Esdra 4:1-24
4 L-għedewwa taʼ Ġuda u Benjamin semgħu li l-ilsiera li marru lura kienu qed jibnu tempju lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael.
2 Għalhekk, huma resqu mill-ewwel lejn Żerubbabel u l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier u qalulhom: “Ħa nibnu magħkom; għax bħalkom aħna nqimu* lill-Alla tagħkom u ilna noffrulu sagrifiċċji minn żmien ir-Re Esar-ħaddon tal-Assirja, li ġabna hawnhekk.”
3 Madankollu, Żerubbabel, Ġeswa, u l-kapijiet l-oħra tal-familji t’Iżrael qalulhom: “Intom m’għandkomx dritt tibnu magħna dar għall-Alla tagħna, għax aħna biss se nibnu dar għal Ġeħova l-Alla t’Iżrael, bħalma kkmandana r-Re Ċiru tal-Persja.”
4 Imbagħad in-nies tal-pajjiżi tal-madwar kienu l-ħin kollu jiskuraġġixxu* lin-nies taʼ Ġuda u jaqtgħulhom qalbhom biex ma jkomplux jibnu.
5 Huma qabbdu lil xi uffiċjali tal-gvern kontrihom biex ifixklu l-pjanijiet tan-nies taʼ Ġuda. Dan għamluh matul iż-żmien kollu tar-Re Ċiru sakemm Darju sar ir-re tal-Persja.
6 Fil-bidu tas-saltna t’Aħasweru, huma kitbu ittra u fiha akkużaw lin-nies taʼ Ġuda u Ġerusalemm.
7 Meta Artaserse kien re tal-Persja, Bislam, Mitredat, Tabel, u l-bqija taʼ sħabu kitbulu ittra. Huma ttraduċewha bl-Aramajk u kitbuha bl-alfabett Aramajk.*
8 * Reħum uffiċjal taʼ pożizzjoni għolja u Simsaj l-iskriba kitbu ittra kontra Ġerusalemm lir-Re Artaserse.
9 (Din kienet mingħand Reħum uffiċjal taʼ pożizzjoni għolja u Simsaj l-iskriba u l-bqija taʼ sħabhom, l-imħallfin u l-gvernaturi minuri, is-segretarji, in-nies t’Erek, il-Babiloniżi, in-nies taʼ Susa jiġifieri l-Għelamin,
10 il-bqija tal-popli li ttieħdu fl-eżilju biex jgħixu fil-bliet tas-Samarija mir-Re famuż u importanti Asenaffar, u l-oħrajn fir-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara.*)
11 Din hi kopja tal-ittra li bagħtu:
“Lir-Re Artaserse mingħandna, il-qaddejja tiegħek li joqogħdu fir-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara.
12 Ħa tkun taf li l-Lhud li telqu mingħandek ġew għandna u waslu Ġerusalemm. Huma qed jibnu l-belt ribelluża u ħażina, u qed ilestu s-swar u jsewwu l-pedamenti.
13 Ħa tkun taf ukoll li jekk din il-belt terġaʼ tinbena u jitlestew is-swar tagħha, huma ma jagħtu ebda taxxa, u b’hekk ikun hemm inqas flus fil-postijiet fejn iżommu t-teżori tar-rejiet.
14 Peress li aħna nirċievu l-paga mill-palazz* u ma nixtiqux naraw lir-re jmur minn taħt, bgħatna ngħidulek b’dan
15 sabiex jiġu ċċekkjati r-rekords tal-antenati tiegħek. Minnhom se ssir taf li din hi belt ribelluża u li tagħmel ħsara lir-rejiet u l-provinċji, u sa mill-qedem kien hemm fiha nies li qajmu r-rewwixti. Kien għalhekk li din il-belt inqerdet.
16 Aħna qed ngħidulek li jekk din il-belt terġaʼ tinbena u s-swar tagħha jitlestew, int ma jkollokx kontroll* fuq ir-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara.”
17 Ir-re bagħat messaġġ lil Reħum uffiċjal taʼ pożizzjoni għolja, lil Simsaj l-iskriba, lill-bqija taʼ sħabhom li kienu joqogħdu fis-Samarija, u lill-oħrajn li kienu joqogħdu fir-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara. Dan kien jgħid:
“Il-paċi magħkom!
18 Id-dokument uffiċjali li bgħattulna nqara b’mod ċar* quddiemi.
19 Għalhekk, ikkmandajt il-qaddejja tiegħi biex jiċċekkjaw fir-rekords u nstab li minn żmien twil ilu din il-belt kienet teħodha kontra r-rejiet, u n-nies tagħha kienu jirribellaw u jagħmlu rewwixti.
20 Ġerusalemm kellha rejiet b’saħħithom li mexxew fuq ir-reġjun kollu tan-naħa l-oħra tax-Xmara, u kienu jħallsu t-taxxi lilhom.
21 Issa oħorġu kmand biex dawn l-irġiel jieqfu mix-xogħol, ħalli l-belt ma terġax tinbena sakemm noħroġ kmand ieħor.
22 Araw li tagħmlu dak li għedtilkom biex ma nkomplix immur minn taħt.”
23 Wara li l-kopja tad-dokument uffiċjali tar-Re Artaserse nqrat quddiem Reħum u Simsaj l-iskriba u sħabhom, huma telqu malajr lejn Ġerusalemm għand il-Lhud u ġegħluhom jieqfu.
24 Kien dakinhar li waqaf ix-xogħol tad-dar t’Alla, li kienet f’Ġerusalemm, u baqaʼ wieqaf sat-tieni sena li beda jmexxi r-Re Darju tal-Persja.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “infittxu.”
^ Letteralment “idgħajfu jdejn.”
^ Jew forsi “kitbuha bl-Aramajk u mbagħad ittraduċewha.”
^ Esd 4:8 sa 6:18 oriġinarjament inkiteb bl-Aramajk.
^ Dan jirreferi għat-territorju fil-Punent tal-Ewfrat.
^ Letteralment “nieklu l-melħ tal-palazz.”
^ Letteralment “sehem.”
^ Jew forsi “ġie tradott u nqara.”

