L-Ittra taʼ Ġakbu 5:1-20
5 Intom is-sinjuri, isimgħu u ibku fuq li tibku minħabba l-inkwiet kbir li ġej fuqkom.
2 Il-ġid tagħkom tħassar u l-ħwejjeġ tagħkom kilithom il-kamla.
3 Id-deheb u l-fidda tagħkom issaddu, u s-sadid tagħhom se jkun xhieda kontrikom u se jiblagħkom. Dak li rfajtu se jsir bħal nar fl-aħħar jiem.
4 Il-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom jibqgħu jgħajtu għax ma tajtuhomx il-paga, u t-talb tal-ħassada għall-għajnuna wasal għand Ġeħova* tal-armati.
5 Intom għextu fil-lussu u għamiltu kulma xtaqtu. Kiltu u ħxintu bħal annimal għal jum il-qatla.
6 Intom ikkundannajtu u qtiltu lill-ġust.* Għalhekk hu* qed jiħodha kontrikom.
7 Aħwa, kunu paċenzjużi sakemm jerġaʼ lura l-Mulej. Aħsbu f’bidwi: hu jibqaʼ jistenna bil-paċenzja għall-prodott prezzjuż tal-art sakemm tagħmel l-ewwel u l-aħħar xita.
8 Anki intom uru paċenzja. Kunu determinati, għax il-Mulej daqt jiġi.
9 Aħwa, tgergrux* kontra xulxin ħalli ma tiġux iġġudikati. L-Imħallef kważi wasal.*
10 Aħwa, kunu bħall-profeti li tkellmu f’isem Ġeħova.* Huma batew b’mod inġust u ssaportew bil-paċenzja.
11 Lil dawk li ssaportew, aħna nqisuhom ferħanin.* Intom tafu kemm issaporta Ġob u smajtu kif Ġeħova* bierku, għax Ġeħova* jħobb ħafna* u ħanin.
12 Ħuti, fuq kollox tibqgħux taħilfu, la bis-sema, la bl-art, u lanqas b’xi ħaġa oħra. Imma ħallu “l-Iva” tfisser iva, u “l-Le,” le, ħalli Alla ma jiġġudikakomx.
13 Jekk hemm xi ħadd minnkom li qed ibati minħabba d-diffikultajiet, ħa jkompli jitlob. Jekk hemm xi ħadd ferħan, ħa jkanta s-salmi.
14 Jekk hemm xi ħadd marid fostkom, ħa jkellem lill-anzjani tal-kongregazzjoni, u dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f’isem Ġeħova.*
15 U t-talb li jgħidu bil-fidi se jfejjaq lill-marid,* u Ġeħova* se jerġaʼ jsaħħu. Ukoll, jekk ikun għamel xi dnubiet, Alla se jaħfirlu.
16 Għalhekk, ammettu d-dnubiet tagħkom ma’ xulxin u itolbu għal xulxin biex tfiqu. It-talb bil-ħniena tal-ġust hu t’għajnuna kbira.*
17 Elija kellu sentimenti bħal tagħna, imma meta talab bil-ħniena biex ma tagħmilx xita, m’għamlitx xita għal tliet snin u nofs.
18 Imbagħad reġaʼ talab, u għamlet ix-xita, u l-art tat il-prodott tagħha.
19 Ħuti, jekk xi ħadd fostkom jitlaq il-verità u ħaddieħor jgħinu jiġi lura,
20 kunu afu li dak li jgħinu jdur lura mill-iżbalji li kien qed jagħmel ikun qed isalvah* mill-mewt u jgħinu biex jinħafrulu d-dnubiet.
Noti taʼ taħt
^ Jistaʼ jkun li qed jirreferi għal Ġesù jew għad-dixxipli ġusti tiegħu.
^ Jistaʼ jkun li qed jirreferi għal Alla jew għal Ġesù rxoxtat.
^ Jew “teqirdux.”
^ Letteralment “qiegħed ħdejn il-bieb.”
^ Jew “imberkin.”
^ Jew “juri ħafna mogħdrija.”
^ Jew forsi “lill-għajjien.”
^ Jew “għandu qawwa kbira f’dak li jistaʼ jagħmel.”
^ Jew “isalva lil ruħu.”