Ġoel 2:1-32
2 “Doqqu qarn f’Sijon!
Għajtu għajta tal-gwerra fuq il-muntanja qaddisa tiegħi!
Ħa jitriegħdu n-nies kollha tal-pajjiż,*Għax ġejja l-ġurnata taʼ Ġeħova! Din hi viċin!
2 Din hi ġurnata taʼ dlam u swidija,Ġurnata bi sħab u mdallma ħafna.Hi bħal dawl imċajpar taʼ meta jisbaħ li jinfirex fuq il-muntanji.
Hemm ħafna ġurati bħal poplu numeruż u b’saħħtu;Qatt ma kien hemm xi ħaġa bħal din,U qatt mhu se jerġaʼ jkun hemm xi ħaġa oħra hekkMatul is-snin tal-ġenerazzjonijiet kollha.
3 Quddiemhom hemm nar li qed jeqredU warajhom hemm fjamma li qed taħraq kollox.
L-art taʼ quddiemhom hi bħall-ġnien tal-Għeden,Imma taʼ warajhom hi bħal deżert imħarbat,U xejn ma jistaʼ jeħlisha.
4 Dawn jixbhu liż-żwiemel,U jiġru bħaż-żwiemel tal-gwerra.
5 Il-ħoss hu bħal tal-karrijiet hekk kif jaqbżu fuq il-qċaċet tal-muntanji,Bħall-ħoss tan-nar li jfaqqaʼ hekk kif jaħraq it-tiben.
Dawn huma bħal poplu b’saħħtu mqassam għall-battalja.
6 Minħabba fihom, il-popli se jbatu ħafna.
Kull wiċċ se jibjad bil-biżaʼ.
7 Huma jattakkaw l-għadu bħal gwerriera,Jitilgħu maʼ sur bħal suldati,Kull wieħed jibqaʼ sejjer dritt fi triqtu,U ħadd minnhom ma joħroġ minnha.
8 Huma ma jimbottawx lil xulxin;Kull wieħed jimxi ’l quddiem fi triqtu.
Jekk jintlaqat xi ħadd bl-armi u jaqaʼ,L-oħrajn jibqgħu fi triqithom.
9 Huma jidħlu jiġru fil-belt, jiġru fuq is-sur.
Jitilgħu fuq id-djar, u jidħlu mit-twieqi bħal ħalliel.
10 L-art titriegħed u s-sema titheżżeż quddiemhom.
Ix-xemx u l-qamar iddallmu,U l-istilel ma baqgħux jiddu.
11 Ġeħova se jitkellem b’vuċi għolja mal-armata tiegħu, għax din hi kbira ħafna.
Għax Alla jagħmel dak li jgħid, u hu b’saħħtu;Għax il-jum taʼ Ġeħova hu kbir u tal-għaġeb ħafna.
Min jiflaħ għalih?”
12 Ġeħova jgħid: “Imma mhux tard wisq biex tiġu lura, mela ejjew lura għandi b’qalbkom kollha,Billi ssumu u tibku fuq li tibku.”
13 “Ċarrtu qlubkom, u mhux il-ħwejjeġ tagħkom,U erġgħu lura għand Ġeħova l-Alla tagħkom,Għax hu qalbu tajba* u ħanin, ma jirrabjax malajr, juri ħafna mħabba u lealtà,*U se jbiddel fehmtu dwar id-diżastru* li kien se jġib.
14 Min jaf jekk jerġax jibdielu u jbiddel fehmtu*U jberikkom,Ħalli toffru l-offerta taċ-ċereali* u l-offerta tax-xorb lil Ġeħova l-Alla tagħkom!
15 Doqqu qarn f’Sijon!
Għidu lil kulħadd biex isum; agħmlu assemblea speċjali.
16 Sejħu lin-nies; qaddsu lill-kongregazzjoni.
Iġbru lill-irġiel kbar fl-età;* sejħu lit-tfal u lit-trabi.
Ħa joħroġ l-għarus mill-kamra taʼ ġewwa tiegħu, u l-għarusa mill-kamra tagħha.
17 Ħalli lill-qassisin, il-qaddejja taʼ Ġeħova,Jibku bejn l-intrata u l-artal, u jgħidu:
‘Ġeħova, tħassar lill-poplu tiegħek;Tħallix il-wirt tiegħek jiġi mwaqqaʼ għaċ-ċajt,Billi popli oħra jmexxu fuqhom.
In-nies għala għandhom jgħidu: “Fejn hu l-Alla tagħhom?”’
18 Imbagħad Ġeħova se jipproteġi b’mod żeluż l-art tiegħuU juri ħniena mal-poplu tiegħu.
19 Ġeħova se jwieġeb lill-poplu tiegħu:
‘Qed nibagħtilkom iċ-ċereali, inbid ġdid, u żejt,U se tixbgħu;Mhux se nħallikom tiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt iktar fost il-popli.
20 Jien se nbiegħed minnkom l-għadu li jiġi mit-Tramuntana;Jien se nferrxu f’art niexfa u abbandunata,L-armata tiegħu* se tkun qed tħares lejn il-baħar tal-Lvant*U warajha se jkollha l-baħar tal-Punent.*
Ir-riħa tinten tiegħu se tinfirex mal-art,L-intiena tiegħu se tibqaʼ tinfirex;Għax se nagħmel affarijiet kbar.’
21 Art, tibżax.
Kun ferħana u ifraħ, għax Ġeħova se jagħmel affarijiet kbar.
22 Annimali, tibżgħux,Għax il-partijiet tad-deżert fejn tirgħaw se jkunu ħodor,U s-siġar se jagħtu l-frott;Is-siġra tat-tin u d-dielja żgur li se jagħtu l-frott kollu tagħhom.
23 Tfal taʼ Sijon, ifirħu u kunu ferħanin b’Ġeħova l-Alla tagħkom,Għax fil-ħarifa se jagħtikom xita kemm ikun hemm bżonn,U se jibagħtilkom ħalbiet taʼ xita,Ix-xita tal-ħarifa u tar-rebbiegħa, bħal qabel.
24 Il-postijiet fejn jiġu sseparati ċ-ċereali* se jkunu mimlijin biċ-ċereali,U l-postijiet fejn jintgħasru l-għeneb u ż-żebbuġ se jkunu mimlijin bi nbid ġdid u żejt.”
25 “Jien se nagħtikom l-affarijiet li tliftuMatul is-snin li bgħatt l-armata kbira tiegħi fostkom:Il-qtajjaʼ tal-ġurati, il-ġurati taʼ mingħajr ġwienaħ, il-ġurati mġewħin, u l-ġurati li jibilgħu.
26 Intom żgur li se tieklu u tixbgħu,U se tfaħħru l-isem tiegħi, Ġeħova l-Alla tagħkom,Li għamilt affarijiet tal-għaġeb għalikom;Intom, il-poplu tiegħi, qatt iktar mhu se jkollkom minn xiex tistħu.
27 U intom se jkollkom tkunu tafu li jien qiegħed magħkom, poplu t’Iżrael,U li jien Ġeħova l-Alla tagħkom u m’hemmx ieħor ħliefi.
Intom, il-poplu tiegħi, qatt iktar mhu se jkollkom minn xiex tistħu.
28 Wara dan, jien se nitfaʼ l-ispirtu tiegħi fuq kull tip taʼ nies,It-tfal tagħkom subien u bniet se jipprofetizzaw.L-irġiel xjuħ se jkollhom ħolm.U l-irġiel żgħażagħ tagħkom se jaraw viżjonijiet.
29 U f’dawk il-jiem se nitfaʼ l-ispirtu tiegħiAnki fuq l-ilsiera rġiel u nisa tiegħi.
30 Jien se nagħmel affarijiet tal-għaġeb* fis-sema u fuq l-art:Demm, nar, u duħħan.
31 Qabel ma jiġi l-jum il-kbir u tal-għaġeb tiegħi, Ġeħova,Ix-xemx se tinbidel fi dlam u l-qamar f’demm.
32 U kull min jitlob lili, Ġeħova, għall-għajnuna billi juża ismi, se jiġi salvat;Eżatt bħalma għedt jien, Ġeħova, fuq il-Muntanja Sijon u f’Ġerusalemm se jkun hemm dawk li jaħarbu,Dawk li se jsalvaw, għax jien, Ġeħova, se nsejħilhom.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “tal-art.”
^ Jew “juri mogħdrija.”
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “se jiddispjaċih minn dak li kien se jagħmel.”
^ Jew “jiddispjaċih.”
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Jew “lill-anzjani.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “Wiċċu.”
^ Jiġifieri l-Baħar il-Mejjet.
^ Jiġifieri l-Baħar Mediterran.
^ Jew “Il-qigħan tad-dris.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Dris; Qiegħa tad-dris.”
^ Jew “sinjali.”

