Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 27

Imita l-Paċenzja taʼ Ġeħova

Imita l-Paċenzja taʼ Ġeħova

“Bis-​sabar tagħkom tiksbu ruħkom.”—LQ. 21:19.

GĦANJA 114 “Kunu paċenzjużi”

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Il-​kliem taʼ Ġeħova li nsibu f’​Isaija 65:16, 17 kif jinkuraġġina biex ma naqtgħux qalbna?

“TAQTAX QALBEK!” kienet it-​tema tal-​konvenzjoni reġjonali tal-​2017. Matul il-​konvenzjoni tgħallimna kif aħna nistgħu nissaportu l-​problemi tagħna. Għaddew erbaʼ snin u għadna qed nissaportu f’din id-​dinja mill-​agħar.

2 Liema problemi kellek tiffaċċja dan l-​aħħar? Tlift fil-​mewt lil xi ħadd minn tal-​familja jew xi ħabib? Għandek xi marda serja? Qed issib il-​ħajja diffiċli minħabba x-​xjuħija? Esperjenzajt xi diżastru naturali, vjolenza, jew persekuzzjoni? Jew qed tbati minħabba l-​pandemija tal-​COVID-​19 jew xi ħaġa simili? Kemm inħarsu ’l quddiem għal dak il-​jum meta se ninsew dawn il-​problemi kollha u ma nbatux iżjed!—Aqra Isaija 65:16, 17.

3. X’għandna bżonn nagħmlu issa, u għala?

3 Il-​ħajja f’din id-​dinja hi iebsa, u ’l quddiem jaf niffaċċjaw problemi iktar diffiċli. (Mt. 24:21) Għalhekk, irridu nibqgħu nitgħallmu kif nissaportu. Għala? Għax Ġesù qal: “Bis-​sabar tagħkom tiksbu ruħkom.” (Lq. 21:19) Se nkunu nistgħu nissaportu iktar meta naħsbu dwar dawk li qed jissaportu problemi simili għal tagħna.

4. Ġeħova għala hu l-​iktar wieħed paċenzjuż?

4 Min hu l-​aqwa eżempju tal-​paċenzja? Alla Ġeħova. Forsi m’għadditlekx minn moħħok, imma meta taħseb dwarha tistaʼ tifhem għala. Id-​dinja hi mimlija problemi għax qiegħda taħt il-​qawwa tax-​Xitan. Ġeħova għandu l-​qawwa biex itemm dawn il-​problemi kollha issa stess, imma hu qed jistenna biex jagħmel dan. (Rum. 9:22) U sakemm jasal dan il-​jum, hu se jibqaʼ jissaporti. Ejja naraw disaʼ affarijiet li Ġeħova qiegħed jissaporti.

ĠEĦOVA X’QIEGĦED JISSAPORTI?

5. Isem Alla kif ġie mmaqdar, u int kif tħossok dwar dan?

5 It-​tmaqdir fuq ismu. Għal Ġeħova, ismu hu importanti u hu jrid li kulħadd jirrispettah. (Is. 42:8) Imma għal dawn l-​aħħar sitt elef sena, ismu ġie mmaqdar. (Salm 74:10, 18, 23) L-​ewwel darba li ġara dan kien fil-​ġnien tal-​Għeden, meta x-​Xitan qal li Alla ma tax lil Adam u Eva xi ħaġa li kellhom bżonn biex ikunu ferħanin. (Ġen. 3:1-​5) Minn dakinhar, Ġeħova baqaʼ jiġi akkużat b’mod falz li hu mhux qed jagħti lill-​bnedmin dak li għandhom bżonn. Ġesù kien inkwetat minħabba li isem Missieru kien qed jiġi mmaqdar. Għalhekk, hu qal lid-​dixxipli tiegħu biex jitolbu: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek.”—Mt. 6:9.

6. Ġeħova għala ħalla ħafna żmien jgħaddi?

6 Nies li ma jaċċettawx lilu u t-​tmexxija tiegħu. Ġeħova biss għandu d-​dritt li jmexxi fis-​sema u fuq l-​art, u l-​mod kif imexxi huwa l-​aħjar. (Riv. 4:11) Imma x-​Xitan prova jqarraq bl-​anġli u l-​bnedmin billi ġegħelhom jaħsbu li Alla m’għandux dan id-​dritt. Kellu jgħaddi ħafna żmien biex l-​anġli u n-​nies jindunaw li Ġeħova għandu dritt li jmexxi u li hu l-​aqwa mexxej. Ġeħova hu għaref, u għalhekk ħalla lin-​nies jgħixu għal ħafna snin biex jindunaw li huma għandhom bżonn jobdu lilu biex ikollhom suċċess fil-​ħajja tagħhom. (Ġer. 10:23) Minħabba li Alla kien paċenzjuż, din il-​kwistjoni se tiġi solvuta darba għal dejjem. Kulħadd se jkun ċert li hu għandu d-​dritt li jmexxi fis-​sema u fuq l-​art u li l-​mod kif imexxi huwa l-​aqwa, u li s-​Saltna tiegħu biss se ġġib il-​paċi fuq l-​art.

7. Min ħadha kontra Ġeħova, u hu x’se jagħmlilhom?

7 Ir-​ribelljoni taʼ wħud mit-​tfal tiegħu. Ġeħova ħalaq lill-​anġli u lill-​ewwel koppja umana perfetti. Imma mbagħad, wieħed mill-​anġli, Satana, irribella u dawwar lil Adam u Eva kontra Ġeħova. Anġli u nies oħrajn ingħaqdu magħhom u ħaduha kontra Ġeħova wkoll. (Ġuda 6) Iktar tard, anki wħud min-​nazzjon taʼ Iżrael, il-​poplu li Alla kien għażel, warrbuh u bdew jaqdu allat foloz. (Is. 63:8, 10) Ġeħova ħassu tradut, imma hu ssaporta u għadu qed jissaporti sakemm jasal il-​waqt biex jeqred lil dawk kollha li ħaduha kontrih. Imbagħad, Ġeħova u l-​qaddejja leali tiegħu se jkunu ferħanin għax mhux se jkollhom jibqgħu jissaportu l-​ħażen li hawn f’din id-​dinja mill-​agħar!

8-9. X’gideb qed jintqal dwar Ġeħova, u aħna x’nistgħu nagħmlu?

8 Il-​gideb tax-​Xitan. Satana akkuża lil Ġob u lill-​qaddejja leali taʼ Ġeħova li huma jaqduh mhux għax iħobbuh, imma għax għandhom bżonnu. (Ġob 1:8-​11; 2:3-​5) Ix-​Xitan għadu qed jakkuża lill-​qaddejja taʼ Ġeħova sal-​lum. (Riv. 12:10) Aħna nistgħu nuru li Satana hu giddieb billi nibqgħu nissaportu l-​provi tagħna u nibqgħu leali lejn Ġeħova. Ġeħova ppremja lil Ġob, u jekk nibqgħu nissaportu se jippremja lilna wkoll.—Ġak. 5:11.

9 Satana juża lill-​mexxejja tar-​reliġjonijiet foloz biex ipinġi lil Alla kattiv u biex iġiegħel lin-​nies jaħsbu li Hu responsabbli għat-​tbatija tagħhom. Xi wħud jaslu biex jgħidu li meta jmutu t-​tfal, Alla jkun ħadhom għax ikollu bżonn iżjed anġli fis-​sema. Din hi xi ħaġa li vera ġġib tmaqdir fuq Alla! Imma aħna nafu li Ġeħova hu Missier taʼ mħabba. Meta nkunu morda serjament jew xi ħadd li nħobbu jmut, aħna qatt ma nwaħħlu f’Alla. Anzi, aħna nemmnu li Alla se jfejjaq lill-​morda kollha u jirxoxta lill-​mejtin. Ukoll ngħidu lil dawk kollha li lesti li jisimgħu li Ġeħova hu Alla taʼ mħabba. Meta nagħmlu dan, Ġeħova jkun jistaʼ jwieġeb lil dak li qed jgħajru.—Prov. 27:11.

10. Salm 22:23, 24 x’jurina dwar Ġeħova?

10 It-​tbatija li qed jgħaddu minnha l-​qaddejja tiegħu li tant iħobb. Ġeħova jħoss għalina. Hu jħossu mdejjaq ħafna meta jarana nbatu forsi minħabba l-​persekuzzjoni, il-​mard, jew l-​imperfezzjonijiet tagħna. (Aqra Salm 22:23, 24.) Ġeħova jifhem it-​tbatija tagħna u jixtieq iwaqqafha, u hekk se jagħmel. (Qabbel Eżodu 3:7, 8; Isaija 63:9.) Dan se jseħħ meta hu ‘jixxottalna kull demgħa minn għajnejna, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajjat u lanqas uġigħ.’—Riv. 21:4.

11. Ġeħova kif iħossu dwar il-​qaddejja leali tiegħu li mietu?

11 Il-​firda mill-​ħbieb tiegħu li mietu. Ġeħova kif iħossu dwar dawk l-​irġiel u n-​nisa leali li mietu? Hu vera jixtieq li jerġaʼ jarahom! (Ġob 14:15) Tistaʼ timmaġina kemm Ġeħova jimmissja lill-​ħabib tiegħu Abraham? (Ġak. 2:23) Jew lil Mosè, li kien ikellmu “wiċċ imbwiċċ”? (Eżo. 33:11) U min jaf kemm iħares ’il quddiem biex jismaʼ lil David u lil salmisti oħrajn ikantaw għanjiet sbieħ biex ifaħħruh! (Salm 104:33) Minkejja li dawn il-​ħbieb taʼ Ġeħova reqdin fil-​mewt, hu ma nesihomx. (Is. 49:15) Hu jiftakar kull dettall dwar il-​personalità tagħhom. Il-​Bibbja tgħidilna li għalih “kollha ħajjin.” (Lq. 20:38) Fil-​futur, hu se jirxoxtahom mill-​mewt. Għal darb’oħra, hu se jismaʼ t-​talb mill-​qalb tagħhom u jieħu pjaċir jarahom jaqduh. Mhuwiex dan il-​ħsieb inkuraġġanti jekk tlift lil xi ħadd li tħobb fil-​mewt?

12. F’dawn l-​aħħar jiem x’qed iġiegħel lil Ġeħova jħossu mdejjaq ħafna?

12 It-​tbatija li qed jikkaġunaw in-​nies mill-​agħar. Wara dak li ġara fil-​ġnien tal-​Għeden, Ġeħova kien jaf li l-​affarijiet kienu se jmorru għall-​agħar. Hu jobgħod il-​ħażen, l-​inġustizzja, u l-​vjolenza li hawn fid-​dinja llum. Hu minn dejjem kien jimpurtah ħafna minn dawk li ma jkollhomx min jaqbeż għalihom, bħal pereżempju t-​tfal bla ġenituri u n-​nisa romol. (Żak. 7:9, 10) Ġeħova jħossu mdejjaq meta l-​qaddejja leali tiegħu ma jkunux trattati sewwa u jispiċċaw il-​ħabs. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jħobb lil dawk kollha li qed jissaportu miegħu.

13. In-​nies x’qegħdin jagħmlu ħażin, u Alla x’se jagħmel?

13 L-​imġiba sesswali ħażina tan-​nies. In-​nies kienu maħluqin biex jimitaw lil Alla, imma Satana jieħu pjaċir iġegħelhom jagħmlu affarijiet ħżiena ħafna. Meta fi żmien Noè, “Ġeħova ra li l-​ħażen tal-​bniedem kien kotran,” hu “ddispjaċieh li kien għamel il-​bnedmin fuq l-​art, u ħassu mweġġaʼ f’qalbu.” (Ġen. 6:5, 6, 11) Minn dak iż-​żmien ’l hawn, id-​dinja marret għall-​aħjar? Dażgur li le! Min jaf kemm hu kuntent ix-​Xitan minħabba li l-​immoralità sesswali saret iktar komuni. Din tinkludi immoralità sesswali bejn raġel u mara, u bejn tnejn tal-​istess sess. (Efes. 4:18, 19) Meta xi ħadd li jaqdi lil Ġeħova jagħmel dnub serju, Satana jieħu pjaċir ħafna. Imma Ġeħova mhux se jibqaʼ jissaporti għal dejjem. Hu se jieħu azzjoni. Imbagħad se juri li hu jobgħod din l-​imġiba sesswali ħażina billi jeqred lin-​nies li qed jirrifjutaw li jinbidlu.

14. Il-​bniedem x’qed jagħmel lid-​dinja?

14 Il-​ħsara li qed jagħmel il-​bniedem lid-​dinja. Il-​bniedem mhux biss “iddomina lill-​bniedem bi ħsara għalih,” imma wkoll ma ħax ħsieb l-​art u l-​annimali li Ġeħova tah. (Ekk. 8:9; Ġen. 1:28) Xi esperti jgħidu li minħabba dak li qed jagħmel il-​bniedem, madwar miljun tip taʼ annimal u pjanta differenti se jinqerdu għalkollox fi ftit snin oħra. Huwa faċli biex nifhmu għala n-​nies huma inkwetati dwar l-​ambjent. Imma Ġeħova wegħedna li se ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-​art’ u se jbiddel l-​art f’ġenna.—Riv. 11:18; Is. 35:1.

X’NITGĦALLMU MILL-​PAĊENZJA TAʼ ĠEĦOVA

15-16. X’jgħinna biex nissaportu bħal Ġeħova? Agħti eżempju.

15 Aħseb dwar il-​problemi kollha li Missierna tas-​sema kellu jissaporti għal eluf taʼ snin. (Ara l-​kaxxa “ Ġeħova X’Qed Jissaporti?”) Xħin irid, Ġeħova jistaʼ jeqred il-​ħażen kollu li hawn bħalissa. Imma l-​paċenzja tiegħu għenitna ħafna lilna! Aħseb dwar dan l-​eżempju. Professur jgħid lil koppja li t-​tarbija li qed jistennew għandha problemi serji u li meta titwieled se jinqalgħulha l-​komplikazzjonijiet. Ħajjitha mhux se tkun faċli u mhux se jkollha ħajja twila. Minkejja li mhux se jkun faċli għall-​ġenituri, huma xorta jagħmlu l-​almu tagħhom biex jieħdu ħsieb it-​tarbija. Minħabba l-​imħabba tagħhom, huma jibqgħu jissaportu u jagħmlu dak kollu li jistgħu biex it-​tifel jew it-​tifla tagħhom tgħix l-​aħjar ħajja possibbli.

16 B’mod simili, it-​tfal kollha t’Adam u Eva jitwieldu imperfetti. Imma Ġeħova xorta jħobbhom u jieħu ħsiebhom. (1 Ġw. 4:19) U d-​differenza bejn Ġeħova u l-​ġenituri li semmejna fl-​eżempju hi li hu għandu l-​qawwa biex itemm it-​tbatija li qed jgħaddu minnha t-​tfal tiegħu. Hu għażel ġurnata meta se jtemm it-​tbatija kollha li hawn. (Mt. 24:36) M’għandhiex din l-​imħabba tgħinna nissaportu miegħu sakemm ikun hemm bżonn?

17. Il-​kliem dwar Ġesù li nsibu f’​Ebrej 12:2, 3 kif jinkuraġġina biex nibqgħu nissaportu?

17 Ġeħova hu l-​iktar wieħed li ilu jissaporti, u hu l-​aqwa eżempju għalina. Ġesù rnexxielu jimita l-​paċenzja taʼ Missieru. Meta Ġesù kien fuq l-​art, in-​nies għajruh, waqqgħuh għaċ-​ċajt, u hu ssaporta z-​zokk tat-​tortura. (Aqra Ebrej 12:2, 3.) Bla dubju, l-​eżempju taʼ Ġeħova inkuraġġixxa lil Ġesù biex jibqaʼ jissaporti, u dan jistaʼ jsaħħaħ lilna wkoll.

18. Skont it-​2 Pietru 3:9, x’ġara minħabba li Ġeħova kien paċenzjuż?

18 Aqra t-​2 Pietru 3:9. Ġeħova jaf meta hu l-​waqt biex jeqred din is-​sistema ħażina. Minħabba l-​paċenzja tiegħu, ħafna nies kellhom l-​opportunità li jsiru jafuh. U llum, folla kbira taʼ miljuni taʼ nies qegħdin jaqduh. Huma ferħanin li Ġeħova kien paċenzjuż u tahom iċ-​ċans li jsiru jafuh u jħobbuh u jiddedikaw ħajjithom lilu. U iktar ’il quddiem, meta miljuni taʼ nies se jiġu salvati għax ikunu baqgħu jissaportu sal-​aħħar se juri li Ġeħova kellu raġun jibqaʼ jissaporti!

19. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu, u x’se jkun il-​premju tagħna?

19 Minn Ġeħova nitgħallmu kif nistgħu nibqgħu nissaportu bil-​ferħ. Minkejja l-​uġigħ u t-​tbatija li Satana kkaġuna, Ġeħova jibqaʼ “l-​Alla l-​hieni.” (1 Tim. 1:11) Aħna wkoll nistgħu nibqgħu ferħanin bħalu waqt li bil-​paċenzja nistennewh biex iqaddes ismu, jagħti prova li għandu dritt imexxi, jeqred il-​ħażen kollu, u jneħħi l-​problemi kollha. Ejja nkunu determinati li nibqgħu nissaportu u ma naqtgħux qalbna għax nafu li Missierna tas-​sema qed jissaporti wkoll. Jekk nagħmlu hekk se naraw kemm hu veru dan il-​kliem: “Hieni l-​bniedem li jibqaʼ jissaporti l-​provi, għaliex meta jiġi approvat jirċievi l-​kuruna tal-​ħajja, li Ġeħova wiegħed lil dawk li jibqgħu jħobbuh.”—Ġak. 1:12.

GĦANJA 139 Immaġinak meta kollox ikun ġdid

^ par. 5 Ilkoll kemm aħna qed niffaċċjaw il-​problemi, u bħalissa ħafna minnhom ma nistgħux insolvuhom. Għalhekk, irridu nibqgħu nissaportu. Imma mhux aħna biss qegħdin nissaportu. Ġeħova wkoll qed jissaporti ħafna affarijiet. F’dan l-​artiklu se naraw disgħa minnhom. Se naraw ukoll x’affarijiet tajbin li ġraw minħabba li Ġeħova baqaʼ jissaporti u x’nistgħu nitgħallmu.