Ġoel 1:1-20
1 Dan hu l-messaġġ li jien, Ġoel* bin Petwel, irċivejt mingħand Ġeħova:
2 “Anzjani,* isimgħu dan,Intom in-nies kollha tal-pajjiż,* agħtu kas.
Qatt ġrat xi ħaġa bħal din fi żmienkomJew fi żmien missirijietkom?
3 Għidu dwar dan lit-tfal tagħkom,U t-tfal tagħkom ħa jgħiduh lit-tfal tagħhom,U t-tfal tagħhom ħa jgħiduh lill-ġenerazzjoni taʼ wara.
4 Dak li tħalla mill-ġurati li jibilgħu, kiluh il-qtajjaʼ tal-ġurati;Dak li tħalla mill-qtajjaʼ tal-ġurati, kiluh il-ġurati taʼ mingħajr ġwienaħ;U dak li kien tħalla mill-ġurati taʼ mingħajr ġwienaħ, kiluh il-ġurati mġewħin.
5 Intom is-sakranazzi, qumu u ibku!
Intom li tixorbu l-inbid, ibku fuq li tibku,Għax mhux se jkollkom iktar inbid ħelu.
6 Għax fl-art tiegħi daħlu qtajjaʼ kbar taʼ ġurati li qishom poplu b’saħħtu u li ma jingħaddx.
Snienhom u x-xedaq tagħhom huma bħal dawk tal-iljuni.
7 Dawn ħarbtu d-dielja tiegħi, u s-siġra tat-tin tiegħi ġabuha zokk,Neżżgħuhom għalkollox u rmewhom,U ħallew il-friegħi tagħhom jibjadu.
8 Ibku fuq li tibku bħal żagħżugħa* li liebsa l-ħwejjeġ tal-ixkoraGħax tilfet ir-raġel* taʼ żgħożitha.
9 Fit-tempju taʼ Ġeħova m’għadhomx isiru l-offerti taċ-ċereali* u l-offerti tax-xorb;Il-qassisin, dawk li jaqdu lil Ġeħova, huma mdejqin ħafna.
10 L-għelieqi ġew imħarbtin, fil-ħamrija m’għadu jitlaʼ xejn;Peress li ċ-ċereali ġew imħarbtin, m’hemmx iktar inbid ġdid, u ż-żejt spiċċa.
11 Peress li m’hemmx qamħ u xgħir,*Il-bdiewa qatgħu qalbhom u dawk li jieħdu ħsieb id-dwieli qed jibku fuq li jibku;B’hekk il-ħsad spiċċa fix-xejn.
12 Id-dielja nixfet,U anki t-tina, ir-rummiena,
Is-siġra tat-tamal, u s-siġra tat-tuffieħ,Jiġifieri nixfu s-siġar kollha;Għax il-ferħ fost in-nies inbidel f’mistħija.
13 Intom il-qassisin, ilbsu ħwejjeġ tal-ixkora u uru li intom imdejqin;*Intom li taqdu quddiem l-artal, ibku fuq li tibku.
Intom il-ministri tal-Alla tiegħi, idħlu u qattgħu l-lejl lebsin ħwejjeġ tal-ixkora;Għax ħadd m’għadu jġib iktar l-offerti taċ-ċereali u l-offerti tax-xorb fid-dar tal-Alla tagħkom.
14 Għidu lil kulħadd biex isum; agħmlu assemblea speċjali.
Sejħu lill-anzjani flimkien man-nies kollha tal-art,Biex jiġu fid-dar taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom, u itolbu lil Ġeħova għall-għajnuna.
15 Dak il-jum se jkun wieħed tal-biżaʼ!
Għax il-jum taʼ Ġeħova hu qrib.Dakinhar, Dak li Jistaʼ Kollox se jġib qerda!
16 L-ikel ittieħed minn quddiem għajnejna,U fid-dar tal-Alla tagħna m’għadx hemm ferħ u kuntentizza.
17 Iż-żrieragħ* tħassru taħt il-pali.
L-imħażen huma abbandunati.
Il-postijiet fejn jitfgħu ċ-ċereali ġew imwaqqgħin, għax iċ-ċereali nixfu.
18 Anki l-imrieħel qed jibku bid-dwejjaq!
Il-baqar qed iduru u jagħqdu mfixklin, għax m’hemmx ħaxix fejn qed jirgħaw.
U l-imrieħel tan-nagħaġ qed ibatu.
19 Ġeħova, jien lilek ngħajjat għall-għajnuna;Għax nar qered il-postijiet fejn jirgħaw l-annimali,U fjamma ħarqet is-siġar kollha.
20 Anki l-annimali slavaġ ifittxu lilek għall-għajnuna,Għax ix-xmajjar nixfu,U nar qered il-postijiet fejn jirgħaw l-annimali.”
Noti taʼ taħt
^ Ifisser “Ġeħova Hu Alla.”
^ Jew “tal-art.”
^ Letteralment “verġni.”
^ Jew “l-għarus.”
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Jiġifieri barley.
^ Jew “u ħabbtu fuq sidirkom.”
^ Jew forsi “It-tin niexef.”

