L-Ewwel Ittra taʼ Ġwanni 4:1-21
4 Għeżież aħwa, temmnux kull messaġġ li jidher li ġej mingħand Alla,* imma araw jekk dawn il-messaġġi humiex verament ġejjin mingħandu, għax hawn ħafna profeti foloz fid-dinja.
2 Intom se tkunu tafu li l-messaġġi ġejjin mingħand Alla jekk dawn jgħidu li Ġesù Kristu ġie fuq l-art bħala bniedem.
3 Imma jekk il-messaġġi ma jgħidux li Ġesù għamel hekk, allura mhumiex ġejjin mingħand Alla. Iktar minn hekk, dawn huma l-messaġġi tal-antikrist li intom smajtu li kellu jiġi, u issa diġà qiegħed hawn fid-dinja.
4 Għeżież tfal tiegħi, intom timitaw lil Alla u rbaħtu lill-profeti foloz, għax il-wieħed li hu magħkom hu aqwa mill-wieħed li hu mad-dinja.
5 Dawn jimitaw id-dinja, allura jitkellmu affarijiet li huma tad-dinja, u b’hekk din tismagħhom.
6 Aħna nimitaw lil Alla. Kull min isir jaf lil Alla jismagħna. Kull min ma jimitax lil Alla ma jismagħniex. B’dan se nkunu nafu liema messaġġ hu veru u liema messaġġ hu falz.
7 Għeżież aħwa, ejja nkomplu nħobbu lil xulxin, għax l-imħabba hi minn Alla, u kull min iħobb lil oħrajn hu t-tifel t’Alla u jaf lil Alla.
8 Kull min ma jħobbx lil oħrajn ma sarx jaf lil Alla, għax Alla hu mħabba.
9 Alla wera li jħobbna meta bagħat lill-uniku Iben* tiegħu fid-dinja ħalli permezz tiegħu, aħna nkunu nistgħu ngħixu għal dejjem.
10 Alla bagħat lil Ibnu bħala sagrifiċċju biex jeħlisna mid-dnub u jgħinna jkollna ħbiberija miegħu.* Hu għamel dan għax iħobbna, mhux għax aħna konna nħobbuh.
11 Għeżież aħwa, peress li Alla ħabbna b’dan il-mod, allura aħna obbligati li nħobbu lil xulxin.
12 Ħadd qatt ma ra lil Alla. Jekk inkomplu nħobbu lil xulxin, Alla jibqaʼ magħna u l-imħabba tiegħu ssir perfetta f’qalbna.
13 Aħna nafu li se nibqgħu miegħu u li hu se jibqaʼ magħna, għax tana l-ispirtu tiegħu.
14 Barra minn hekk, aħna stess rajna u qed nagħtu xhieda li l-Missier bagħat lil Ibnu biex isalva d-dinja.
15 Kull min jaċċetta li Ġesù hu l-Iben t’Alla, Alla jibqaʼ miegħu u hu jibqaʼ m’Alla.
16 Aħna sirna nafu u emminna li Alla jħobbna.
Alla hu mħabba, u min jibqaʼ juri l-imħabba jibqaʼ m’Alla u Alla jibqaʼ miegħu.
17 L-imħabba saret perfetta f’qalbna ħalli jkollna l-libertà tal-kelma* f’jum il-ġudizzju, għax f’din id-dinja aħna wkoll bħal Kristu.
18 Il-biżaʼ żżommna lura. Imma min iħobb lil Alla ma jibżax, għax l-imħabba perfetta tkeċċi l-biżaʼ. Jekk xi ħadd jibżaʼ, l-imħabba tiegħu mhix perfetta.
19 Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel.
20 Jekk xi ħadd jgħid, “Jien inħobb lil Alla,” imma jobgħod lil ħuh, hu giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh, li jarah, ma jistax ikun li jħobb lil Alla, li ma jarahx.
21 Hu tana dan il-kmandament, li min iħobb lil Alla għandu jħobb ukoll lil ħuh.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “kull spirtu.”
^ Jew “l-iben uniġenitu.” Jiġifieri l-uniku tifel li ġie maħluq minn Alla nnifsu.
^ Jew “sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna.”
^ Jew “il-fiduċja.”