It-Tieni Ktieb taʼ Samwel 3:1-39

  • Id-dar taʼ David tissaħħaħ (1)

  • It-tfal taʼ David (2-5)

  • Abner imur man-naħa taʼ David (6-21)

  • Ġowab joqtol lil Abner (22-30)

  • David jiddispjaċih għal Abner (31-39)

3  Il-gwerra bejn dar Sawl u dar David ħadet fit-tul. David baqaʼ jissaħħaħ mentri dar Sawl baqgħet tiddgħajjef. 2  Sadanittant, David kellu t-tfal f’Ħebron. L-ewwel imwieled tiegħu kien Amnon minn Aħinogħam il-Ġeżragħelija. 3  It-tieni kien Kilegħab minn Abigajl l-armla taʼ Nabal il-Karmeli. It-tielet kien Absalom bin Magħka, li kienet bint Talmaj ir-re tal-Gesur. 4  Ir-rabaʼ kien Adonija bin Ħaggit, u l-ħames kien Sefatija bin Abital. 5  Is-sitt wieħed kien Itregħam bin Għegla, mart David. Dawn kienu t-tfal li David kellu f’Ħebron. 6  Waqt li l-gwerra bejn dar Sawl u dar David kompliet, Abner baqaʼ jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu f’dar Sawl. 7  Issa Sawl kellu konkubina li kien jisimha Risfa bint Ajja. Iktar tard Is-boset qal lil Abner: “Għala kellek x’taqsam mal-konkubina taʼ missieri?” 8  Abner irrabja ħafna għall-kliem taʼ Is-boset u qallu: “Mela jien xi kelb taʼ Ġuda? Sal-lum, jien urejt imħabba u lealtà* maʼ dar missierek Sawl, lejn ħutu, u l-ħbieb tiegħu, u ma ttradejtekx u tajtek f’idejn David. Madankollu int illum titlobni nagħti kont taʼ żball minħabba mara. 9  Jalla Alla jikkastigani bl-aħrax jekk ma nagħmilx għal David bħalma ħaliflu Ġeħova. 10  Hu ħaliflu li se jneħħi s-saltna minn dar Sawl u jsaħħaħ it-tron taʼ David fuq Iżrael u fuq Ġuda, minn Dan sa Bir-xeba.” 11  Hu ma kellux il-ħila jgħidlu kelma oħra lil Abner minħabba li kien jibżaʼ minnu. 12  Abner bagħat messaġġiera għand David dak il-ħin stess, u qallu: “Taʼ min hi l-art? Agħmel patt miegħi, u jien nagħmel kulma nistaʼ* biex Iżrael kollu jżomm miegħek.” 13  Għal dan wieġbu: “Tajjeb! Jien nagħmel patt miegħek. L-unika ħaġa li nitlob mingħandek hi li ma tipprovax tara lil wiċċi jekk l-ewwel ma ġġibx għandi lil Mikal bint Sawl.” 14  Imbagħad, David bagħat messaġġiera għand Is-boset bin Sawl, u qallu: “Agħtini lil marti Mikal, li jien tgħarrast billi tajt prova* li kont qtilt 100 Filisti.” 15  Għalhekk, Is-boset bagħat għaliha biex jiħodha mingħand żewġha Paltijel bin Lajs. 16  Imma żewġha baqaʼ miexi magħha, jibki hekk kif mexa warajha sa Baħurim. Imbagħad Abner qallu: “Mur lura!” U mar lura. 17  Sadanittant, Abner bagħat jgħid lill-anzjani* t’Iżrael: “Għal xi żmien intom ridtu lil David bħala re fuqkom. 18  Issa aġixxu, għax Ġeħova qal lil David: ‘Permezz tiegħek se nsalva lill-poplu tiegħi Iżrael minn id il-Filistin u minn id l-għedewwa kollha tagħhom.’” 19  Imbagħad Abner tkellem man-nies taʼ Benjamin. Abner mar ukoll jitkellem fil-privat maʼ David f’Ħebron biex jgħidlu dak li qablu dwaru Iżrael u d-dar kollha taʼ Benjamin. 20  Meta Abner mar għand David f’Ħebron maʼ 20 raġel, David għamel festa għalihom. 21  Imbagħad Abner qal lil David: “Ħa mmur u niġbor lil Iżrael kollu quddiemek, sidi r-re, sabiex jagħmlu patt miegħek, u int issir re fuq dak kollu li tixtieq.” Għalhekk, David bagħat lil Abner fil-paċi. 22  Dak il-ħin, Ġowab u l-qaddejja taʼ David ġew lura minn attakk, u magħhom kellhom kwantità kbira t’affarijiet li ħadu. Abner ma kienx għadu ħdejn David f’Ħebron, għax kien bagħtu fil-paċi. 23  Meta Ġowab u l-armata kollha li kienet miegħu waslu, lil Ġowab qalulu: “Abner bin Ner ġie għand ir-re, u dan bagħtu fil-paċi.” 24  Għalhekk, Ġowab daħal għand ir-re u qallu: “X’għamilt? Għala bgħattu fil-paċi meta ġie għandek, u ħallejtu jaħrab? 25  Ma tafx kif inhu Abner? Hu ġie biex iqarraq bik u biex ikun jaf kulma qed tagħmel u kull fejn qed tmur.” 26  Għalhekk, Ġowab telaq minn ħdejn David u bagħat messaġġiera wara Abner, u ħaduh lura mill-ġibjun taʼ Sira. Imma David ma kienx jaf b’dan. 27  Meta Abner mar lura Ħebron, Ġowab daħħlu ’l ġewwa mill-bieb tal-belt biex ikellmu fil-privat. Madankollu, Ġowab tah daqqa taʼ xabla f’żaqqu u qatlu. Hu għamel hekk minħabba li kien qatillu lil* ħuh Għasael. 28  Iktar tard, David semaʼ b’dan u qal: “Quddiem Ġeħova, jien u saltnati innoċenti għal dejjem mill-ħtija tal-qtil* t’Abner bin Ner. 29  Jalla Ġowab u d-dar kollha taʼ missieru jiġu kkastigati. Jalla dejjem ikun hemm raġel minn dar Ġowab li jbati b’xi waħda minn dawn: tnixxija taʼ materja, ġdiem, diżabbiltà,* jinqatel bix-xabla, jew ikun bil-ġuħ!” 30  Ġowab u ħuh Abisaj qatlu lil Abner minħabba li kien qatel lil ħuhom Għasael fil-battalja f’Gibegħon. 31  Imbagħad David qal lil Ġowab u lin-nies kollha li kienu miegħu: “Ċarrtu ħwejjiġkom u itfgħu fuqkom ilbies tal-ixkora u ibku għal Abner.” Ir-Re David stess kien miexi wara s-sodda li fuqha kien hemm ġisem Abner. 32  Huma difnu lil Abner f’Ħebron, u r-re beka b’leħen għoli ħdejn il-qabar t’Abner, u n-nies kollha bdew jibku. 33  Ir-re kanta għal Abner: “Kellu Abner imut b’mewta bla sens? 34  Idejk ma kinux marbutin,U saqajk ma kinux fil-ktajjen.* Int mitt bħal wieħed maqtul mill-kriminali.”* U n-nies kollha reġgħu bkewh. 35  Iktar tard in-nies kollha marru jagħtu lil David ħobż biex jikkonslawh* waqt li kien għadu d-dawl, imma David ħalef: “Jalla Alla jikkastigani bl-aħrax jekk induq il-ħobż jew xi ħaġa oħra qabel ma tinżel ix-xemx!” 36  In-nies kollha raw dan u bħas-soltu qablu maʼ dak li kien qed jagħmel ir-re. 37  Għalhekk, dakinhar in-nies kollha taʼ David u Iżrael kollu kienu jafu li r-re ma kienx responsabbli għall-qtil t’Abner bin Ner. 38  Imbagħad, ir-re qal lill-qaddejja tiegħu: “Illum miet kap u raġel importanti f’Iżrael. 39  Illum jien dgħajjef, avolja magħżul* bħala re. U dawn l-irġiel, it-tfal ta’ Seruja, huma kattivi wisq. Jalla Ġeħova jpatti lil min jagħmel il-ħażen skont il-ħażen tiegħu stess.”

Noti taʼ taħt

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “u ara! idi qiegħda miegħek.”
Letteralment “il-ġilda tal-organu sesswali tal-Filistin.”
Letteralment “minħabba d-demm taʼ.”
Jew “mill-ħtija tad-demm.”
Hawn jirreferi għal raġel kapaċi jagħmel biss xogħol taʼ mara, b’hekk mhux tajjeb għall-gwerra jew għal xogħol taʼ raġel.
Letteralment “fir-ram.”
Letteralment “mit-tfal tal-inġustizzja.”
Jew “ħobż tal-vistu.”
Letteralment “midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.