L-Ewwel Ittra lil Timotju 3:1-16

  • Kwalifiki għall-anzjani (1-7)

  • Kwalifiki għall-qaddejja ministerjali (8-13)

  • Is-sigriet qaddis tal-lealtà lejn Alla (14-16)

3  Dan li se ngħid hu taʼ min jafdah: Jekk raġel qed jirsisti biex isir anzjan,* hu jkun jixtieq xogħol tajjeb. 2  Għalhekk, anzjan għandu jkun raġel li ma ssib xejn x’tgħid fih, ikun miżżewweġ mara waħda, moderat f’kollox, juża l-għaqal,* jimxi bl-ordni, ikun ospitabbli, ikkwalifikat biex jgħallem, 3  ma jiskirx, ma jkunx vjolenti,* imma jkun raġonevoli, ma jiġġilidx, ma jħobbx il-flus, 4  ikun jaf imexxi* tajjeb lill-familja tiegħu, ikollu tfal li jobdu u jġibu ruħhom sew, 5  (għax jekk raġel ma jafx imexxi* lill-familja tiegħu stess, kif jistaʼ jieħu ħsieb il-kongregazzjoni t’Alla?) 6  u mhux wieħed li għadu kif sar Kristjan, li ma jmurx jitkabbar u jirċievi l-istess ġudizzju li rċieva x-Xitan. 7  Iktar minn hekk, għandu jkollu reputazzjoni* tajba maʼ dawk taʼ barra, ħalli ma jiġix iddiżonorat u jaqaʼ fin-nassa tax-Xitan. 8  Bl-istess mod, il-qaddejja ministerjali għandhom ikunu serji, ma jqarrqux b’dak li jgħidu,* ikunu moderati kemm jieħdu nbid, ma jkunux rgħiba biex jakkwistaw affarijiet b’mod diżonest, 9  u jżommu mas-sigriet qaddis tal-fidi* b’kuxjenza nadifa. 10  Ukoll, l-ewwel għandhom jagħtu prova jekk jistħoqqilhomx* dan il-privileġġ, u jekk m’hemm xejn fuq xiex jiġu akkużati, huma jistgħu jaqdu bħala qaddejja ministerjali. 11  Bl-istess mod, in-nisa għandhom ikunu serji, ma jimmalafamawx, moderati f’kollox, u juru fidi f’kulma jagħmlu. 12  Il-qaddejja ministerjali għandhom ikunu miżżewġin mara waħda u jmexxu tajjeb lill-familja tagħhom, speċjalment lit-tfal. 13  L-irġiel li jaqdu bl-aħjar mod jiksbu reputazzjoni tajba u jkunu jistgħu jitkellmu b’libertà kbira dwar il-fidi tagħhom fi Kristu Ġesù. 14  Għalkemm qed nittama li ma ndumx ma niġi narak, qed niktiblek dawn l-affarijiet 15  ħalli f’każ li ndum, tkun taf kif għandek iġġib ruħek fid-dar t’Alla, jiġifieri l-kongregazzjoni tal-Alla l-ħaj, li tappoġġa u tiddefendi l-verità. 16  Infatti, is-sigriet qaddis tal-lealtà lejn Alla hu t’importanza kbira: ‘Ġesù sar bniedem, ġie ddikjarat ġust minn Alla meta reġaʼ għamlu spirtu, deher lill-anġli, xandru dwaru fost il-popli, xi nies emmnu fih, u ntlaqaʼ fis-sema u ġie gglorifikat.’

Noti taʼ taħt

Jew “indokratur.”
Jew “moħħu f’loku.”
Jew “ma jsawwatx.”
Jew “jieħu ħsieb.”
Jew “jieħu ħsieb.”
Jew “xhieda.”
Jew “ma jilagħbux bid-diskors.”
Fidi hawnhekk tidher li tirreferi għat-tagħlim Kristjan kollu.
Jew “jekk jikkwalifikawx għal.”