Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għandhom jużaw websites tad-​dating biex isibu lil xi ħadd għaż-​żwieġ?

Bla dubju Ġeħova jixtieq li meta raġel u mara jiżżewġu, ikunu kuntenti, u jibqgħu flimkien għal dejjem. (Mt. 19:4-​6) Jekk tixtieq tiżżewweġ kif tistaʼ ssib lil xi ħadd? Ġeħova huwa l-​Ħallieq tagħna. Għalhekk hu jaf xi rridu nagħmlu biex inkunu ferħanin fiż-​żwieġ tagħna. Mela jekk tapplika l-​prinċipji tal-​Bibbja se tkun ferħan. Ejjew nikkunsidraw xi ftit minn dawn il-​prinċipji.

L-​ewwel nett irridu nifhmu li “l-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata.” (Ġer. 17:9) Meta tnejn li jixtiequ jiżżewġu jiltaqgħu flimkien u jibdew isiru jafu lil xulxin, għall-​bidu jistaʼ jkun hemm ġibda qawwija. Meta jiġri dan se jkun diffiċli biex jieħdu deċiżjonijiet tajbin. Meta koppja tiddeċiedi li tiżżewweġ minħabba dak li jkunu jħossu għal xulxin biss, wara jistgħu jkunu ddiżappuntati. (Prov. 28:26) Għalhekk, ikun tajjeb li joqogħdu attenti kif jitkellmu dwar is-​sentimenti li jkunu qed iħossu u ma jwegħdux affarijiet qabel isiru jafu sew lil xulxin.

Proverbji 22:3 jgħid: “Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-​piena.” Għaliex jistgħu jkunu perikolużi l-​websites tad-​dating? Xi nies iltaqgħu maʼ xi ħadd u bdew joħorġu miegħu online. Imma maż-​żmien il-​persuna li kienu qed joħorġu magħha daħqet bihom. Barra minn hekk, xi nies għamlu fake profile u rnexxielhom jisirqu l-​flus, u xi wħud minnhom qalu li huma Xhieda taʼ Ġeħova.

Ejja nikkunsidraw xi ħaġa oħra li tistaʼ tkun perikoluża. Dawn il-​websites tad-​dating ikunu pprogrammati biex isibu koppja li jkunu tajbin għal xulxin. Però, m’hemmx prova li dan il-​metodu jaħdem. Taħseb li jagħmel sens li tafda fi programm tal-​kompjuter biex isiblek lil xi ħadd biex tiżżewweġ? Tistaʼ tqabbel il-​programmi tal-​kompjuters mal-​prinċipji tal-​Bibbja?—Prov. 1:7; 3:5-​7.

Prinċipju fi Proverbji 14:15 jgħid: “Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ, imma min hu prudenti jqis il-​passi tiegħu.” Qabel ma tgħid li persuna hi tajba għalik biex tiżżewwiġha, għandek bżonn issir tafha sew. Imma meta tiltaqaʼ maʼ xi ħadd online mhux se jkun faċli għalik biex tagħmel dan. Taħseb li tistaʼ ssir taf persuna sew għax tara ħafna affarijiet dwarha fuq il-​profile tagħha jew titkellmu għal ħafna ħin online? Xi wħud ħasbu li sabu lil xi ħadd iħobbhom imma meta ltaqgħu mal-​persuna kienu ddiżappuntati ħafna.

Is-​salmista qal: “Jien ma poġġejtx maʼ nies li ma jgħidux il-​verità; u ma nimxix maʼ dawk li jaħbu x’inhuma.” (Salm 26:4) Ħafna nies jaħsbu li m’hemm xejn ħażin li jigdbu fuq dawn il-​websites tad-​dating biex jidhru aħjar. Kultant bil-​messaġġi li jibdew jibagħtu ma jurux min huma verament. Huwa importanti li taħseb dwar it-​tweġibiet taʼ dawn il-​mistoqsijiet li ġejjin: Minkejja li xi wħud jgħidu li huma Xhieda taʼ Ġeħova, huma mgħammdin? Huma b’saħħithom spiritwalment? Għandhom ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova? Kif inhuma magħrufin fil-​kongregazzjoni? Huma taʼ eżempju għalik jew “kumpanija ħażina”? (1 Kor. 15:33; 2 Tim. 2:20, 21) U skont il-​prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jiżżewġu? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet huma importanti ħafna għalik. Però, jistaʼ jkun diffiċli biex ikollok dawn it-​tweġibiet jekk ma tistaqsix lil xi aħwa oħra li jafu lill-​persuna sew. (Prov. 15:22) U ovvjament, qaddej leali taʼ Ġeħova lanqas biss jgħaddilu minn moħħu biex jiżżewweġ lil xi ħadd li mhux Xhud, u b’hekk jiġi “taħt madmad li mhux indaqs.”—2 Kor. 6:14; 1 Kor. 7:39.

Meta tqis dawn ir-​riskji tinduna li hu perikoluż li tfittex lil xi ħadd biex tiżżewweġ fuq dawn il-​websites. Hemm ħafna modi aħjar kif tistaʼ tiltaqaʼ maʼ xi ħadd u ssir tafu sew. Allura, bħala Xhud taʼ Ġeħova fejn tistaʼ tiltaqaʼ maʼ xi ħadd? Meta tmur il-​laqgħat, l-​assembleat, il-​konvenzjonijiet, u gatherings oħrajn, tistaʼ tiltaqaʼ maʼ xi ħadd u ssir tafu sew.

Meta taqtgħu l-​ħin flimkien, se taraw jekk taqblux u jekk għandkomx miri simili

Meta dan ma jkunx possibbli, bħal pereżempju matul il-​pandemija tal-​COVID-​19, aħna xorta nattendu l-​laqgħat u jkollna l-​opportunità li niltaqgħu m’oħrajn b’mod virtwali. Inti tistaʼ tarahom jipparteċipaw fil-​laqgħat u tismaʼ kif jesprimu ruħhom. (1 Tim. 6:11, 12) Wara l-​laqgħa jkun hemm il-​breakout rooms u hemmhekk tistaʼ ssir taf lil xi ħadd aħjar. Permezz tal-​gatherings li jagħmlu x-​Xhieda taʼ Ġeħova b’mod virtwali int tistaʼ tara kif dik il-​persuna li togħġbok iġġib ruħha mal-​aħwa. (1 Pt. 3:4) Maż-​żmien, iktar ma ssiru tafu lil xulxin se jkollkom iktar ċans taraw jekk il-​miri tagħkom humiex simili u jekk intomx tajbin għal xulxin.

Meta dawk li huma single jipprovaw isibu lil xi ħadd fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja se jaraw li l-​kliem taʼ Proverbji 18:22 huwa minnu għax hemm jgħid li jekk xi ħadd isib raġel jew mara tajba se jkollu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova.