It-Tieni Ittra lil Timotju 2:1-26

  • Dak li smajt għaddih lill-irġiel taʼ min jafdahom (1-7)

  • Nibqgħu nissaportu għall-aħbar tajba (8-13)

  • Spjega l-kelma t’Alla sew (14-19)

  • Ikkontrolla x-xewqat li jistaʼ jkollok fiż-żgħożija (20-22)

  • Kif nittrattaw maʼ dawk li jiħduha kontrina (23-26)

2  Għalhekk ibni, kompli saħħaħ lilek innifsek permezz tal-qalb tajba kbira li juri Kristu Ġesù. 2  L-affarijiet li smajt mingħandi u li ħafna kienu xhieda tagħhom għaddihom lill-irġiel li taʼ min jafdahom, u huma min-naħa tagħhom ikunu kkwalifikati biżżejjed biex jgħallmuhom lil oħrajn. 3  Bħala suldat tajjeb taʼ Kristu Ġesù, kun lest li tbati. 4  Min isir suldat ma jinvolvix ruħu f’xogħol ieħor biex imantni lilu nnifsu,* għax hu jrid jogħġob lil dak li daħħlu bħala suldat. 5  U anki fil-logħob, min jikkompeti ma jiġix ippremjat* jekk ma jimxix mar-regoli. 6  Il-bidwi li jaħdem iebes għandu jkun l-ewwel wieħed li jieħu mill-prodott tal-għalqa. 7  Dejjem aħseb dwar dan li qed ngħidlek, u l-Mulej se jgħinek tifhem dawn l-affarijiet kollha. 8  Ftakar li Ġesù Kristu kien imqajjem mill-mewt u kien id-dixxendent* taʼ David, skont l-aħbar tajba li nipprietka, 9  li għaliha qed inbati u qiegħed il-ħabs bħala kriminal. Minkejja dan, ħadd ma jistaʼ jżomm it-tagħlim t’Alla. 10  Allura, nibqaʼ nissaporti kollox minħabba dawk li ġew magħżulin minn Alla, ħalli huma wkoll isalvaw permezz taʼ Kristu Ġesù u jkollhom barkiet* għal dejjem. 11  Dan li se ngħid taʼ min jafdah: Jekk mitna flimkien, żgur li se ngħixu flimkien ukoll; 12  jekk nibqgħu nissaportu, aħna se mmexxu miegħu bħala rejiet ukoll; jekk ngħidu li ma nafuhx, hu wkoll se jgħid li ma jafniex; 13  jekk aħna ma nkunux leali, hu jibqaʼ leali, għax ma jistax ikun xi ħaġa li mhuwiex. 14  Ibqaʼ fakkarhom dawn l-affarijiet, għallimhom* quddiem Alla biex ma jiġġildux dwar il-kliem, għax dan ħlief ħsara lil dawk li jisimgħuh ma jagħmilx. 15  Agħmel l-aħjar li tistaʼ ħalli Alla jkun ferħan bik, u tkun ħaddiem li ma jistħix mix-xogħol li jagħmel, billi tgħallem u tispjega l-kelma tal-verità sew. 16  Imma rrifjuta paroli fil-vojt li jiddiżonora lil Alla, għax dan se jbiegħed lin-nies minn Alla 17  u jinfirex bħal marda serja.* Imeni u Filetu huma fost dawn in-nies. 18  Dawn l-irġiel telqu mill-verità u qed jgħidu li l-irxoxt diġà sar, u qed jeqirdu l-fidi taʼ xi wħud. 19  Minkejja dan, il-pedament sod t’Alla mhux se jċedi, u fuqu hemm dan il-kliem: “Ġeħova* jaf lil dawk li huma tiegħu,” u, “Dawk kollha li jafdaw f’isem Ġeħova,* għandhom iwarrbu l-affarijiet ħżiena.” 20  F’dar kbira ma jkunx hemm biss affarijiet tad-deheb u l-fidda, imma jkun hemm ukoll affarijiet tal-injam u l-fuħħar. Hemm minnhom għal skop onorabbli,* imma oħrajn għal skop mhux onorabbli.* 21  Għalhekk, kull min iżomm ’il bogħod minn dawn in-nies li mhumiex onorabbli, se jkun bħal xi ħaġa* li tintuża b’mod onorabbli, qaddis, utli għal sidu, u ppreparat għal kull xogħol tajjeb. 22  Għalhekk, ikkontrolla x-xewqat li jistaʼ jkollok fiż-żgħożija u rsisti biex tagħmel dak li hu tajjeb, ikollok il-fidi, l-imħabba, u l-paċi. Agħmel dan flimkien m’oħrajn li jafdaw fil-Mulej għax għandhom qalbhom sinċiera. 23  Iktar minn hekk, irrifjuta li tidħol f’argumenti bla sens u stupidi, għax taf li jaqilgħu l-ġlied. 24  Għax ilsir tal-Mulej m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu juża t-tattika* maʼ kulħadd, ikun jaf jgħallem, jikkontrolla lilu nnifsu meta xi ħadd jittrattah ħażin, 25  u jgħallem bil-ħlewwa lil dawk li ma jaqblux maʼ dak li jgħid. Forsi Alla jħallihom jindmu* ħalli jkollhom għarfien eżatt dwar il-verità, 26  u jiġu f’sensihom u jaħarbu min-nassa tax-Xitan, peress li jkunu nqabdu fiha biex jagħmlu dak li jrid hu.

Noti taʼ taħt

Jew forsi “fl-affarijiet taʼ kuljum.”
Jew “ma jiħux kuruna.”
Jew “min-nisel.”
Letteralment “glorja.”
Jew “avżahom.”
Letteralment “kankrena.”
Dan jinkludi affarijiet biex tiekol, tixrob, u ssajjar fihom.
Dan jinkludi affarijiet li tarmi fihom.
Jew “reċipjent.”
Jew “juri l-ħlewwa.”
Jew “ibiddlu fehmithom.”