Ġeremija 50:1-46
50 Il-kelma li Ġeħova qal dwar Babilonja,+ l-art tal-Kaldin,+ permezz tal-profeta Ġeremija:
2 “Għidu dan fost il-ġnus u xandruh.+ Għollu arblu bħala sinjal,+ u xandru. Taħbu xejn. Għidu, ‘Babilonja ntrebħet.+ Bel ġie mġiegħel jistħi.+ Merodak twerwer. Ix-xbihat tagħha ġew imġegħlin jistħu.+ Twerwru l-idoli tagħha moqżieża daqs id-demel.’
3 Għax ġie ġens kontriha mit-tramuntana.+ Għamlilha artha oġġett taʼ stagħġib, u b’hekk m’hemm ħadd li jgħammar fiha.+ Ħarab kulħadd, kemm il-bnedmin u kemm l-annimali domestiċi.+ Telqu ’l hemm.”+
4 “F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, “jiġu wlied Israel, huma u wlied Ġuda flimkien.+ Jimxu, u jibku huma u mexjin,+ u jfittxu lil Ġeħova Alla tagħhom.+
5 Jistaqsu għat-triq li tagħti għal Sijon, b’wiċċhom lejn dik id-direzzjoni,+ u jgħidu, ‘Ejjew ningħaqdu maʼ Ġeħova f’patt li jibqaʼ għal dejjem* u li ma jintesiex.’+
6 Il-poplu tiegħi sar bħal merħla nagħaġ li qed tgħib.+ Ir-rgħajja tagħhom ġegħluhom jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn.+ Irħewlhom jiġru fuq il-muntanji.+ Marru minn muntanja u għolja għal oħra. Insew il-post tagħhom fejn jistrieħu.+
7 Dawk kollha li sabuhom kiluhom,+ u l-avversarji tagħhom qalu,+ ‘M’aħniex ħatjin,+ għax huma dinbu kontra Ġeħova, li fih jgħammar is-sewwa,+ u kontra t-tama taʼ missirijiethom,+ Ġeħova.’”
8 “Aħarbu minn ġo nofs Babilonja, u itilqu ’l barra mill-art tal-Kaldin;+ kunu bħall-annimali f’ras il-merħla.+
9 Għax, ara, jien se nqajjem u ntellaʼ ġemgħa taʼ ġnus kbar kontra Babilonja mill-art tat-tramuntana,+ u dawn jitħejjew għal kontriha.+ Minn hemmhekk tinqabad.+ Il-vleġeġ tagħhom huma bħal dawk taʼ raġel setgħan li jċaħħad lill-ġenituri mill-ulied u li ma jerġax lura b’idu f’idu.+
10 Il-Kaldija ssir priża.+ U dawk kollha li jagħmluha l-priża tagħhom jissodisfaw ruħhom,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.
11 “Għax intom bqajtu tifirħu,+ għax intom bqajtu tithennew meta ħarbattu l-wirt tiegħi.+ Qgħadtu tħabbtu saqajkom fil-ħaxix tari bħal għoġla,+ u qgħadtu tiżhru bħaż-żwiemel.+
12 Ommkom tgħidx kemm stħat.+ Dik li wilditkom iddiżappuntat ruħha.+ Ara! Hi l-inqas importanti fost il-ġnus, xagħri bla ilma u pjanura fid-deżert.+
13 Ħadd ma jgħammar fiha minħabba r-rabja taʼ Ġeħova,+ u ssir art abbandunata kollha kemm hi.+ Kulmin jgħaddi minn ħdejn Babilonja jibqaʼ ċċassat u jsaffar bi stagħġib minħabba l-kastigi tagħha.+
14 “Ħejju ruħkom fuq kull naħa kontra Babilonja,+ intom li qed tħejju l-qaws.+ Sparawlha.+ Tħallux vleġġa waħda, għax hi kontra Ġeħova dinbet.+
15 Għajtu għajta tal-gwerra kontriha fuq kull naħa.+ Hi ċediet.+ Il-kolonni tagħha waqgħu. Is-swar tagħha ġġarrfu.+ Għax din hija l-vendetta taʼ Ġeħova.+ Ivvendikaw ruħkom minnha. Bħalma għamlet, agħmlulha.+
16 Eqirdu minn Babilonja lil min jiżraʼ,+ kif ukoll lil dak li juża l-minġel fi żmien il-ħsad. Minħabba s-sejf aħrax, kull wieħed minnhom idur lejn il-poplu tiegħu stess, u kull wieħed jaħrab lejn pajjiżu.+
17 “Israel hu nagħġa li ttieħdet xi mkien ieħor.+ L-iljuni ħaduh.+ L-ewwel belgħu s-sultan taʼ l-Assirja,+ u mbagħad mexmixlu għadmu Nebukadressar, is-sultan taʼ Babilonja.+
18 Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, ‘Ara! Se nitlob kont mis-sultan taʼ Babilonja u minn artu bħalma tlabt kont mis-sultan taʼ l-Assirja.+
19 U nġib lil Israel lura lejn il-mergħa tiegħu,+ u hu jirgħa fuq il-Karmel+ u fuq il-Basan;+ u fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm+ u taʼ Gilegħad+ ikun xebgħan.’”
20 “U f’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, “se jitfittex l-iżball taʼ Israel,+ imma ma jkunx iktar; kif ukoll id-dnubiet taʼ Ġuda,+ imma ma jinstabux, għax jien se naħfer lill-fdal li nħalli.”+
21 “Ejja kontra l-art taʼ Meratajm*+ u kontra l-abitanti taʼ Pekod.+ Ħa jiġu massakrati u dedikati għall-qerda,”* hija l-kelma taʼ Ġeħova, “u agħmlilhom skond dak kollu li kkmandajtek.+
22 Jinstemaʼ l-ħoss tal-gwerra fil-pajjiż, u tiġrif kbir.+
23 O kif inqasam u tkisser+ il-martell tal-forġa taʼ l-art kollha!+ O kif Babilonja saret oġġett taʼ stagħġib fost il-ġnus!+
24 Qegħedtlek nassa u nqbadt, O Babilonja, bla ma kont taf.+ Sabuk u qabduk, għax int ħadtha kontra Ġeħova.+
25 “Ġeħova fetaħ il-maħżen tiegħu, u ħareġ l-armi tal-kundanna tiegħu.+ Għax il-Mulej Sovran,+ Ġeħova taʼ l-armati, għandu biċċa xogħol fl-art tal-Kaldin.+
26 Ejjew fiha mill-iktar parti mbiegħda.+ Iftħu l-imħażen tagħha tal-qamħ.+ Agħmluha gozz, bħal dawk li jiġbru l-gzuz tal-qamħ,+ u ddedikawha għall-qerda.+ Ħa ma jibqaʼ ħadd fiha.+
27 Immassakraw il-barrin żgħar kollha tagħha.+ Ħa jmorru għall-qatla.+ Jaħasra għalihom, għax wasal il-jum tagħhom, iż-żmien li jiġu kastigati!+
28 “Jinstemaʼ l-ħoss taʼ dawk li qed jaħarbu u jitilqu mill-art taʼ Babilonja+ biex ixandru f’Sijon il-vendetta taʼ Ġeħova Alla tagħna,+ il-vendetta għat-tempju tiegħu.+
29 “Sejħu lill-arċieri biex jiġu kontra Babilonja, lil dawk kollha li qed iħejju l-qaws.+ Waqqfu l-kampijiet tagħkom dawramejt. Tħallu lil ħadd jaħrab.+ Ħallsuha taʼ l-azzjonijiet tagħha.+ Agħmlulha skond dak kollu li għamlet.+ Għax hi aġixxiet bil-prużunzjoni kontra Ġeħova, kontra l-Qaddis taʼ Israel.+
30 Għalhekk, dakinhar iż-żgħażagħ tagħha se jaqgħu fil-pjazez tagħha,+ u l-gwerriera kollha tagħha se jiġu msikktin,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.
31 “Ara! Jien kontrik,+ O Prużunzjoni,”+ hija l-kelma tal-Mulej Sovran,+ Ġeħova taʼ l-armati, “għax jumek għad jasal, iż-żmien meta nitlob kont minnek.
32 U Prużunzjoni żgur titfixkel u taqaʼ,+ u ħadd ma jqajjimha.+ U nqabbad nar fi blietha li jiblaʼ l-inħawi kollha tagħha.”+
33 Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati: “Ulied Israel u wlied Ġuda qed jinħaqru flimkien, u dawk kollha li ħaduhom fil-jasar qed iżommuhom.+ Ma jridux jitilquhom.+
34 Dak li xtrahom lura* hu b’saħħtu,+ għax ismu hu Ġeħova taʼ l-armati.+ Żgur se jmexxi l-kawża legali tagħhom,+ sabiex jagħti mistrieħ lil arthom+ u jqanqal taqlib fost l-abitanti taʼ Babilonja.”+
35 “Ġej sejf kontra l-Kaldin,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, “u kontra l-abitanti taʼ Babilonja+ u kontra l-prinċpijiet tagħha+ u kontra l-għorrief tagħha.+
36 Ġej sejf kontra dawk li jpaċpċu fil-vojt,+ u dawn se jaġixxu qishom boloh.+ Ġej sejf kontra l-irġiel setgħanin tagħha,+ u dawn se jitwerwru.+
37 Ġej sejf kontra ż-żwiemel tagħhom+ u kontra l-karrijiet tagħhom tal-gwerra u kontra l-kotra mħallta kollha li huma f’nofsha,+ u dawn isiru qishom nisa.+ Ġej sejf kontra t-teżori tagħha,+ u dawn jinsterqu.
38 L-ilmijiet tagħha jsiru ħerba, u jinxfu.+ Għax hi art taʼ xbihat minquxin,+ u minħabba l-viżjonijiet tal-biżaʼ qed jaġixxu bħal imġienen.
39 Għalhekk, l-annimali tad-deżert se jgħixu maʼ l-annimali li jnewħu, u fiha jgħammar in-ngħam;+ u ħadd qatt ma se jgħammar fiha, u minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni ma jkunx hemm iktar post għaliha.”+
40 “Bħal meta Alla qered lil Sodoma u Gomorra+ u l-bliet ġirien tagħha+ hekk jiġri f’dan il-każ,” hija l-kelma taʼ Ġeħova, “ebda bniedem ma jgħammar hemmhekk, u ħadd minn ulied il-bnedmin ma jgħix fiha bħala barrani.+
41 “Ara! Ġej poplu mit-tramuntana; ġens kbir+ u slaten grandjużi+ se jqumu mill-ibgħad partijiet taʼ l-art.+
42 Għandhom il-qaws u l-lanza*+ f’idejhom. Huma kattivi u bla ħniena.+ Il-ħoss li jagħmlu hu bħal taʼ baħar imqalleb,+ u jirkbu ż-żwiemel;+ imħejjijin bħal bniedem wieħed għall-gwerra kontrik, O bint Babilonja.+
43 “Is-sultan taʼ Babilonja semaʼ r-rapport dwarhom,+ u idejh intelqu.+ Għandu d-dwejjaq! Qabdu wġigħ kbir, bħal mara li qed tiled.+
44 “Ara! Xi ħadd se jitlaʼ bħal iljun mill-imsaġar folti taʼ mal-Ġordan u jmur lejn il-mergħa li se ddum għal żmien twil,+ u f’daqqa waħda nġegħelhom jabbandunawha.+ U naħtar fuqha lil dak li nagħżel jien.+ Għax min hu bħali,+ u min se jisfidani,+ u min, issa, hu r-ragħaj li jistaʼ jieqaf quddiemi?+
45 Għalhekk, isimgħu d-deċiżjoni+ li Ġeħova ħa kontra Babilonja,+ u l-ħsibijiet li ħaseb kontra l-art tal-Kaldin.+ Żgur li l-frieħ tal-merħla se jiġu mkaxkrin.+ Żgur li l-mergħa tagħhom se jagħmilha ħerba minħabba fihom.+
46 Mal-ħoss tal-ħtif taʼ Babilonja, l-art tibda titriegħed,+ u tinstemaʼ għajta fost il-ġnus.”+
Noti taʼ taħt
^ Ifisser “Ribelljoni Doppja”; jew, “Imrar Doppju.”
^ Jew, “Il-Feddej tagħhom.”
^ Letteralment, “ġavellott.”