Esdra 10:1-44

  • Patt biex ikeċċu lin-nisa barranin (1-14)

  • Jitkeċċew in-nisa barranin (15-44)

10  Esdra kien qed jitlob lil Alla u jgħidlu dwar id-dnubiet tal-poplu waqt li kien qed jibki mixħut fl-art quddiem id-dar tal-Alla l-veru. Dak il-ħin inġabret madwaru folla kbira taʼ rġiel, nisa, u tfal mill-poplu t’Iżrael, u kienu qed jibku ħafna. 2  Imbagħad Sekanija bin Ġeħijel mill-familja t’Għelam qal lil Esdra: “Aħna ma konniex leali lejn l-Alla tagħna għax iżżewwiġna* nisa minn pajjiżi oħra. Minkejja dan, xorta għad hemm tama għal Iżrael. 3  Ejja nagħmlu patt mal-Alla tagħna biex inkeċċu lil dawn in-nisa u lit-tfal tagħhom fi qbil mad-direzzjoni taʼ Ġeħova u taʼ dawk li għandhom rispett kbir* għall-kmandamenti tal-Alla tagħna. Ejja nagħmlu dak li tgħid il-Liġi. 4  Qum, għax int għandek ir-responsabbiltà li tieħu ħsieb din il-kwistjoni, u aħna qegħdin miegħek. Kun kuraġġuż u aġixxi.” 5  Għal dan Esdra qam u ġiegħel lill-kapijiet tal-qassisin, tal-Leviti, u t’Iżrael kollu jaħilfu li jagħmlu skont dak li ntqal. U hekk għamlu. 6  Esdra mbagħad telaq minn quddiem id-dar tal-Alla l-veru u mar fis-sala tal-ikel taʼ Ġeħoħanan bin Eljasib. Għalkemm mar hemmhekk, la kiel u lanqas xorob għax kien imdejjaq ħafna minħabba li dan il-poplu ma kienx leali. 7  Imbagħad sar avviż f’Ġuda u f’Ġerusalemm biex dawk kollha li qabel kienu lsiera jinġabru flimkien f’Ġerusalemm. 8  U skont id-deċiżjoni tal-kapijiet importanti u l-anzjani,* kull min ma jmurx fi żmien tlett ijiem jiħdulu ġidu kollu u jiġi mkeċċi mill-kongregazzjoni tal-poplu li kien fil-jasar. 9  Għalhekk, l-irġiel kollha taʼ Ġuda u Benjamin inġabru f’Ġerusalemm fi tlett ijiem, jiġifieri fl-20 tad-disaʼ xahar. In-nies kollha baqgħu bilqiegħda f’bitħa tad-dar tal-Alla l-veru, jirtogħdu minħabba l-kwistjoni u minħabba xita qawwija. 10  Imbagħad Esdra l-qassis qalilhom: “Intom ma kontux leali għax iżżewwiġtu nisa barranin, u b’hekk żidtu mal-ħtija t’Iżrael. 11  Issa ammettu dnubietkom maʼ Ġeħova l-Alla taʼ missirijietkom u agħmlu dak li jrid hu. Infirdu min-nies tal-pajjiżi u minn dawn in-nisa barranin.” 12  Għal dan, il-kongregazzjoni kollha wieġbet b’leħen għoli: “Hu d-dmir tagħna li nagħmlu eżatt kif qed tgħid. 13  Madankollu, hawn ħafna nies u bħalissa żmien ix-xita. Ma nistgħux nibqgħu barra, u din mhix kwistjoni taʼ ġurnata jew tnejn, għax aħna rribellajna bil-kbir. 14  Jekk jogħġbok, ħa jibqgħu hawn il-kapijiet importanti u jieħdu ħsieb l-affarijiet huma għalina. Imbagħad, dawk kollha fil-bliet tagħna li żżewġu nisa barranin jiġu hawn meta tgħidulhom, flimkien mal-anzjani u l-imħallfin taʼ kull belt. B’hekk insolvu din il-kwistjoni u l-Alla tagħna ma jibqax irrabjat minħabba dak li għamilna.” 15  Madankollu, Ġonatan bin Għasael u Ġaħżeja bin Tikwa ma qablux maʼ dan, u Mesullam u Sabbetaj il-Leviti appoġġawhom. 16  Imma l-Lhud li qabel kienu lsiera għamlu bħalma ġie ssuġġerit. U Esdra l-qassis u l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier, li lkoll kienu mniżżlin b’isimhom, inġabru fl-ewwel jum tal-għaxar xahar biex jeżaminaw il-kwistjoni. 17  U sal-ewwel jum tal-ewwel xahar solvew il-kwistjoni tal-irġiel kollha li żżewġu nisa barranin. 18  Huma saru jafu li xi qassisin* kienu żżewġu nisa barranin. Dawn kienu Magħseja, Eligħeżer, Ġarib, u Gedalija mill-familja taʼ Ġeswa bin Ġeħosadak. 19  Imma dawn wiegħdu li jkeċċu lin-nisa tagħhom, u kienu se joffru muntun mill-merħla peress li kienu ħatjin. 20  Qassisin oħra li dinbu kienu Ħanani u Żebadija li jiġu minn Immer; 21  Magħseja, Elija, Semajja, Ġeħijel, u Użżija li jiġu minn Ħarim; 22  Eljogħenaj, Magħseja, Ismagħel, Netanel, Ġożabad, u Elegħasa li jiġu minn Pasħur. 23  Mil-Leviti kien hemm Ġożabad, Simgħi, Kelaja (jiġifieri Kelita), Petaħija, Ġuda, u Eligħeżer; 24  mill-kantanti kien hemm Eljasib; u mill-għassiesa tal-bibien kien hemm Sallum, Telem, u Uri. 25  Minn Iżrael kien hemm dawn l-irġiel li dinbu: minn dawk li jiġu minn Pargħos kien hemm Ramija, Iżżija, Malkija, Mijamin, Elegħażar, Malkija, u Benaja; 26  minn dawk li jiġu minn Għelam kien hemm Mattanija, Żakkarija, Ġeħijel, Għabdi, Ġeremot, u Elija; 27  minn dawk li jiġu minn Żattu kien hemm Eljogħenaj, Eljasib, Mattanija, Ġeremot, Żabad, u Għażiża; 28  minn dawk li jiġu minn Bebaj kien hemm Ġeħoħanan, Ħananija, Żabbaj, u Għatlaj; 29  minn dawk li jiġu minn Bani kien hemm Mesullam, Malluk, Għadaja, Ġasub, Sijal, u Ġeremot; 30  minn dawk li jiġu minn Paħat-mowab kien hemm Għadna, Kelal, Benaja, Magħseja, Mattanija, Besalel, Binnuwi, u Manasse; 31  minn dawk li jiġu minn Ħarim kien hemm Eligħeżer, Issijah, Malkija, Semajja, Simjon, 32  Benjamin, Malluk, u Semarija; 33  minn dawk li jiġu minn Ħasum kien hemm Mattenaj, Mattatta, Żabad, Elifelet, Ġeremaj, Manasse, u Simgħi; 34  minn dawk li jiġu minn Bani kien hemm Magħdaj, Għamram, Uwel, 35  Benaja, Bedija, Keluħi, 36  Wanija, Meremot, Eljasib, 37  Mattanija, Mattenaj, u Ġagħsu; 38  minn dawk li jiġu minn Binnuwi kien hemm Simgħi, 39  Selemija, Natan, Għadaja, 40  Maknadbaj, Sasaj, Saraj, 41  Għażarel, Selemija, Semarija, 42  Sallum, Amarija, u Ġużeppi; 43  u minn dawk li jiġu minn* Nebo kien hemm Ġegħijel, Mattitija, Żabad, Żebina, Ġaddaj, Ġoel, u Benaja. 44  Dawn kollha kienu żżewġu nisa barranin, imma mbagħad keċċewhom bit-tfal b’kollox.

Noti taʼ taħt

Jew “daħħalna fi djarna.”
Letteralment “li triegħdu minħabba.”
Letteralment “tfal tal-qassisin.”
Jew forsi “min-nies taʼ.”