It-Tieni Ktieb taʼ Samwel 12:1-31

  • Natan jirrabja maʼ David (1-15a)

  • Imut it-tifel taʼ Bat-seba (15b-23)

  • Bat-seba twelled lil Salamun (24, 25)

  • Tintrebaħ Rabba, belt tal-Għammonin (26-31)

12  Għalhekk, Ġeħova bagħat lil Natan għand David. Hu daħal għandu u qallu: “Kien hemm żewġt irġiel f’belt, wieħed sinjur u l-ieħor fqir. 2  Is-sinjur kellu ħafna u ħafna nagħaġ u baqar, 3  imma l-fqir ma kellu xejn ħlief ħarufa żgħira li kien xtara. Hu ħa ħsiebha, u kibret miegħu u mat-tfal tiegħu. Kienet tiekol mill-ftit ikel li kellu, tixrob mit-tazza tiegħu, u torqod f’idejh. Saret qisha bintu. 4  Iktar tard, mar xi ħadd iżur lir-raġel sinjur, imma dan ma riedx jieħu min-nagħaġ u l-baqar tiegħu biex jipprepara ikla għall-vjaġġatur li kien mar għandu. Minflok, ħa l-ħarufa tar-raġel fqir u pprepara lilha għar-raġel li kien mar għandu.” 5  Għal dan, David irrabja ħafna għar-raġel u qal lil Natan: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li r-raġel li għamel dan jistħoqqlu jmut! 6  U peress li għamel dan u ma weriex ħniena, hu għandu jagħti erbaʼ darbiet iktar għall-ħarufa li ħadlu.” 7  Imbagħad Natan qal lil David: “Int hu dak ir-raġel! Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael: ‘Jien stess għażiltek* bħala re fuq Iżrael, u jien salvajtek minn id Sawl. 8  Jien kont lest li nagħtik dar sidek u n-nisa tiegħu, u tajtek id-dar t’Iżrael u taʼ Ġuda. U kont lest li nagħmel ħafna iktar għalik jekk dan ma kienx biżżejjed. 9  Għala ddiżonorajt dak li għedt jien, Ġeħova, billi għamilt dak li hu ħażin f’għajnejja? Int qtilt lil Urija l-Ħitti bix-xabla! Imbagħad iżżewwiġt lil martu wara li qtiltu bix-xabla tal-Għammonin. 10  Issa dawk taʼ darek dejjem se jmutu b’mod vjolenti,* għax meta żżewwiġt lil mart Urija l-Ħitti, int iddiżonorajtni.’ 11  Hekk jgħid Ġeħova: ‘Se naqlagħlek l-inkwiet minn ġo darek stess. Se nieħu n-nisa tiegħek minn quddiem għajnejk stess u nagħtihom lil raġel ieħor, u hu jkollu x’jaqsam magħhom fid-dawl tax-xemx.* 12  Għalkemm int aġixxejt fil-moħbi, jien se nagħmel dan quddiem Iżrael kollu fid-dawl tax-xemx.’”* 13  Imbagħad David qal lil Natan: “Jien dnibt kontra Ġeħova.” Natan wieġbu: “Min-naħa tiegħu, Ġeħova se jaħfer id-dnub tiegħek.* Int ma tmutx. 14  Minkejja dan, peress li wrejt diżrispett kbir lejn Ġeħova f’din il-ħaġa, it-tifel li għadu kif twilidlek żgur li jmut.” 15  Imbagħad Natan mar lejn daru. U Ġeħova ġab marda fuq it-tifel li mart Urija kellha minn David. 16  David talab bil-ħniena lill-Alla l-veru għat-tifel. Hu sam u kien jidħol f’kamartu u jgħaddi l-lejl mal-art. 17  Għalhekk, l-anzjani taʼ daru waqfu ħdejh u pprovaw iqajmuh mill-art, imma hu ma riedx u ma kienx jiekol magħhom. 18  Fis-sebaʼ jum it-tifel miet, imma l-qaddejja taʼ David beżgħu jgħidulu. Huma qalu: “Sakemm it-tifel kien ħaj kellimnieh, u hu ma semax minna. Allura kif nistgħu ngħidulu li t-tifel miet? Għandu mnejn jagħmel xi ħaġa terribbli.” 19  Meta David ra lill-qaddejja tiegħu jitkellmu minn taħt l-ilsien, hu nduna li t-tifel kien miet u qalilhom: “Jaqaw it-tifel miet?” Huma wiġbuh: “Iva miet.” 20  Għalhekk, David qam mill-art, inħasel, indilek biż-żejt, biddel ħwejġu, u mar fid-dar taʼ Ġeħova u nxteħet fl-art. Wara, daħal f’daru,* talab biex iġibulu l-ikel, u kiel. 21  Il-qaddejja tiegħu staqsewh: “Għala għamilt hekk? Sakemm it-tifel kien ħaj, int somt u bqajt tibki; imma malli miet, int qomt u kilt.” 22  Hu wieġeb: “Sakemm it-tifel kien ħaj, somt u bqajt nibki għax għedt bejni u bejn ruħi, ‘Forsi Ġeħova jħenn għalija u jħalli t-tifel ħaj.’ 23  Issa li miet, għala għandi nsum? Nistaʼ nġibu lura? Jien għad immur ħdejh meta mmut, imma hu mhux se jerġaʼ lura ħdejja.” 24  David għen lil martu Bat-seba tħossha aħjar. Imbagħad daħal għandha u kellu x’jaqsam magħha. Maż-żmien welldet iben, u semmewh Salamun.* Ġeħova kien iħobbu, 25  u bagħat jgħid permezz tal-profeta Natan biex jissemma Ġedidija,* minħabba Ġeħova. 26  Ġowab kompla jiġġieled kontra Rabba tal-Għammonin u ħa taħt idejh il-belt tar-re.* 27  Għalhekk, Ġowab bagħat messaġġiera għand David u qallu: “Jien iġġilidt kontra Rabba u ħadt taħt idejja l-belt tal-ilmijiet.* 28  Issa iġbor il-bqija tas-suldati u kkampja biex tattakka l-belt, u ħudha taħt idejk. Inkella, jekk nieħu l-belt taħt idejja jien, jagħtu l-krettu lili.”* 29  Għalhekk, David ġabar is-suldati kollha, mar Rabba, iġġieled kontriha, u ħadha taħt idejh. 30  Imbagħad ħa l-kuruna minn fuq ras Malkam.* Din kienet tiżen talent* deheb u kienet imżejna b’ħaġar prezzjuż, u tqiegħdet fuq ras David. Hu ħa wkoll ammont kbir t’affarijiet mill-belt. 31  Hu ħareġ lin-nies li kienu fiha u qabbadhom jaqtgħu l-ġebel, jaħdmu b’għodod jaqtgħu tal-ħadid u l-imnanar tal-ħadid, u jagħmlu l-briks. Hekk għamlilhom lill-bliet kollha tal-Għammonin. Fl-aħħar, David u s-suldati kollha reġgħu lura lejn Ġerusalemm.

Noti taʼ taħt

Letteralment “dliktek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “ix-xabla qatt ma titbiegħed minn darek.”
Letteralment “taħt għajnejn din ix-xemx.”
Letteralment “quddiem ix-xemx.”
Jew “iħalli d-dnub tiegħek jgħaddi.”
Jew “fil-palazz tiegħu.”
Minn kelma Ebrajka li tfisser “Paċi.”
Ifisser “Maħbub minn Jah.”
Letteralment “il-belt irjali.”
Jistaʼ jirreferi għar-riżorsi tal-ilma tal-belt.
Letteralment “jgħajtu ismi fuqha.”
Idolu tal-alla tal-Għammonin.
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.