Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 28

Evita l-Kompetizzjoni u Aħdem Biex Iżżomm il-Paċi

Evita l-Kompetizzjoni u Aħdem Biex Iżżomm il-Paċi

“Ħa ma nintefħux bina nfusna, għax b’hekk inqanqlu l-​kompetizzjoni bejnietna, u ngħiru għal xulxin.”—GAL. 5:26.

GĦANJA 101 Naħdmu flimkien f’unità

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. X’jistaʼ jiġri meta xi wħud jipprovaw ikunu aħjar minn oħrajn?

ĦAFNA nies illum jagħmlu minn kollox biex jidhru aħjar minn oħrajn u ma jimpurtahomx jekk iweġġgħuhom. Pereżempju, negozjant biex jaqlaʼ iktar flus jaf jagħmel affarijiet li jkunu taʼ ħsara għal oħrajn. Player jaf iweġġaʼ apposta lil player taʼ tim ieħor biex it-​tim tiegħu jirbaħ. U student tal-​iskola jaf iqarraq biex jgħaddi mill-​eżami. Bħala Kristjani aħna nafu li dawn l-​affarijiet huma ħżiena għax jagħmlu parti mill-​“għemejjel tal-​laħam.” (Gal. 5:19-​21) Imma jistaʼ jkun li xi aħwa mingħajr ma jafu qed jipprovaw jidhru aħjar minn oħrajn u qed iħajru lil xi wħud jagħmlu bħalhom? Irridu noqogħdu attenti għax jekk nipprovaw inkunu aħjar minn oħrajn il-​kongregazzjoni mhux se tkun magħquda.

2. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

2 F’dan l-​artiklu se niddiskutu affarijiet li jistgħu jġegħluna nkunu rridu nidhru aħjar minn ħutna. Se naraw ukoll eżempji taʼ qaddejja leali taʼ Ġeħova li qatt ma pprovaw ikunu aħjar minn oħrajn. Imma l-​ewwel ejjew naraw għala nistgħu naġixxu b’dan il-​mod.

EŻAMINA DAK LI QED TAGĦMEL

3. Liema mistoqsijiet ikun tajjeb li nistaqsu lilna nfusna?

3 Ikun tajjeb li minn żmien għal żmien niċċekkjaw għala nkunu qegħdin nagħmlu ċertu affarijiet. Dan nistgħu nagħmluh billi nistaqsu mistoqsijiet bħal: ‘Noqgħod inqabbel lili nnifsi m’oħrajn biex inħossni aħjar? Meta nagħmel xi ħaġa fil-​kongregazzjoni nagħmilha biex nidher? Jew nagħmilha għax vera rrid nagħti l-​aħjar lil Ġeħova?’ Għala jkun tajjeb li nistaqsu dawn il-​mistoqsijiet? Ejja naraw x’tgħid il-​Kelma t’Alla.

4. Kif naraw f’​Galatin 6:3, 4, għala m’għandniex inqabblu lilna nfusna m’oħrajn?

4 Il-​Bibbja tgħidilna biex ma nqabblux lilna nfusna m’oħrajn. (Aqra Galatin 6:3, 4.) Għala? Raġuni waħda hi għax jekk nibdew naħsbu li aħna aħjar minn ħutna jaf insiru kburin. Mill-​banda l-​oħra, jekk nibdew naħsbu li oħrajn huma aħjar minna nistgħu nħossuna skuraġġiti. (Rum. 12:3) Katerina, * oħt li tgħix il-​Greċja, tgħid: “Kont inqabbel lili nnifsi maʼ dawk li kont narahom isbaħ minni, dawk li kienu kapaċi iżjed minni fil-​ministeru, u oħrajn li kellhom ħafna ħbieb. Maż-​żmien bdejt inħossni ma niswa għal xejn.” Irridu niftakru li Ġeħova ġibidna lejh mhux għax aħna sbieħ, nafu nitkellmu, jew għax in-​nies għandhom grazzja magħna, imma għax aħna lesti li nħobbuh u nisimgħu minn Ibnu.—Ġw. 6:44; 1 Kor. 1:26-​31.

5. X’tgħallimt mill-​esperjenza taʼ Ħuna Hyun?

5 Mistoqsija oħra li għandna nistaqsu hi, ‘Jien magħruf bħala wieħed li nżomm il-​paċi jew bħala wieħed li naqlaʼ l-​ġlied?’ Innota xi ġralu Hyun, ħu li jgħix il-​Korea t’Isfel. Hu kien jaħseb li dawk li kellhom il-​privileġġi fil-​kongregazzjoni kienu qed jipprovaw jidhru aħjar minnu. Hu jgħid, “Spiċċajt immaqdar lil dawn l-​aħwa u spiss ma kontx naqbel maʼ dak li kienu jgħidu.” X’kien ir-​riżultat? Hu jammetti, “Minħabba l-​attitudni tiegħi kont naqlaʼ l-​problemi fil-​kongregazzjoni.” Xi wħud mill-​ħbieb tiegħu għenuh jinduna bil-​problema li kellu. Bis-​saħħa tagħhom għamel il-​bidliet li kien hemm bżonn u llum hu anzjan bravu ħafna. Mela jekk ninnotaw li qed nagħmlu bħalma għamel Hyun ikun tajjeb li nagħmlu xi ħaġa mill-​ewwel biex ninbidlu.

TKUNX KBURI U GĦAJJUR

6. Skont Galatin 5:26, liema kwalitajiet jistgħu jġegħluna nikkompetu m’oħrajn?

6 Aqra Galatin 5:26. Liema kwalitajiet jistgħu jwassluna biex nikkompetu m’oħrajn? Waħda minnhom hi l-​egoiżmu. Persuna egoista hi persuna kburija u taħseb biss dwarha nfisha. Kwalità ħażina oħra hi l-​għira. Persuna għajjura mhux biss tkun trid l-​affarijiet taʼ persuna oħra, imma hi tkun tixtieq li l-​persuna l-​oħra titlef dak li għandha. Għalhekk meta persuna tkun għajjura għal xi ħadd fir-​realtà din tkun tobogħdu. Bla dubju aħna lanqas irridu nkunu xagħra minn persuna bħal din!

7. Liema eżempju jurina li l-​kburija u l-​għira huma taʼ periklu?

7 L-​egoiżmu u l-​għira nistgħu nqabbluhom mas-​sadid. Maż-​żmien xi ħaġa tal-​ħadid tistaʼ tibda tissaddad. Jekk is-​sadid jiġi injorat, dan se jagħmel ħafna ħsara u l-​oġġett jaf ma jkunx jistaʼ jissewwa. B’mod simili, jekk persuna li taqdi lil Ġeħova ssir kburija u għajjura, maż-​żmien se jkollha problemi kbar. (Prov. 16:18) Hi mhux se tibqaʼ taqdi lil Ġeħova u se tagħmel il-​ħsara kemm lilha nfisha kif ukoll lil oħrajn. X’nistgħu nagħmlu biex ma nsirux kburin u għajjurin?

8. Kif nistgħu niġġieldu l-​egoiżmu?

8 Aħna nistgħu niġġieldu l-​egoiżmu billi nżommu f’moħħna l-​parir li ta l-​appostlu Pawlu lill-​Filippin: “Tagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà tqisu lill-​oħrajn superjuri għalikom.” (Flp. 2:3) Jekk inqisu lil oħrajn aħjar minna mhux se nkunu rridu nidhru aħjar minn dawk li huma kapaċi iktar minna. Anzi ħa nkunu ferħanin għalihom, iktar u iktar jekk ikunu qed jużaw l-​abbiltajiet tagħhom biex jaqdu lil Ġeħova. U jekk ħu jew oħt li għandha ħafna abbiltajiet tapplika l-​parir taʼ Pawlu se tkun tistaʼ tara l-​kwalitajiet tajbin tagħna wkoll. B’hekk ilkoll kemm aħna nkunu magħqudin u nżommu l-​paċi fil-​kongregazzjoni.

9. Kif nistgħu nevitaw li ngħiru għal ħutna?

9 Jekk aħna nkunu umli billi dejjem inżommu f’moħħna li xi affarijiet ma nistgħux nagħmluhom se nevitaw li nkunu għajjurin. Barra minn hekk, meta nkunu umli mhux se nipprovaw nuru li aħna kapaċi jew għandna iktar abbiltajiet minn oħrajn. Minflok, aħna nipprovaw nitgħallmu minn dawk li huma kapaċi iktar minna. Pereżempju, ejja ngħidu li ħu fil-​kongregazzjoni jagħti taħditiet sbieħ ħafna. Aħna nistgħu nistaqsuh x’jagħmel biex jipprepara t-​taħditiet tiegħu. Jekk oħt taf issajjar, aħna forsi nitolbuha xi pariri biex b’hekk intejbu l-​mod kif insajru. U jekk xi żagħżugħ Kristjan ma jsibhiex faċli biex jagħmel ħbieb ġodda, hu jistaʼ jitlob parir mingħand xi ħadd li għandu ħafna ħbieb. Jekk nagħmlu dawn l-​affarijiet mhux se nkunu għajjurin u se ntejbu l-​abbiltajiet tagħna.

TGĦALLEM MILL-​EŻEMPJI LI NSIBU FIL-​BIBBJA

Minħabba li Gidegħon kien umli, hu żamm il-​paċi mal-​Efrajmin (Ara paragrafi 10-​12)

10. Gidegħon liema problema ffaċċja?

10 Aħseb dwar dak li ġara lil Gidegħon, li kien mit-​tribù taʼ Manasse, u l-​irġiel li kienu mit-​tribù t’Efrajm. Ġeħova għen lil Gidegħon u lit-​300 raġel tiegħu biex jirbħu battalja li għaliha setgħu ħadu unur kbir. L-​irġiel minn Efrajm iltaqgħu maʼ Gidegħon mhux biex ifaħħruh imma biex jargumentaw miegħu. Huma rrabjaw għax Gidegħon ma kienx stidinhom mill-​ewwel biex jingħaqdu miegħu u jiġġieldu kontra l-​għedewwa t’Alla. Għalihom kien importanti li n-​nies jirrispettaw it-​tribù tagħhom, imma huma nesew kemm kien importanti li Gidegħon iġib tifħir lil Ġeħova u jipproteġi lin-​nies tiegħu.—Mħ. 8:1.

11. Gidegħon x’qalilhom lill-​irġiel minn Efrajm?

11 Gidegħon b’umiltà qal lill-​irġiel minn Efrajm: “X’għamilt jien ħdejkom?” Imbagħad hu fakkarhom kif Ġeħova kien berikhom. Meta huma semgħu dan ikkalmaw. (Mħ. 8:2, 3) Gidegħon kien lest li jkun umli biex b’hekk iżomm il-​paċi fost il-​poplu t’Alla.

12. X’nitgħallmu mill-​eżempju tal-​Efrajmin u mill-​eżempju taʼ Gidegħon?

12 X’nitgħallmu minn dan ir-​rakkont? Mill-​eżempju tal-​Efrajmin nitgħallmu li m’għandniex nistennew li oħrajn ifaħħru lilna imma t-​tifħir għandu jingħata dejjem lil Ġeħova. Bħala kapijiet tal-​familja u anzjani nistgħu nitgħallmu lezzjoni minn Gidegħon. Jekk xi ħadd ma jiħux pjaċir b’xi ħaġa li għamilna, aħna għandna nipprovaw nifhmu għala din il-​persuna qed tħossha hekk. Ukoll nistgħu nfaħħru lil persuna għall-​affarijiet tajbin li tkun għamlet. Irridu nkunu umli biex nagħmlu dan, speċjalment jekk il-​persuna l-​oħra tkun żbaljata. Imma huwa iktar importanti li jkun hemm il-​paċi bejnietna milli nipprovaw nieħdu r-​raġun.

Minħabba li Ħanna ħalliet l-​affarijiet f’idejn Ġeħova hi ma baqgħetx tħossha mdejqa (Ara paragrafi 13-​14)

13. Ħanna liema sfida ffaċċjat, u kif irnexxielha tegħlibha?

13 Aħseb ukoll dwar l-​eżempju taʼ Ħanna. Hi kienet miżżewġa lil raġel Levita li kien jismu Elkana u li kien iħobbha ħafna. Imma Elkana kellu mara oħra, Peninna. Però, hu kien iħobb iżjed lil Ħanna, minkejja li “Peninna kellha t-​tfal, imma Ħanna ma kellhiex.” Minħabba f’hekk, Peninna kienet taqbad maʼ Ħanna biex iddejjaqha. Minħabba dak li kienet tagħmlilha, Ħanna kienet tħossha mdejqa ħafna “tant li kienet tibki u ma tikolx.” (1 Sam. 1:2, 6, 7) Imma l-​Bibbja ma tgħidilniex li Ħanna pprovat tpattiha lil Peninna. Minflok hi qalet lil Ġeħova kif kienet qed tħossha u straħet fuqu għall-​għajnuna. Il-​Bibbja ma tgħidilniex kemm Peninna damet tittratta ħażin lil Ħanna, imma aħna nafu li Ħanna ma baqgħetx tħossha mdejqa għax “wiċċha ma baqax jidher imħasseb bħal qabel.”—1 Sam. 1:10, 18.

14. X’nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ħanna?

14 X’nitgħallmu minn Ħanna? Jekk xi ħadd jipprova jkun aħjar minnek ftakar li m’għandekx għalfejn turih li inti aħjar minnu. Minflok ma tpatti ħsara bi ħsara, ipprova żomm il-​paċi maʼ dik il-​persuna. (Rum. 12:17-​21) Jekk hu ma jkunx irid jibdel fehmtu, inti xorta se tħossok kuntent.

Apollo u Pawlu kienu jafu li Ġeħova kien qed ibierek ix-​xogħol tagħhom u għalhekk ma kienx hemm għira bejniethom (Ara paragrafi 15-​18)

15. X’kien hemm komuni bejn Apollo u Pawlu?

15 Issa ejjew naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tad-​dixxiplu Apollo u l-​appostlu Pawlu. It-​tnejn li huma kienu jafu l-​Iskrittura b’mod tajjeb. Pawlu u Apollo kienu magħrufin sew u għalliema tajbin. U t-​tnejn li huma għenu lil ħafna nies biex isiru dixxipli. Imma ma kinux jgħiru għal xulxin.

16. X’tip taʼ persuna kien Apollo?

16 Apollo kien twieled Lixandra, li kienet belt magħrufa fejn in-​nies imorru jistudjaw. Hu kien jaf jitkellem ħafna u “kien midħla sew taʼ l-​Iskrittura.” (Atti 18:24) Meta Apollo kien qiegħed f’Korintu xi wħud mill-​aħwa tal-​kongregazzjoni wrew li huma kienu jippreferu lilu minn aħwa oħrajn, inkluż l-​appostlu Pawlu. (1 Kor. 1:12, 13) Apollo kif aġixxa? Hu żgur li ma tkabbarx. Infatti meta Apollo telaq minn Korintu, Pawlu qallu biex jerġaʼ jmur lura. (1 Kor. 16:12) Kieku Apollo ġab il-​firda fil-​kongregazzjoni, żgur li Pawlu ma kienx se jgħidlu biex jerġaʼ jmur lura. Jidher ċar li Apollo uża l-​abbiltajiet tiegħu b’mod tajjeb billi pprietka l-​aħbar tajba u saħħaħ lill-​aħwa. Nistgħu nkunu ċerti li Apollo kien raġel umli. Pereżempju, il-​Bibbja ma tgħidilniex li Apollo ħa għalih meta Akwila u Prixilla “fissrulu t-​triq t’Alla iktar eżatt.”—Atti 18:24-​28.

17. Pawlu x’għamel biex iżomm il-​paċi?

17 L-​appostlu Pawlu kien jaf bix-​xogħol tajjeb li għamel Apollo. Imma Pawlu ma inkwetax li n-​nies kienu se jaħsbu li Apollo kien aħjar minnu. Meta naqraw dak li kiteb Pawlu lill-​Korintin, nistgħu naraw li hu kien umli u raġunevoli. Hu ma ħax pjaċir meta n-​nies qalu, “Jien taʼ Pawlu.” Minflok hu ġibed l-​attenzjoni lejn Alla Ġeħova u Ġesù Kristu.—1 Kor. 3:3-​6.

18. Skont l-​1 Korintin 4:6, 7, x’nitgħallmu mill-​eżempji taʼ Apollo u Pawlu?

18 X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji taʼ Apollo u Pawlu? Jistaʼ jkun li aħna naħdmu iebes għal Ġeħova u jaf ngħinu lil ħafna biex jaslu għall-​magħmudija. Imma aħna nifhmu li dan nistgħu nagħmluh biss bl-​għajnuna taʼ Ġeħova. Mill-​eżempji taʼ Apollo u Pawlu nitgħallmu wkoll li meta jkollna ħafna responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni nistgħu naħdmu iżjed biex inżommu l-​paċi. Kemm napprezzaw meta l-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali jgħinu biex nibqgħu magħqudin u jkun hemm il-​paċi bejnietna. Huma jagħmlu dan billi jagħtuna l-​pariri minn fuq il-​Bibbja. Ix-​xogħol li jagħmlu ma jagħmluhx biex jidhru, imma biex jgħinu lill-​aħwa fil-​kongregazzjoni jobdu lil Ġesù u jimxu fuq l-​eżempju tiegħu.—Aqra l-​1 Korintin 4:6, 7.

19. X’jistaʼ jagħmel kull wieħed u waħda minna? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Evita li Tqajjem il-​Kompetizzjoni.”)

19 Kull wieħed u waħda minna għandu abbiltajiet differenti u nistgħu nużawhom biex ‘naqdu lil xulxin.’ (1 Pt. 4:10) Jaf naħsbu li dak li nagħmlu mhux importanti. Imma ftakar li bħalma l-​punti tal-​ħjata jgħaqqdu libsa sabiħa, kull ħaġa li tagħmel se tgħin biex iżżomm il-​kongregazzjoni magħquda. Ilkoll kemm aħna rridu naħdmu iebes biex qatt ma nipprovaw nidhru aħjar minn oħrajn, u rridu nagħmlu l-​almu tagħna biex inżommu l-​paċi u l-​għaqda fil-​kongregazzjoni.—Efes. 4:3.

GĦANJA 80 “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb”

^ par. 5 Ġarra tal-​fuħħar faċli tinkiser jekk tkun imxaqqa. Bl-​istess mod, jekk fil-​kongregazzjoni jkun hemm spirtu taʼ kompetizzjoni jistaʼ jkun hemm il-​firda. Jekk il-​kongregazzjoni ma tkunx b’saħħitha u magħquda, ma tistax tkun post taʼ paċi fejn nagħtu qima lil Alla. F’dan l-​artiklu se niddiskutu għala m’għandniex naħsbu li aħna aħjar minn oħrajn u x’nistgħu nagħmlu biex inżommu l-​paċi fil-​kongregazzjoni.

^ par. 4 L-​ismijiet ġew mibdulin.