Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 29

Kun Ferħan b’Dak li Tistaʼ Tagħmel Int!

Kun Ferħan b’Dak li Tistaʼ Tagħmel Int!

“Kull wieħed ħa . . . jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx ruħu maʼ ħaddieħor.”—GAL. 6:4.

GĦANJA 34 Nimxu bl-​integrità

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġeħova għala ma jqabbilniex m’oħrajn?

ĠEĦOVA jħobb il-​varjetà u dan nistgħu narawh fil-​ħolqien meraviljuż tiegħu, inkluż il-​bniedem. Kull wieħed u waħda minna hu differenti u għalhekk Ġeħova qatt ma jqabblek m’oħrajn. Hu jistaʼ jara x’għandek f’qalbek. (1 Sam. 16:7) Ġeħova jaf kif trabbejt, jaf x’int kapaċi tagħmel, u x’ma tistax tagħmel. Hu mhux se jitolbok tagħmel iktar milli tiflaħ. Aħna għandna bżonn naraw lilna nfusna bil-​mod kif jarana Ġeħova. Imbagħad aħna se jkollna ħarsa bbilanċjata. B’hekk, la ħa naħsbu żżejjed u lanqas in-​nieqes dwarna nfusna.—Rum. 12:3.

2. Għala mhux tajjeb li noqogħdu nqabblu lilna nfusna maʼ oħrajn?

2 Aħna nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji tajbin taʼ aħwa oħrajn. Jistaʼ jkun li nkunu nafu lil xi aħwa li jinqalgħu ħafna biex jippritkaw. (Ebr. 13:7) L-​eżempju tagħhom jistaʼ jgħinna ntejbu l-​mod kif nippritkaw. (Flp. 3:17) Imma hemm differenza bejn li timita l-​eżempju tajjeb taʼ xi ħadd u li tqabbel lilek innifsek miegħu. Jekk inqabblu lilna nfusna m’oħrajn nistgħu nibdew ngħiru, inħossuna skuraġġiti jew ma niswew għal xejn. Kif tgħallimna fl-​artiklu taʼ qabel dan, jekk noqogħdu nipprovaw inkunu aħjar minn ħutna se nagħmlu ħsara lill-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Għalhekk Ġeħova jgħidilna: “Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx ruħu maʼ ħaddieħor.”—Gal. 6:4.

3. Liema progress għamilt fil-​verità li jġiegħlek tkun ferħan?

3 Ġeħova jridek tkun kuntent bil-​progress li int għamilt fil-​verità. Pereżempju jekk tgħammidt, int għandek tkun ferħan li lħaqt din il-​mira! Minħabba li tħobb lil Ġeħova, inti ħadt din id-​deċiżjoni. Aħseb dwar dak li rnexxielek tagħmel s’issa. Pereżempju, sirt tieħu pjaċir iżjed taqra l-​Bibbja u tagħmel l-​istudju persunali? It-​talb li qiegħed titlob issa qed ikun iżjed mill-​qalb? (Salm 141:2) Meta tkun qiegħed tipprietka, qed issibha iktar faċli biex tibda konversazzjoni, u tuża l-​għodda tal-​ippritkar b’mod aħjar? U jekk għandek familja, għenek Ġeħova biex issir raġel miżżewweġ, mara miżżewġa, jew ġenitur aħjar? Int għandek tkun ferħan ħafna bil-​bidliet li rnexxielek tagħmel.

4. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

4 Aħna nistgħu ngħinu lil oħrajn biex ikunu ferħanin bil-​progress li qed jagħmlu fil-​verità. Aħna nistgħu ngħinuhom ukoll biex ma jqabblux lilhom infushom m’oħrajn. F’dan l-​artiklu se naraw kif il-​ġenituri jistgħu jgħinu lit-​tfal tagħhom, kif koppja miżżewġa jistgħu jgħinu lil xulxin, u kif l-​anzjani u l-​aħwa tal-​kongregazzjoni jistgħu jgħinu lil xulxin. Imbagħad, se nikkunsidraw prinċipji mill-​Bibbja li se jgħinuna nagħmlu miri li nkunu nistgħu nilħquhom.

DAK LI JISTGĦU JAGĦMLU L-​ĠENITURI U L-​MIŻŻEWĠIN

Ġenituri, uru lit-​tfal tagħkom li intom tieħdu pjaċir b’dak li jistgħu jagħmlu (Ara paragrafi 5-​6) *

5. Skont Efesin 6:4, il-​ġenituri x’m’għandhomx jagħmlu?

5 Il-​ġenituri għandhom joqogħdu attenti li ma jqabblux lit-​tfal tagħhom maʼ xulxin jew jitolbuhom jagħmlu iktar milli jistgħu. Jekk jagħmlu hekk, jistgħu jiskuraġġixxu lit-​tifel jew it-​tifla tagħhom. (Aqra Efesin 6:4.) Oħt jisimha Sachiko * tgħid: “It-​teachers li kelli kienu jistennew iżjed minni. Barra minn hekk, ommi wkoll riedet li jien immur tajjeb fl-​iskola biex b’hekk it-​teachers u missieri, li mhux Xhud taʼ Ġeħova, ikollhom opinjoni tajba dwarna bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Fil-​fatt, hi riditni nġib kollox tajjeb fl-​eżamijiet, xi ħaġa li għalija kienet impossibbli. Minkejja li issa għaddew ħafna snin minn meta spiċċajt l-​iskola, xi kultant inħossni li nagħmel kemm nagħmel, Ġeħova mhux kuntent bija.”

6. Il-​ġenituri x’jistgħu jitgħallmu minn Salm 131:1, 2?

6 Aqra Salm 131:1, 2F’dawn il-​versi nsibu lezzjoni importanti għall-​ġenituri. Is-​Sultan David qal li ma ġeriex wara “affarijiet kbar wisq” jew għamel affarijiet li kienu diffiċli ħafna għalih. Minħabba li hu kien umli kien kuntent. Il-​ġenituri x’jistgħu jitgħallmu minn dak li qal David? Huma jitgħallmu li jistgħu jkunu umli mhux biss billi jkunu jafu kemm jifilħu jagħmlu huma, imma wkoll billi ma jistennewx iżżejjed mit-​tfal tagħhom. Il-​ġenituri jistgħu jgħinu lit-​tfal tagħhom iħossuhom kunfidenti billi jkunu jafu dak li jistgħu jagħmlu u dak li ma jistgħux jagħmlu. Imbagħad għandhom jgħinuhom jagħmlu miri li jkunu jistgħu jilħquhom. Oħt jisimha Marina tgħid: “Ommi qatt ma qabblitni maʼ ħuti jew maʼ tfal oħrajn. Hi dejjem għallmitni li aħna għandna abbiltajiet differenti u li għal Ġeħova kollha prezzjużi. Grazzi għal ommi, illum jien rari nqabbel lili nnifsi maʼ xi ħadd ieħor.”

7-8. Ir-​raġel kif jistaʼ jonora lill-​mara tiegħu?

7 L-​irġiel Kristjani għandhom jonoraw lin-​nisa tagħhom. (1 Pt. 3:7) Dan ifisser li raġel Kristjan għandu jagħti attenzjoni speċjali u juri rispett kbir lil martu. Hu ma jistenniex iktar minn dak li tistaʼ tagħmel, u bla dubju hu ma jqabbilhiex maʼ nisa oħrajn. Kif tħossha mara kieku r-​raġel tagħha jagħmel hekk? Ir-​raġel taʼ oħt jisimha Rosa, li mhuwiex Xhud, iqabbel lilha maʼ nisa oħrajn. Il-​kliem li jgħidilha mhux biss iweġġagħha, imma jġegħelha tiddubita jekk hemmx xi ħadd li jħobbha. Rosa tgħid: “Spiss ikolli nfakkar lili nnifsi li Ġeħova jimpurtah minni.” Ovvjament, raġel Kristjan mhux se jagħmel hekk, minflok jonora lill-​mara tiegħu. Hu jaf li jekk jagħmel hekk, se jsaħħaħ ir-​relazzjoni taʼ bejniethom u l-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. *

8 Raġel li jonora lill-​mara tiegħu jitkellem b’mod tajjeb dwarha maʼ nies oħrajn, jgħidilha li jħobbha, u li hi importanti għalih. (Prov. 31:28) Billi għamel hekk, ir-​raġel taʼ Katerina, li semmejna fl-​artiklu taʼ qabel dan, għenha meta hi ma kinitx tħossha tajba daqs oħrajn. Meta Katerina kienet għadha żgħira, ommha kienet tmaqdarha u spiss kienet tqabbilha maʼ tfal oħrajn, inkluż sħabha. Għalhekk, Katerina bdiet tqabbel lilha nfisha m’oħrajn u baqgħet tagħmel hekk anki wara li saret waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova! Imma r-​raġel tagħha għenha biex ma tibqax tqabbel lilha nfisha maʼ oħrajn, u tipprova tara t-​tajjeb tagħha. Hi tgħid: “Hu jħobbni, dejjem ifaħħarni għall-​affarijiet tajbin li nagħmel, u jitlob għalija. Ukoll, ifakkarni fil-​kwalitajiet sbieħ li għandu Ġeħova u jgħinni biex meta jkolli ħsibijiet negattivi nneħħihom.”

DAK LI JISTGĦU JAGĦMLU L-​ANZJANI U OĦRAJN

9-10. L-​anzjani kif għenu lil oħt biex ma tibqax tqabbel lilha nfisha m’oħrajn?

9 L-​anzjani kif jistgħu jgħinu lil dawk li spiss iqabblu lilhom infushom m’oħrajn? Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ oħt jisimha Hanuni, li meta kienet żgħira ħadd ma kien ifaħħarha. Hi tgħid: “Jien kont nistħi u kont inħoss li tfal oħrajn kienu aħjar minni. Bdejt inqabbel lili nnifsi m’oħrajn minn meta kont għadni żgħira.” Anki wara li saret Xhud taʼ Ġeħova baqgħet tagħmel hekk. Minħabba dan, ma kinitx tħoss li dak li kienet tagħmel fil-​kongregazzjoni kien importanti. Imma issa, hi taqdi bħala pijuniera u kuntenta ħafna. X’għenha tbiddel l-​attitudni tagħha?

10 Hanuni tgħid li l-​anzjani b’qalb tajba għenuha. Huma qalulha li hi kienet importanti għall-​kongregazzjoni u faħħruha għall-​eżempju tajjeb tagħha. Hi kitbet: “L-​anzjani ġieli talbuni biex ninkuraġġixxi lil aħwa nisa li kellhom bżonn l-​għajnuna. Dan għenni biex inħossni bżonjuża fil-​kongregazzjoni. Għadni niftakar meta l-​anzjani rringrazzjawni talli inkuraġġejt lil aħwa żgħar. Imbagħad qrawli l-​1 Tessalonikin 1:2, 3. Jien vera ħassejtni ferħana! Grazzi għall-​imħabba li wrew miegħi dawn l-​anzjani, issa nħossni ferħana li nistaʼ ngħin fil-​kongregazzjoni.”

11. Kif nistgħu ngħinu lil ‘dawk li għandhom qalbhom maqsuma u lil dawk bi spirtu miksur’?

11 Aqra Salm 34:18. Ġeħova jimpurtah ħafna minn ‘dawk li għandhom qalbhom maqsuma u dawk bi spirtu miksur.’ Min jistaʼ jgħin lil dawn l-​aħwa? Mhux l-​anzjani biss, imma lkoll kemm aħna nistgħu ngħinuhom. Mod wieħed kif nistgħu ninkuraġġuhom hu billi nuruhom li jimpurtana minnhom. Ġeħova jridna nuruhom li hu jħobbhom ħafna. (Prov. 19:17) Nistgħu ngħinu lil dawn l-​aħwa billi nkunu umli u mhux noqogħdu niftaħru b’dak li nafu nagħmlu. Aħna ma rridux niġbdu l-​attenzjoni lejna għax ma rridux li oħrajn jgħiru għalina. Minflok, aħna rridu li b’dak kollu li ngħidu u nafu nagħmlu nużawh biex ninkuraġġixxu lil ħutna.—1 Pt. 4:10, 11.

Id-​dixxipli taʼ Ġesù ħassewhom komdi miegħu għax hu qatt ma ġegħelhom iħossuhom inqas minnu. Hu kien jieħu pjaċir bil-​kumpanija tagħhom (Ara paragrafu 12)

12. Għaliex in-​nies kienu jħossuhom komdi maʼ Ġesù? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

12 Meta naraw kif Ġesù ttratta lis-​segwaċi tiegħu, nistgħu nitgħallmu kif aħna nittrattaw lil oħrajn. Hu kien l-​aqwa bniedem li qatt għex. Minkejja dan, hu kien ‘ġwejjed u umli f’qalbu.’ (Mt. 11:28-​30) Ġesù qatt ma ftaħar b’dak li kien jaf. Meta kien jgħallem lin-​nies kien juża kliem sempliċi u eżempji li n-​nies setgħu jifhmuhom u jmissulhom qalbhom. (Lq. 10:21) Ġesù ma kienx kburi bħall-​mexxejja reliġjużi. Hu dejjem wera lill-​oħrajn li huma kienu importanti għal Alla. (Ġw. 6:37) Ġesù rrispetta lil kulħadd.

13. Ġesù kif wera qalb tajba u mħabba mad-​dixxipli tiegħu?

13 Ġesù wera qalb tajba u mħabba mill-​mod kif tratta lid-​dixxipli tiegħu. Hu kien jaf li huma kellhom abbiltajiet u ċirkostanzi differenti. Mhux kollha kienu kapaċi jagħmlu l-​istess affarijiet, u kien hemm uħud li setgħu jagħmlu iżjed minn oħrajn fix-​xogħol tal-​ippritkar. Imma hu kien ferħan li kulħadd kien jagħmel l-​almu tiegħu. Hu wera dan meta qal il-​parabbola tat-​talenti. F’din il-​parabbola, is-​sid ta lill-​ilsiera tiegħu xogħol skont dak li kienu kapaċi jagħmlu. Għalkemm wieħed qalaʼ ħames talenti u l-​ieħor qalaʼ żewġ talenti, is-​sid faħħarhom it-​tnejn li huma billi qalilhom l-​istess kliem: “Prosit, ilsir tajjeb u leali!”—Mt. 25:14-​23.

14. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù fil-​mod kif tratta lil oħrajn?

14 Ġesù dejjem juri qalb tajba u mħabba magħna. Hu jaf li aħna għandna abbiltajiet u ċirkostanzi differenti, u hu jkun kuntent bina meta nagħmlu l-​almu tagħna. Aħna rridu nimitaw lil Ġesù. Għandna dejjem napprezzaw dak li jagħmlu l-​aħwa, anki jekk ma jagħmlux daqs oħrajn. Mela, ejja nieħdu kull opportunità biex infaħħruhom talli qed jagħmlu dak li jistgħu għal Ġeħova.

AGĦMEL MIRI LI TISTAʼ TILĦAQHOM

Meta tagħmel miri u tilħaqhom se tkun kuntent (Ara paragrafi 15-​16) *

15-16. Il-​miri li għamlet Midori kif għenuha?

15 Meta nagħmlu miri fix-​xogħol taʼ Ġeħova, se jkollna skop fil-​ħajja tagħna. Però, irridu nagħmlu miri li nkunu nistgħu nilħquhom. Aħna m’għandniex għalfejn nagħmlu l-​miri li jagħmel ħaddieħor. Jekk nagħmlu hekk nistgħu ma nilħqux il-​mira li nkunu għamilna, u mbagħad inħossuna skuraġġiti. (Lq. 14:28) Ejja naraw l-​eżempju taʼ oħt pijuniera jisimha Midori.

16 Meta Midori kienet għadha żgħira, missierha, li mhux Xhud, kien joqgħod jgħidilha li ħutha u sħabha tal-​klassi kienu aħjar minnha. Hi tgħid: “Kont inħossni ma niswa għal xejn.” Imma meta bdiet tikber, Midori ma baqgħetx tħossha hekk. Hi tkompli tgħid: “Kont naqra l-​Bibbja kuljum għax dan għenni niftakar li Ġeħova jħobbni.” Barra minn hekk, hi għamlet miri li setgħet tilħaqhom u talbet lil Ġeħova biex jgħinha. Dan għen lil Midori biex tkun kuntenta b’dak li hi qed tagħmel għal Ġeħova.

DEJJEM AGĦMEL L-​ALMU TIEGĦEK GĦAL ĠEĦOVA

17. X’jistaʼ jgħinna nbiddlu l-​mod kif naħsbu, u x’riżultat se jkollna?

17 Jieħu ż-​żmien biex inbiddlu kif naħsbuha dwarna nfusna. Ġeħova jkompli jinkuraġġina biex inkomplu nbiddlu l-​mod kif naħsbu. (Efes. 4:23, 24) Biex nagħmlu hekk irridu nitolbu, nistudjaw il-​Kelma t’Alla, u nimmeditaw fuqha. Għalhekk, kompli agħmel dawn l-​affarijiet u itlob lil Ġeħova biex jagħtik is-​saħħa. L-​ispirtu qaddis tiegħu se jgħinek titgħallem biex ma tqabbilx lilek innifsek maʼ oħrajn. Ġeħova se jgħinek ukoll tinduna jekk hux qed issir għajjur jew kburi, u se jgħinek biex tagħmel il-​bidla li jkollok bżonn malajr.

18. Il-​kliem li nsibu fit-​2 Kronaki 6:29, 30 kif jinkuraġġik?

18 Aqra t-​2 Kronaki 6:29, 30. Ġeħova jaf x’għandna f’qalbna. Ġeħova jaf ukoll li aħna rridu niġġieldu kontra l-​affarijiet li d-​dinja tħajjarna bihom u kontra n-​nuqqasijiet tagħna. Meta Ġeħova jara l-​isforz li nagħmlu biex niġġieldu dawn l-​affarijiet, hu se jħobbna iżjed.

19. X’eżempju uża Ġeħova biex jurina kemm iħobbna?

19 Biex jurina kemm iħobbna, Ġeħova juża l-​eżempju taʼ omm u t-​tarbija tagħha. (Is. 49:15) Ikkunsidra l-​eżempju taʼ omm jisimha Rachel. Hi kitbet: “It-​tifla tiegħi Stephanie twieldet qabel iż-​żmien. Meta rajtha l-​ewwel darba, kienet vera żgħira u ma kinitx b’saħħitha. Imma l-​ewwel xahar li għamlet l-​isptar fl-​inkubatur, it-​tabib ħallieni nerfagħha kuljum. Matul dan ix-​xahar, meta kont nerfagħha fuqi, żviluppat rabta bejnietna. Issa għandha sitt snin, u ħdejn dawk tamparha baqgħet żgħira. Hi ġġieldet għal ħajjitha u dan iġegħelni nħobbha ħafna. Stephanie ġabitli ħafna ferħ f’ħajti!” Bl-​istess mod, meta Ġeħova jarana nagħmlu l-​almu tagħna biex naqduh, iħoss l-​istess tip taʼ mħabba, u dan iġibilna ħafna ferħ!

20. Bħala qaddej taʼ Ġeħova, għala tistaʼ tkun ferħan?

20 Għal Ġeħova, int prezzjuż għax tagħmel parti mill-​familja tiegħu. Ġeħova ma ġibdekx lejh għax inti aħjar minn oħrajn, imma għax ra x’għandek f’qalbek, ra li inti umli, lest li titgħallem, u li tistaʼ tinbidel. (Salm 25:9) Tistaʼ tkun ċert li hu japprezza ħafna meta int tagħmel l-​almu tiegħek biex taqdih. Is-​sabar u l-​lealtà tiegħek juru li inti ubbidjenti lejn Ġeħova. (Lq. 8:15) Għalhekk, kompli agħmel dak li tistaʼ għal Ġeħova. Imbagħad se ‘jkollok għal xiex tifraħ b’dak li tagħmel.’

GĦANJA 38 Hu se jsaħħek

^ par. 5 Ġeħova ma joqgħodx iqabbel lilna maʼ oħrajn. Imma, jistaʼ jkun li aħna nagħmlu hekk u mbagħad inħossuna ma niswew għal xejn. F’dan l-​artiklu se niddiskutu għala mhuwiex tajjeb li noqogħdu nqabblu lilna nfusna maʼ oħrajn. Se naraw ukoll kif nistgħu ngħinu lil tal-​familja u lil aħwa fil-​kongregazzjoni biex iqisu lilhom infushom bħalma jqishom Ġeħova.

^ par. 5 Xi ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 7 Għalkemm qed nitkellmu dwar raġel miżżewweġ, ħafna mill-​prinċipji japplikaw ukoll għal mara miżżewġa.

^ par. 58 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Waqt il-​qima bħala familja, il-​ġenituri qed jieħdu pjaċir b’dak li kull wieħed mit-​tfal tagħhom qed jirnexxilu jagħmel.

^ par. 62 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Oħt li hija single mother u li għandha tifel żgħir qed tagħmel mira biex tkun pijuniera awżiljarja, u hi kuntenta li rnexxielha tilħaq din il-​mira.