It-Tieni Ittra lil Timotju 1:1-18

  • Introduzzjoni tal-ittra (1, 2)

  • Pawlu jirringrazzja lil Alla għall-fidi taʼ Timotju (3-5)

  • Ibqaʼ uża b’żelu r-rigal mingħand Alla (6-11)

  • Kompli ħu bħala eżempju l-kliem taʼ benefiċċju (12-14)

  • L-għedewwa u l-ħbieb taʼ Pawlu (15-18)

1  Jien Pawlu, appostlu taʼ Kristu Ġesù skont dak li jrid Alla biex inxandar il-wegħda tal-ħajja li hi possibbli permezz ta’ Kristu Ġesù, 2  qed nibgħat din l-ittra lilek Timotju, ibni l-għażiż: Jalla Alla Missierna u Kristu Ġesù l-Mulej tagħna juruk qalb tajba kbira, ħniena, u jgħinuk ikollok il-paċi. 3  Jien grat lejn Alla, li lilu naqdi b’kuxjenza nadifa bħalma għamlu missirijieti. Jien dejjem niftakar fik meta nitlob lil Alla bil-ħniena* lejl u nhar. 4  Meta niftakar fid-dmugħ tiegħek, inkun nixtieq ħafna narak. U jekk narak tgħidx kemm inkun ferħan. 5  Infatti niftakar fil-fidi sinċiera* tiegħek, li l-ewwel kellhom nanntek Lojs u ommok Ewniċe. Jien ċert li għad għandek din il-fidi. 6  Għalhekk, infakkrek biex tibqaʼ tuża b’żelu r-rigal mingħand Alla li rċivejt meta qegħedt idejja fuqek. 7  Għax l-ispirtu qaddis li Alla tana ma jagħmilniex beżgħanin, imma jagħtina l-qawwa, l-imħabba, u l-għaqal.* 8  Għalhekk tistħix, la minħabba li tipprietka dwar il-Mulej tagħna u lanqas minħabba fija, li jien priġunier minħabba fih, imma aċċetta li tbati għall-aħbar tajba billi tistrieħ fuq il-qawwa t’Alla. 9  Hu salvana u għażilna biex inkunu qaddisin, mhux minħabba dak li għamilna, imma minħabba l-iskop u l-qalb tajba kbira tiegħu. Ħafna żmien ilu, Alla ddeċieda li jurina din il-qalb tajba permezz taʼ Kristu Ġesù. 10  Issa ntweriet b’mod ċar meta deher Dak li Jsalvana, Kristu Ġesù, li ġab fix-xejn il-mewt u wriena permezz tal-aħbar tajba kif ikollna l-ħajja u ġisem li ma jispiċċax. 11  Għal dan jien ġejt inkarigat biex nipprietka bħala appostlu u għalliem tal-aħbar tajba. 12  Hu għalhekk li qed inbati, imma ma nistħix, għax naf il-Wieħed li emmint fih, u ċert li hu se jipproteġi kwalunkwe ħaġa li jien fdajtlu biex jieħu ħsiebha sa jum il-ġudizzju. 13  Kompli ħu bħala eżempju l-kliem taʼ benefiċċju* li smajt mingħandi u kompli uri fidi u mħabba bħala dixxiplu taʼ Kristu Ġesù. 14  It-teżor li ġejt fdat bih ipproteġih permezz tal-ispirtu qaddis li qiegħed fina. 15  Bħalma taf, dawk kollha fil-provinċja tal-Asja telquni, inkluż Figelu u Ermoġene. 16  Jalla l-Mulej juri ħniena maʼ dawk tad-dar t’Onesiforu, għax hu spiss kien jinkuraġġini, u ma staħax minħabba l-ktajjen tiegħi. 17  Għall-kuntrarju, meta kien Ruma, hu fittixni sew sakemm sabni. 18  Jalla l-Mulej Ġeħova* jurih ħniena f’jum il-ġudizzju. Int taf sew dak kollu li għamel miegħi f’Efesu.

Noti taʼ taħt

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Talb bil-ħniena.”
Jew “mingħajr ebda ipokrisija.”
Jew “moħħ f’loku.”
Jew “mimli saħħa.”