L-Ewwel Ittra lit-Tessalonikin 2:1-20
2 Ħuti, intom żgur tafu li meta ġejna għandkom ma kienx għalxejn.
2 Bħalma tafu, għalkemm għall-ewwel batejna u ġejna ttrattati b’diżrispett f’Filippi, għamilna l-kuraġġ permezz t’Alla tagħna biex ngħidulkom l-aħbar tajba dwar Alla, minkejja li kellna ħafna oppożizzjoni.*
3 Dak li ninkuraġġukom tagħmlu mhux ibbażat fuq xi ħaġa falza u lanqas mhu qed ngħiduhulkom bi skop ħażin jew biex inqarrqu bikom.
4 Imma nitkellmu magħkom bħala wħud inkarigati minn Alla biex nitkellmu dwar l-aħbar tajba. Ma nitkellmux magħkom biex nintgħoġbu mill-bniedem, imma biex nogħġbu lil Alla, li jeżamina l-qlub tagħna.
5 Fil-fatt, intom tafu li aħna qatt ma faħħarniekom biex nintgħoġbu jew ħbejna min aħna biex nakkwistaw xi ħaġa b’regħba; hemm Alla xhud taʼ dan!
6 Aħna m’aħniex infittxu l-glorja mingħand il-bniedem, la mingħandkom u lanqas minn oħrajn, avolja nistgħu nkunu taʼ piż finanzjarju bħala appostli taʼ Kristu.
7 Għall-kuntrarju, aħna ġibna ruħna bil-ħlewwa magħkom, bħalma omm titmaʼ u tgħożż it-tarbija tagħha.
8 Minħabba li nħobbukom ħafna, mhux biss konna determinati* li ngħidulkom l-aħbar tajba dwar Alla imma wkoll li nagħtu ħajjitna* biex ngħinukom.
9 Aħwa, żgur li tiftakru kemm ħdimna iebes u tħabatna. Konna qed naħdmu lejl u nhar, ħalli ma nkunu taʼ piż finanzjarju fuq ħadd minnkom meta xandarnielkom l-aħbar tajba dwar Alla.
10 Meta konna magħkom, aħna konna leali, għamilna dak li hu sewwa, u konna bla ħtija. Kemm intom u kemm Alla xhieda taʼ dan.
11 Intom tafu sew li aħna bqajna nħeġġu, ninkuraġġixxu, u nagħtu pariri lil kull wieħed minnkom, bħalma missier jagħmel mat-tfal tiegħu.
12 Għamilna hekk biex intom tkomplu tgħixu kif jixraq lil Alla, li għażilkom biex tidħlu fis-Saltna tiegħu u tirċievu l-glorja.
13 Infatti, huwa għalhekk li aħna l-ħin kollu nirringrazzjaw lil Alla, għax meta intom irċivejtu l-kelma t’Alla, li smajtu mingħandna, m’aċċettajtuhiex bħala l-kelma tal-bnedmin, imma bħalma hi verament, il-kelma t’Alla li qed tgħinkom.
14 Għax intom aħwa, imxejtu fuq l-eżempju tad-dixxipli taʼ Kristu Ġesù fil-Lhudija li huma l-kongregazzjoni t’Alla, għax batejtu l-istess affarijiet min-nies taʼ pajjiżkom li huma qed ibatu mil-Lhud.
15 Dawn saħansitra qatlu lill-Mulej Ġesù u l-profeti u ppersegwitaw lilna. Iktar minn hekk, mhux qed jagħmlu affarijiet li jogħġbu lil Alla, imma li qed jagħmlu mhu taʼ ġid għal ħadd.
16 Għax meta nippritkaw lil dawk li mhux Lhud biex ikunu jistgħu jiġu salvati, jipprovaw iwaqqfuna. B’dan il-mod, huma dejjem qed iżidu mad-dnubiet li għamlu. Imma wasal iż-żmien li Alla jirrabja magħhom.
17 Ħuti, meta konna ġejna mifrudin minn magħkom għal ftit żmien, xorta bqajna niftakrukom. Imma peress li xtaqna ħafna li narawkom, għamilna kull sforz biex niġu.*
18 Għal din ir-raġuni ridna niġu għandkom. Iva, jien Pawlu, ipprovajt għal darba darbtejn, imma Satana ma ħallinix.
19 Għax x’inhi t-tama tagħna, jew il-ferħ tagħna, jew il-kuruna tagħna li se nkunu kburin biha meta jerġaʼ jiġi l-Mulej Ġesù? Mhux intom?
20 Aħna żgur li kburin u ferħanin bikom.
Noti taʼ taħt
^ Jew forsi “fost ħafna ġlied.”
^ Letteralment “kuntenti.”
^ Jew “ruħna.”
^ Letteralment “biex naraw lil wiċċkom.”