Ġeremija 21:1-14
21 Jien, Ġeremija, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova meta r-Re Sedekija bagħat għandi lil Pasħur bin Malkija u lill-qassis Sofonija bin Magħseja, u qaluli:
2 “Jekk jogħġbok, staqsi lil Ġeħova biex inkunu nafu x’se jiġri, għax ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja qed jiggwerra kontrina. Forsi Ġeħova jagħmel xi ħaġa tal-għaġeb għalina, ħalli b’hekk ir-re jitlaq minn hawn.”
3 Jien, Ġeremija, għedtilhom: “Hekk għandkom tgħidulu lil Sedekija,
4 ‘Ġeħova l-Alla t’Iżrael jgħid: “Jien se ndawwar kontrikom l-armi tal-gwerra li għandkom f’idejkom u li bihom qed tiġġieldu kontra r-re taʼ Babilonja u l-Kaldin li qegħdin barra s-sur li qed jassedjawkom. U se niġbor l-armi f’nofs din il-belt.
5 U jien stess se niġġieled kontrikom b’id b’saħħitha u b’qawwa kbira, u anki b’rabja u korla kbira.
6 Se nikkastiga lil dawk li joqogħdu f’din il-belt, kemm in-nies u kemm l-annimali. Huma se jmutu b’mard kiefer.”’*
7 “‘Ġeħova jgħid: “U wara dan, jien se nagħti lir-Re Sedekija taʼ Ġuda, il-qaddejja tiegħu, u l-poplu taʼ din il-belt, jiġifieri dawk li ma nqatlux bil-mard, ix-xabla, u l-ġuħ, f’idejn ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, f’idejn l-għedewwa tagħhom, u f’idejn dawk li qed jipprovaw joqtluhom. Hu se joqtolhom bix-xabla. Mhux se jiddispjaċih għalihom, la jitħassarhom u lanqas iħenn għalihom.”’
8 “U lil dan il-poplu għandek tgħidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Jien qed inpoġġi quddiemkom il-ħajja u l-mewt.
9 Dawk li jibqgħu f’din il-belt se jmutu bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard. Imma kull min joħroġ u jċedi ruħu lill-Kaldin li qegħdin jassedjawkom, se jibqaʼ ħaj u jsalva ħajtu.”’
10 “‘“Għax jien determinat li nġib diżastru* fuq din il-belt u mhux affarijiet tajbin,” jgħid Ġeħova. “Din se tingħata f’idejn ir-re taʼ Babilonja, u hu se jaħraqha.”
11 “‘Intom li tagħmlu parti mid-dar tar-re taʼ Ġuda, isimgħu dak li jgħid Ġeħova.
12 Dar taʼ David, hekk jgħid Ġeħova:
“Agħmlu l-ġustizzja kuljum,U eħilsu lil min qed jiġi misruq mill-imbroljuni,Ħalli r-rabja kbira tiegħi ma taqbadx bħan-nar,Bħan-nar li ħadd ma jistaʼ jitfihMinħabba l-affarijiet ħżiena li tagħmlu.”’
13 ‘Intom li toqogħdu fil-wied,*Intom in-nies li tgħixu fil-belt li qiegħda fuq blata tal-wita,Jien ġej kontrik,’ jgħid Ġeħova.
‘U intom li qed tgħidu: “Min se jinżel għalina?
Min se jiġi fejn ngħixu?”
14 Kunu afu, jien se nitlob kont minnkomBħalma ħaqqkom għal dak li għamiltu,’ jgħid Ġeħova.
‘Se nqabbad nar fil-foresta tagħkom,U dan se jġib fix-xejn l-affarijiet kollha taʼ madwarha.’”
Noti taʼ taħt
^ Jew “bʼpesta kbira.”
^ Jew “Għax jien dawwart wiċċi kontra din il-belt biex inġib diżastru.”
^ Jew “fil-pjanura l-baxxa.”

