi koroh fuqkom. 18  Ibqgħu itolbu għalina, għax aħna nemmnu li għandna kuxjenza nadifa u rridu nkunu onesti f’kollox. 19  Imma nħeġġiġkom b’mod speċjali biex titolbu ħalli nerġaʼ niġi kemm jistaʼ jkun malajr. 20  L-Alla tal-paċi qajjem mill-mewt lill-Mulej tagħna Ġesù, u d-demm tal-patt li jibqaʼ għal dejjem hu maʼ Ġesù r-ragħaj il-kbir tan-nagħaġ. U issa jalla l-Alla tal-paċi 21  jippreparakom b’kull ħaġa tajba biex tagħmlu dak li jrid. Permezz taʼ Ġesù Kristu, hu jimmotivana biex nagħmlu dak li jogħġbu. Jalla Alla jingħata l-glorja għal dejjem taʼ dejjem. Ammen. 22  Ħuti, inħeġġiġkom biex bil-paċenzja tisimgħu dan il-kliem taʼ inkuraġġiment li ktibtilkom f’din l-ittra qasira. 23  Irridkom tkunu tafu li ħuna Timotju nħeles. Jekk ma jdumx biex jiġi, niġu narawkom flimkien. 24  Selluli għal dawk kollha li qed imexxu fostkom u għall-qaddisin kollha. L-aħwa fl-Italja jsellu għalikom. 25  Jalla Alla juri qalb tajba kbira magħkom kollha.

Noti taʼ taħt

^ Jew “turu qalb tajba maʼ min ma tafux.”
^ Letteralment “lil dawk marbutin.”
^ Jew forsi “bħallikieku qed tbatu magħhom.”
^ Jew “għandu jkollhom is-sodda taż-żwieġ bla tinġis.”
^ Jew “jgħin lil qlubkom jiġu msaħħin.”
^ Jiġifieri regoli dwar l-ikel.
^ Jew “fit-tempju.”
^ Jew “jieħdu ħsieb lil ruħkom.”