It-Tieni Ktieb taʼ Samwel 9:1-13

  • L-imħabba u l-lealtà taʼ David għal Mefiboset (1-13)

9  Imbagħad David staqsa: “Għad fadal xi ħadd mid-dar taʼ Sawl li nistaʼ nurih imħabba u lealtà* minħabba Ġonatan?” 2  Issa kien hemm qaddej mid-dar taʼ Sawl jismu Siba. Għalhekk, għajtulu biex imur għand David, u r-re staqsieh: “Int Siba?” Hu wieġbu: “Iva sidi.” 3  Ir-re żied jgħid: “Għad hemm xi ħadd mid-dar taʼ Sawl li nistaʼ nurih imħabba u lealtà bħalma juri Alla?” Siba wieġbu: “Għad hemm tifel wieħed taʼ Ġonatan li jzappap minn saqajh it-tnejn.” 4  Ir-re staqsieh: “Fejn hu?” Siba wieġbu: “Hu qiegħed Lo-debar, fid-dar taʼ Makir bin Għammijel.” 5  Minnufih, ir-Re David bagħat għalih u ħadu mid-dar taʼ Makir bin Għammijel f’Lo-debar. 6  Meta Mefiboset bin Ġonatan u n-neputi taʼ Sawl daħal għand David, hu minnufih miel u nxteħet wiċċu fl-art. Imbagħad David qallu: “Mefiboset!” u dan wieġbu: “Hawn jien, sidi.” 7  David qallu: “Tibżax, għax jien żgur li se nurik imħabba u lealtà minħabba missierek Ġonatan, u se nagħtik lura l-art kollha taʼ nannuk Sawl, u int dejjem se tiekol* mal-mejda tiegħi.” 8  Għal dan, hu nxteħet fl-art u qallu: “Sidi, jien min jien biex int tagħti kas* kelb mejjet bħali?” 9  Ir-re issa bagħat għal Siba, il-qaddej taʼ Sawl, u qallu: “Kulma kien taʼ Sawl u taʼ daru se nagħtih lin-neputi taʼ sidek. 10  Int, it-tfal tiegħek, u l-qaddejja tiegħek se taħdmulu l-art u tiġbru l-prodott tagħha biex jikluh dawk li huma tan-neputi taʼ sidek. Imma Mefiboset in-neputi taʼ sidek dejjem se jiekol mal-mejda tiegħi.” Issa Siba kellu 15-il tifel u 20 qaddej. 11  Imbagħad Siba qal lir-re: “Sidi r-re, jien se nagħmel kulma kkmandajtni.” Għalhekk, Mefiboset beda jiekol mal-mejda taʼ David* bħal wieħed mit-tfal tar-re. 12  Issa Mefiboset kellu tifel żgħir jismu Mika. U dawk kollha li kienu jgħixu fid-dar taʼ Siba saru qaddejja taʼ Mefiboset. 13  U Mefiboset għex f’Ġerusalemm, għax dejjem kien jiekol mal-mejda tar-re. Hu kien izappap minn saqajh it-tnejn.

Noti taʼ taħt

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “tiekol il-ħobż.”
Letteralment “dawwart wiċċek lejn.”
Jew forsi “tiegħi.”