Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 26

Tistaʼ Tgħallem lin-Nies Isiru Dixxipli?

Tistaʼ Tgħallem lin-Nies Isiru Dixxipli?

“Alla hu dak li . . . jaħdem fikom kemm biex ikollkom ir-​rieda u kemm biex taġixxu.”—FLP. 2:13.

GĦANJA 64 Bil-​ferħ nieħdu sehem fil-​ħsad

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġeħova x’għamel għalik?

INT kif sirt taf bil-​verità? Forsi l-​ewwel darba li smajt “l-​aħbar tajba” kien mingħand il-​ġenituri tiegħek, mingħand xi ħadd fuq il-​post tax-​xogħol jew l-​iskola, jew meta x-​Xhieda ġew iħabbtulek id-​dar. (Mk. 13:10) Imbagħad, xi ħadd għamel sforz u qattaʼ ħafna ħin jistudja l-​Bibbja miegħek. Matul l-​istudju, int sirt tħobb lil Ġeħova u tgħallimt li hu jħobbok ukoll. Ġeħova ġibdek lejn il-​verità u issa minħabba li int dixxiplu taʼ Ġesù Kristu, għandek l-​opportunità li tgħix għal dejjem. (Ġw. 6:44) Bla dubju, int tapprezza li Ġeħova uża lil xi ħadd biex jgħallmek il-​verità u li issa sirt wieħed mill-​qaddejja tiegħu.

2. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

2 Issa li nafu l-​verità, għandna l-​opportunità li ngħinu lil oħrajn jingħaqdu magħna biex jgħixu għal dejjem. Jistaʼ jkun faċli għalik biex tipprietka lin-​nies, imma taf issibha diffiċli biex toffri jew tikkonduċi studju tal-​Bibbja. Jekk tħossok hekk, f’dan l-​artiklu se niddiskutu xi suġġerimenti li se ssibhom t’għajnuna. Se niddiskutu wkoll għala nkunu rridu nagħmlu dixxipli. U se naraw kif nistgħu negħlbu sfidi li jaf qed iżommuna lura milli nikkonduċu studju tal-​Bibbja. Imma l-​ewwel, ejja naraw għala m’għandniex biss nippritkaw imma nkunu għalliema tal-​aħbar tajba wkoll.

ĠESÙ KKMANDANA BIEX NIPPRITKAW U NGĦALLMU

3. Aħna għala nippritkaw?

3 Meta Ġesù kien fuq l-​art lid-​dixxipli tiegħu tahom xogħol li kien jirrikjedi żewġ affarijiet. L-​ewwel, Ġesù mhux biss qalilhom li għandhom jippritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna imma anki wriehom kif. (Mt. 10:7; Lq. 8:1) Pereżempju, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu x’għandhom jagħmlu meta n-​nies jisimgħu l-​aħbar tajba u meta ma jaċċettawx il-​messaġġ. (Lq. 9:2-​5) Hu spjega wkoll li d-​dixxipli tiegħu kienu se jagħtu “xiehda lill-​ġnus kollha.” (Mt. 24:14; Atti 1:8) Sew jekk in-​nies kienu se jaċċettaw il-​messaġġ tas-​Saltna u sew jekk le, Ġesù kkmanda lid-​dixxipli tiegħu biex jippritkaw dwar is-​Saltna u dak li se twettaq.

4. Skont Mattew 28:18-​20, minbarra li nippritkaw x’għandna nagħmlu?

4 X’kienet it-​tieni ħaġa li Ġesù kkmanda lid-​dixxipli tiegħu biex jagħmlu? Hu qal lid-​dixxipli tiegħu biex jgħallmu lin-​nies jobdu l-​affarijiet li hu kkmanda. Xi nies forsi jgħidu li l-​kmand li ta Ġesù dwar l-​ippritkar u t-​tagħlim kien biss għall-​Kristjani tal-​bidu. Imma dan mhux vera għax Ġesù qal li dan ix-​xogħol importanti kellu jibqaʼ jsir “sal-​konklużjoni tas-​sistema.” (Aqra Mattew 28:18-​20.) X’aktarx, Ġesù ta dan il-​kmand meta deher lil iktar minn 500 dixxiplu. (1 Kor. 15:6) U fil-​viżjoni li ta lil Ġwanni, hu wera biċ-​ċar li d-​dixxipli tiegħu kollha kellhom jgħinu lil oħrajn isiru jafu dwar Ġeħova.—Riv. 22:17.

5. Skont l-​1 Korintin 3:6-​9, Pawlu x’eżempju ġab biex jurina li l-​ippritkar u t-​tagħlim imorru flimkien?

5 L-​appostlu Pawlu qabbel ix-​xogħol tat-​tagħlim mat-​tkabbir tal-​pjanti. Dan jurina li aħna rridu nagħmlu iktar milli niżirgħu ż-​żerriegħa. Hu fakkar lill-​aħwa f’Korintu: “Jien ħawwilt, Apollo saqqa . . . Intom l-​għalqa t’Alla li qed tiġi kultivata.” (Aqra l-​1 Korintin 3:6-​9.) Bħala ħaddiema “fl-​għalqa t’Alla” aħna niżirgħu ż-​żerriegħa meta nippritkaw u nsaqqu meta ngħallmu. (Ġw. 4:35) Imma aħna nafu li Alla jkabbar iż-​żerriegħa, jiġifieri, jiġbed in-​nies lejh.

6. Meta ngħallmu lin-​nies, xi rridu ngħinuhom jagħmlu?

6 Aħna qegħdin infittxu lil dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem.” (Atti 13:48) Biex ngħinu lil dawn l-​uħud isiru dixxipli, irridu ngħinuhom (1) jifhmu, (2) jemmnu, u (3) japplikaw l-​affarijiet li jitgħallmu mill-​Bibbja. (Ġw. 17:3; Kol. 2:6, 7; 1 Tess. 2:13) Fil-​kongregazzjoni lkoll kemm aħna nistgħu ngħinu lill-​istudenti tal-​Bibbja billi nuruhom l-​imħabba u ngħinuhom iħossuhom komdi meta jattendu l-​laqgħat. (Ġw. 13:35) L-​għalliem li jkun qed jikkonduċi l-​istudju jaf ikollu jqattaʼ ħafna ħin biex jgħin lill-​istudent ‘iwaqqaʼ affarijiet li jkunu stabbiliti fis-​sod,’ jiġifieri, jaqtaʼ drawwiet reliġjużi u vizzji ħżiena. (2 Kor. 10:4, 5) Jistaʼ jkun li jgħaddu x-​xhur biex tgħin lil xi ħadd jagħmel dawn il-​bidliet fil-​ħajja tiegħu u jikkwalifika għall-​magħmudija. Imma bla dubju l-​isforz li tagħmel huwa worth it.

L-​IMĦABBA ĠĠEGĦELNA NAGĦMLU DIXXIPLI

7. Għala nippritkaw lin-​nies u ngħallmuhom l-​aħbar tajba?

7 Għala nippritkaw lin-​nies u ngħallmuhom biex isiru dixxipli? L-​ewwel, għax meta nagħmlu l-​almu tagħna biex nippritkaw u ngħallmu, nuru li nħobbu lil Ġeħova. (1 Ġw. 5:3) Aħseb ftit dwar dan: L-​imħabba għal Ġeħova ġegħlitek tibda tipprietka minn dar għal dar. Kien faċli għalik? X’aktarx li le. Meta mort tipprietka l-​ewwel darba ħassejtek eċitat? Żgur li kont eċitat! Imma għax kont taf li dan huwa x-​xogħol li tak Ġesù, int obdejtu. U iktar ma bdejt tipprietka, x’aktarx li sar iktar faċli għalik. Imma kif tħossok kieku jkollok tikkonduċi studju tal-​Bibbja? Tibżaʼ? Forsi iva. Imma jekk titlob lil Ġeħova u tgħidlu biex jgħinek tkun kuraġġuż u toffri studju tal-​Bibbja, hu jistaʼ jgħinek tkun trid tgħallem lil xi ħadd.

8. Skont Marku 6:34, x’se jġegħelna wkoll inkunu rridu ngħallmu lin-​nies?

8 It-​tieni, l-​imħabba għan-​nies iġġegħelna ngħallmuhom il-​verità. Pereżempju, darba waħda Ġesù u d-​dixxipli tiegħu kienu għajjenin ħafna minħabba li kienu ilhom jippritkaw. Huma kienu qed ifittxu post biex jistrieħu imma folla kbira sabithom. Ġesù tħassarhom u “beda jgħallimhom ħafna affarijiet.” (Aqra Marku 6:34.) Minkejja li kien għajjien hu ħadem iebes. Għala? Għax Ġesù kien jaf kif kienu qed iħossuhom in-​nies, u hu ried jgħinhom għax kienu qed ibatu u kellhom bżonn l-​għajnuna. Illum, in-​nies qegħdin fl-​istess sitwazzjoni. Minkejja li forsi jidhru ferħanin u sodisfatti bil-​ħajja tagħhom, huma qishom nagħaġ mitlufin u mingħajr ragħaj. Pawlu qal li nies bħal dawn ma jafux lil Alla u m’għandhomx tama. (Efes. 2:12) Huma qegħdin “fit-​triq li tieħu għall-​qerda”! (Mt. 7:13) Meta naħsbu kemm in-​nies għandhom bżonn ikunu jafu lil Alla, se nitħassruhom u l-​imħabba se ġġegħelna nkunu rridu ngħinuhom. U l-​aħjar mod kif nistgħu ngħinuhom hu billi noffru li nistudjaw il-​Bibbja magħhom.

9. Skont Filippin 2:13, Ġeħova kif jistaʼ jgħinek?

9 Forsi tibżaʼ toffri studju tal-​Bibbja għax taf li se jkollok bżonn ħafna ħin biex tipprepara u tagħmel l-​istudju. Jekk tħossok hekk, tkellem maʼ Ġeħova. Itolbu jgħinek biex ikollok ix-​xewqa tagħmel studju maʼ xi ħadd. (Aqra Filippin 2:13.) L-​appostlu Ġwanni qalilna li Ġeħova jwieġeb it-​talb li jkun fi qbil mar-​rieda tiegħu. (1 Ġw. 5:14, 15) Mela tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jgħinek tkun trid tgħallem lin-​nies.

KIF NISTGĦU NEGĦLBU SFIDI OĦRAJN

10-11. Għala jaf inżommu lura milli nikkonduċu studju tal-​Bibbja?

10 Aħna nafu li huwa importanti li ngħallmu imma jistaʼ jkun diffiċli biex nagħmlu kemm nixtiequ f’dan ix-​xogħol tat-​tagħlim. Ejja naraw x’jistgħu jkunu wħud mill-​isfidi u x’nistgħu nagħmlu biex negħlbuhom.

11 Jistaʼ jkun li ma nistgħux nagħmlu daqs kemm nixtiequ. Pereżempju, ħafna minna qegħdin nikbru jew għandna saħħa batuta. Inti qed tħossok hekk? Jekk iva, ikkunsidra waħda mil-​lezzjonijiet li tgħallimna mill-​pandemija tal-​COVID-​19. Matul dan iż-​żmien tgħallimna li nistgħu nikkonduċu studji tal-​Bibbja billi nużaw it-​telefon jew affarijiet elettroniċi oħra. Għalhekk, int tistaʼ tibda studju waqt li qiegħed fil-​kumdità taʼ darek u dan jistaʼ jkun iktar faċli għalik. Imma hemm vantaġġ ieħor. Xi nies iridu jistudjaw il-​Bibbja imma ma jkunux jistgħu fil-​ħin li l-​aħwa jkunu fil-​ministeru. Huma forsi jkunu jistgħu kmieni filgħodu jew tard filgħaxija. Tistaʼ tikkonduċi studju tal-​Bibbja f’dan il-​ħin? Ġesù għallem lil Nikodemu billejl għax Nikodemu hekk xtaq.—Ġw. 3:1, 2.

12. X’raġunijiet għandna biex inkunu fiduċjużi li aħna nistgħu ngħallmu?

12 Jistaʼ jkun inħossuna li m’aħniex kapaċi nikkonduċu studju tal-​Bibbja. Forsi nħossu li rridu nkunu nafu aktar dwar il-​Bibbja jew li għandna nkunu għalliema aħjar biex nistudjaw maʼ xi ħadd. Jekk tħossok hekk, ikkunsidra tliet affarijiet li jistgħu jinkuraġġuk. L-​ewwel, għal Ġeħova int tikkwalifika biex tgħallem lil oħrajn. (2 Kor. 3:5) It-​tieni, Ġesù, li għandu “kull awtorità fis-​sema u fuq l-​art,” ikkmandak biex tgħallem. (Mt. 28:18) U t-​tielet, int tistaʼ tistrieħ fuq oħrajn għall-​għajnuna. Ġesù qal dak li għallmu Missieru u int tistaʼ tagħmel l-​istess. (Ġw. 8:28; 12:49) Barra minn hekk, int tistaʼ titlob l-​għajnuna mingħand l-​indokratur tal-​grupp tiegħek, pijunier, jew pubblikatur tal-​esperjenza biex jgħinek tikkonduċi studju tal-​Bibbja. Mod wieħed kif tistaʼ ssir għalliem aħjar hu billi tmur magħhom meta jkollhom studju tal-​Bibbja.

13. Għala għandna nkunu lesti li ngħallmu b’modi differenti?

13 Jistaʼ jkun li nsibuha diffiċli biex nużaw għodda u metodi ġodda. Il-​mod kif nikkonduċu studju tal-​Bibbja issa nbidel. Biex nużaw il-​ktieb il-​ġdid, Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!, irridu nippreparaw għall-​istudju u nikkonduċu l-​istudju b’mod differenti. Issa rridu naqraw inqas paragrafi imma rridu nitkellmu iktar mal-​istudent. Meta ngħallmu, nużaw aktar vidjows u għodod oħra, bħal JW Library®. Jekk ma tafx kif tuża din l-​għodda, tkellem maʼ xi ħadd li jistaʼ jgħinek titgħallem. Spiss, aħna nieħdu pjaċir nagħmlu l-​affarijiet kif inkunu mdorrijin nagħmluhom. Allura, mhux faċli għalina biex naddattaw għal modi ġodda. Imma bl-​għajnuna taʼ Ġeħova u tal-​aħwa, inti se ssibha aktar faċli biex taddatta u tieħu pjaċir aktar tistudja l-​Bibbja man-​nies. Bħalma qal pijunier, dan il-​metodu huwa “sabiħ għall-​istudent u anki għall-​għalliem.”

14. Xi rridu nagħmlu jekk fit-​territorju tagħna diffiċli biex nibdew studju, u l-​1 Korintin 3:6, 7 kif jinkuraġġina?

14 Jistaʼ jkun li fit-​territorju tiegħek diffiċli tibda studju tal-​Bibbja. Xi nies ma jinteressahomx mill-​messaġġ tagħna jew saħansitra jiħduha kontrina. X’jistaʼ jgħinna biex ma nħossuniex skuraġġiti? Ftakar li ċ-​ċirkustanzi tan-​nies jistgħu jinbidlu f’din id-​dinja mimlija problemi, u dawk li xi darba ma kinux interessati, jistgħu jindunaw li għandhom bżonn lil Alla fil-​ħajja tagħhom. (Mt. 5:3) Xi wħud li qabel ma kinux jaċċettaw il-​letteratura tagħna, iktar tard bdew jistudjaw il-​Bibbja. Barra minn hekk, aħna nafu li Ġeħova hu Sid il-​ħsad. (Mt. 9:38) Ġeħova jridna nkomplu niżirgħu u nsaqqu, imma hu jieħu ħsieb li jkabbar. (1 Kor. 3:6, 7) U kemm hu inkuraġġanti meta niftakru li, anke jekk bħalissa ma nistgħux nikkonduċu studju tal-​Bibbja, Ġeħova se jippremjana għax qed naħdmu iebes biex ngħinu lin-​nies! *

GAWDI L-​FERĦ LI JIĠI META TAGĦMEL DIXXIPLI

Ara kif ix-​xogħol tal-​ippritkar u t-​tagħlim jistaʼ jgħin lin-​nies (Ara paragrafi 15-​17) *

15. Ġeħova kif iħossu meta xi ħadd jaċċetta studju tal-​Bibbja u jibda japplika dak li jkun qed jitgħallem?

15 Ġeħova jieħu pjaċir meta persuna taċċetta l-​veritajiet tal-​Bibbja u taqsamhom m’oħrajn. (Prov. 23:15, 16) Min jaf kemm iħossu kuntent Ġeħova meta jara l-​qaddejja tiegħu jippritkaw u jgħallmu b’żelu! Pereżempju, minkejja l-​pandemija globali fis-​sena taʼ servizz tal-​2020, saru 7,705,765 studju tal-​Bibbja li għenu lil 241,994 persuna jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova u jitgħammdu. U dawn id-​dixxipli ġodda se jikkonduċu studji tal-​Bibbja u jagħmlu aktar dixxipli. (Lq. 6:40) Nistgħu nkunu ċerti li aħna nferrħu lil Ġeħova meta ngħinu lil oħrajn isiru dixxipli.

16. X’mira tistaʼ tagħmel?

16 Li nagħmlu dixxipli mhuwiex xogħol faċli, imma bl-​għajnuna taʼ Ġeħova nistgħu ngħallmu lil oħrajn iħobbu lil Missierna tas-​sema. Tistaʼ tagħmilha mira li tibda studju tal-​Bibbja maʼ xi ħadd? Meta lil dawk li niltaqgħu magħhom nistaqsuhom jekk iridux jistudjaw il-​Bibbja, nistgħu nibqgħu sorpriżi bir-​reazzjoni tagħhom. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jbierek l-​isforzi tagħna.

17. Kif se nħossuna jekk jirnexxilna nikkonduċu studju tal-​Bibbja?

17 Kemm hu privileġġ sabiħ li nistgħu nippritkaw u ngħallmu l-​verità lil oħrajn! Dan ix-​xogħol vera jagħmilna ferħanin. L-​appostlu Pawlu li għen lil ħafna nies f’Tessalonika jsiru dixxipli, qal hekk: “X’inhi t-​tama jew il-​ferħ jew il-​kuruna taʼ l-​hena tagħna—ara, mhux fil-​fatt intom?—quddiem il-​Mulej tagħna Ġesù fil-​preżenza tiegħu? Żgur li intom il-​glorja u l-​ferħ tagħna.” (1 Tess. 2:19, 20; Atti 17:1-​4) Ħafna aħwa llum iħossuhom bl-​istess mod. Oħt jisimha Stéphanie, li flimkien mar-​raġel tagħha għenet lil ħafna jaslu għall-​magħmudija tgħid, “M’hemmx ferħ ikbar milli tgħin lin-​nies jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova.”

GĦANJA 57 Nippritkaw lil kull xorta taʼ bnedmin

^ par. 5 Ġeħova mhux biss tana l-​privileġġ li nippritkaw imma wkoll li ngħallmu lil oħrajn jobdu l-​affarijiet li Ġesù kkmandana. Xi jġegħelna nkunu rridu ngħallmu lil oħrajn? Xi sfidi niffaċċjaw meta nippritkaw u ngħallmu lin-​nies biex isiru dixxipli? U kif nistgħu negħlbuhom? F’dan l-​artiklu se nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet.

^ par. 14 Biex titgħallem aktar kif tagħmel dixxipli ara l-​artiklu “Il-​Kongregazzjoni Kollha Tistaʼ Tgħin Student Jasal għall-​Magħmudija,” f’It-​Torri tal-​Għassa taʼ Marzu 2021.

^ par. 53 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Ara kif studju tal-​Bibbja jistaʼ jbiddel il-​ħajja taʼ persuna: Għall-​ewwel, ir-​raġel m’għandux skop fil-​ħajja tiegħu u ma jafx lil Ġeħova. Imbagħad ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jiltaqgħu miegħu waqt li jkunu qed jippritkaw u hu jaċċetta studju tal-​Bibbja. Dak li tgħallem għenu biex jiddedika ħajtu lil Ġeħova u jitgħammed. Maż-​żmien, anke hu għen lil oħrajn biex isiru dixxipli. Fl-​aħħar, huma kollha qed igawdu l-​ħajja fil-​Ġenna tal-​art.