Naħum 1:1-15

  • Il-vendetta t’Alla kontra l-għedewwa tiegħu (1-7)

    • Alla jrid li n-nies iqimu lilu biss (2)

    • Ġeħova jieħu ħsieb lil dawk li jduru lejh għall-protezzjoni (7)

  • Ninwe se tiġi meqruda (8-14)

    • Mhux se jerġaʼ jkollu bżonn jeqred darb’oħra (9)

  • Tixxandar aħbar tajba lil Ġuda (15)

1  Messaġġ kontra Ninwe: Il-ktieb tal-viżjoni li rċivejt jien, Naħum* l-Elkosi:  2  Ġeħova hu Alla li jrid li n-nies iqimu lilu biss u li jagħmel vendetta;Ġeħova jagħmel vendetta u lest li juri r-rabja kbira tiegħu. Ġeħova jagħmel vendetta kontra l-għedewwa tiegħu,U hu jibqaʼ rrabjat mal-avversarji tiegħu.  3  Ġeħova ma jirrabjax malajr u għandu qawwa kbira,Imma Ġeħova bl-ebda mod mhu se jeħles lil dak li jkun mill-kastig li jkun ħaqqu. Hu juża riħ li jeqred u maltempata,U s-sħab hu bħal trab taħt saqajh.  4  Hu jikkundanna l-baħar u jnixxfu;U jnixxef ix-xmajjar kollha. Il-ħaxix tal-Basan u l-Karmel jinxef,U anki l-fjuri tal-Libanu.  5  Minħabba fih, il-muntanji jitriegħdu,U l-għoljiet idubu. Minħabba l-preżenza tiegħu, l-art se titheżżeż,Flimkien mad-dinja u dawk kollha li jgħixu fiha.  6  Min jistaʼ jiflaħ għall-korla tiegħu? U min se jissaporti r-rabja kbira tiegħu? Id-dagħdigħa tiegħu se tinfirex bħan-nar,U hu se jfarrak il-blat.  7  Ġeħova hu tajjeb u fortizza fi żmien taʼ inkwiet. Hu jieħu ħsieb* lil dawk li jduru lejh għall-protezzjoni.  8  Hu se jeqred għalkollox lil Ninwe,*L-għedewwa tiegħu se jkunu fid-dlam.  9  X’se tippjanaw kontra Ġeħova? Hu se jeqridkom għalkollox. Mhux se jerġaʼ jkollu bżonn jeqred darb’oħra. 10  Għax huma bħal ċint tax-xewk,U huma bħal dawk li sikru bil-birra;*Huma se jinħarqu bħat-tiben. 11  Minnek* se joħroġ wieħed li jippjana l-ħażen kontra Ġeħova,U jagħti pariri li ma jiswew għal xejn. 12  Hekk jgħid Ġeħova: “Għalkemm kienu b’saħħithom u numerużi,Xorta se jinqerdu u jiġu fix-xejn.* Ġuda, jien ġegħeltek tbati, imma mhux se nġiegħlek tbati iktar. 13  Jien se nkisser il-madmad minn fuqek,U se nqaċċat il-ktajjen tiegħek fi tnejn. 14  Dwar l-Assirja, Ġeħova kkmanda,‘Ismek mhux se jiġi mfakkar iktar. Jien se neqred l-istatwi skolpiti u l-istatwi tal-metall* mit-tempju* tal-allat tiegħek. Se nagħmel qabar għalik, għax int ma tiswa għal xejn.’ 15  Minn fuq il-muntanji ġej dak b’aħbar tajba,Dak li jxandar il-paċi. Ġuda, iċċelebra l-festi tiegħek, agħmel dak li wegħedt,Għax dak li ma jiswa għal xejn, qatt iktar mhu se jerġaʼ jgħaddi minnek. Hu se jinqered għalkollox.”

Noti taʼ taħt

^ Ifisser “Dak li Jfarraġ.”
^ Letteralment “jaf.”
^ Letteralment “lill-post tagħha.”
^ Jew “bil-birra tal-qamħ.”
^ Jiġifieri Ninwe.
^ Jew forsi “u se ngħaddi minn hemm.”
^ Jew “l-istatwi minn metall imdewweb.”
^ Letteralment “mid-dar.”