Esdra 8:1-36

  • Lista taʼ dawk li marru lura m’Esdra (1-14)

  • Preparamenti għall-vjaġġ (15-30)

  • Jitilqu minn Babilonja u jaslu Ġerusalemm (31-36)

8  Dawn huma l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier li kienu rreġistrati familja familja u li telgħu miegħi minn Babilonja matul it-tmexxija tar-Re Artaserse: 2  Gersom mill-familja taʼ Fineħas; Danjel mill-familja taʼ Itamar; Ħattus mill-familja taʼ David; 3  Żakkarija mill-familja taʼ Sekanija li kien mill-familja taʼ Pargħos u kien hemm irreġistrati 150 raġel miegħu; 4  Eligħeħo-għenaj bin Żeraħija mill-familja taʼ Paħat-mowab, u 200 raġel miegħu; 5  Sekanija bin Ġaħażijel mill-familja taʼ Żattu, u 300 raġel miegħu; 6  Għebed bin Ġonatan mill-familja t’Għadin, u 50 raġel miegħu; 7  Ġesagħija bin Għatalija mill-familja t’Għelam, u 70 raġel miegħu; 8  Żebadija bin Mikiel mill-familja taʼ Sefatija, u 80 raġel miegħu; 9  Għobadija bin Ġeħijel mill-familja taʼ Ġowab, u 218-il raġel miegħu; 10  Selomit bin Ġosifija mill-familja taʼ Bani, u 160 raġel miegħu; 11  Żakkarija bin Bebaj mill-familja taʼ Bebaj, u 28 raġel miegħu; 12  Ġoħanan bin Ħakkatan mill-familja t’Għażgad, u 110 irġiel miegħu; 13  Elifelet, Ġegħijel, u Semajja, l-aħħar tlieta li marru lura mill-familja t’Adonikam, u 60 raġel magħhom; 14  u Utaj u Żabbud mill-familja taʼ Bigwaj, u 70 raġel magħhom. 15  Jien ġbarthom ħdejn ix-xmara li tagħti lejn Aħawa u kkampjajna hemmhekk tlett ijiem. Imma meta mort nara min kien hemm mill-poplu u l-qassisin, ma sibt lil ħadd mil-Leviti. 16  Għalhekk bgħatt għall-kapijiet Eligħeżer, Arjel, Semajja, Elnatan, Ġarib, Elnatan, Natan, Żakkarija, u Mesullam, u għall-għalliema Ġojarib u Elnatan. 17  Imbagħad tajthom kmand dwar Iddo, il-kap tal-post li jismu Kasifja. Jien għedtilhom jgħidu lil Iddo u lil ħutu, li kienu mill-familja tal-qaddejja tat-tempju,* biex iġibulna qaddejja għad-dar tal-Alla tagħna. 18  Peress li l-Alla tagħna kien magħna, ġabulna lil Serebija, raġel għaqli mill-familja taʼ Maħli. In-nannu taʼ Maħli kien Levi bin Iżrael. Maʼ Serebija kien hemm it-tfal tiegħu u ħutu, 18 b’kollox. 19  Ġabulna wkoll lil Ħasabija, u lil Ġesagħija mill-familja taʼ Merari, ħutu, u t-tfal tagħhom, 20 b’kollox. 20  U kien hemm 220 qaddej tat-tempju* mniżżlin fir-reġistru, li David u l-kapijiet kienu għażlu biex jgħinu lil-Leviti. 21  Imbagħad għedtilhom biex insumu ħdejn ix-Xmara Aħawa, biex numiljaw ruħna quddiem l-Alla tagħna, u biex nitolbuh jiggwidana fil-vjaġġ u jipproteġi lilna, lit-tfal tagħna, u kulma għandna. 22  Jien stħajt nitlob lir-re biex jibgħat magħna suldati u rikkieba taż-żwiemel ħalli jipproteġuna mill-għadu matul il-vjaġġ, għax konna għednielu: “L-Alla tagħna qiegħed maʼ dawk kollha li jfittxuh, imma jirrabja u jiħodha kontra dawk kollha li jitilquh.” 23  Għalhekk somna u tlabna lill-Alla tagħna biex jiggwidana, u hu semaʼ t-talb bil-ħniena tagħna. 24  Jien għażilt 12 mill-kapijiet tal-qassisin, jiġifieri lil Serebija, Ħasabija, u għaxart irġiel mill-familja tagħhom. 25  Imbagħad wiżint quddiemhom il-fidda, id-deheb, u l-għodod li ngħataw bħala kontribuzzjoni għad-dar tal-Alla tagħna mingħand ir-re, dawk li jagħtuh il-pariri, l-uffiċjali tiegħu, u l-Iżraelin kollha li kienu hemm. 26  Wara dan tajthomlhom, u kien hemm 650 talent* fidda, 100 għodda tal-fidda li jiswew żewġ talenti, 100 talent deheb, 27  20 skutella żgħira tad-deheb li jiswew 1,000 darik,* u żewġ għodod taʼ ram mill-aqwa u jleqq, jiswew daqs id-deheb. 28  Imbagħad għedtilhom: “Intom qaddisin għal Ġeħova, u l-għodod huma qaddisin, u l-fidda u d-deheb huma offerta volontarja għal Ġeħova l-Alla taʼ missirijietkom. 29  Ħudu ħsiebhom sew sakemm tiżnuhom fis-swali tal-ikel tad-dar taʼ Ġeħova quddiem il-kapijiet tal-qassisin u tal-Leviti u l-kapijiet taʼ dar il-missirijiet t’Iżrael f’Ġerusalemm.” 30  U l-qassisin u l-Leviti ġabru l-fidda, id-deheb, u l-għodod li ntiżnu biex jiħduhom Ġerusalemm fid-dar tal-Alla tagħna. 31  Fl-aħħar, tlaqna minn ħdejn ix-Xmara Aħawa fit-12 tal-ewwel xahar biex immorru Ġerusalemm. L-Alla tagħna kien magħna u pproteġiena mill-għadu u mill-ħallelin. 32  Għalhekk, wasalna Ġerusalemm u striħajna tlett ijiem. 33  Fir-rabaʼ jum, wiżinna l-fidda, id-deheb, u l-għodod fid-dar tal-Alla tagħna u tajniehom lil Meremot bin Urijah il-qassis. Miegħu kien hemm Elegħażar bin Fineħas u l-Leviti Ġożabad bin Ġeswa u Nogħadija bin Binnuwi. 34  Aħna għoddejna u wiżinna kollox, u l-piż ġie mniżżel bil-miktub. 35  Dawk li ħarġu mill-jasar offrew is-sagrifiċċji tal-ħruq lill-Alla t’Iżrael, 12-il barri għal Iżrael kollu, 96 muntun, 77 ħaruf, u 12-il bodbod bħala offerta għad-dnub. Dan kollu kien offerta tal-ħruq lil Ġeħova. 36  Imbagħad, tajna l-liġijiet tar-re lis-satrapi* tar-re u lill-gvernaturi fir-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara,* u dawn għenu lill-poplu u lid-dar tal-Alla l-veru.

Noti taʼ taħt

Jew “tan-Netinin.” Letteralment “dawk li ngħataw,” jiġifieri biex jaqdu lil Alla.
Jew “min-Netinin.” Letteralment “dawk li ngħataw,” jiġifieri biex jaqdu lil Alla.
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Darik kienet munita tad-deheb Persjana. Ara App. B14.
Titlu li jfisser “nies li jipproteġu s-saltna.” Hawn jirreferi għal gvernaturi tal-artijiet, jew provinċji, fl-Imperu Persjan.
Dan jirreferi għat-territorju fil-Punent tal-Ewfrat.