L-Ittra taʼ Ġuda 1:1-25

  • Introduzzjoni tal-ittra (1, 2)

  • Żgur se jkun hemm ġudizzju kontra l-għalliema foloz (3-16)

    • Mikiel kellu argument max-Xitan (9)

    • Il-profezija t’Enok (14, 15)

  • Komplu bbenefikaw mill-imħabba t’Alla (17-23)

  • Agħtu glorja lil Alla (24, 25)

1  Jien Ġuda, ilsir taʼ Ġesù Kristu, u ħu Ġakbu, qed nikteb din l-ittra lil dawk li l-Alla l-Missier għażilhom, ħabbhom, u ħa ħsiebhom biex ikunu maʼ Ġesù Kristu: 2  Jalla Alla jkompli jurikom iktar ħniena u mħabba u jgħinkom ikollkom iktar paċi. 3  Għeżież aħwa, xtaqt ħafna niktbilkom dwar kif Alla se jsalvana. Imma ħassejt il-bżonn li niktbilkom biex inħeġġiġkom tagħmlu kulma tistgħu ħalli tiddefendu t-tagħlim t’Alla.* Dan it-tagħlim ingħata lill-qaddisin u se jibqaʼ għal dejjem. 4  Qed ngħidilkom dan, għax daħlu bil-moħbi xi rġiel fostkom li ilhom li ġew ikkundannati mill-Iskrittura. Dawn l-irġiel li mhumiex leali, jużaw il-qalb tajba kbira* t’Alla tagħna bħala skuża biex jaġixxu b’mod ħażin bla mistħija* u jabbandunaw lill-uniku Sid u l-Mulej tagħna, Ġesù Kristu. 5  Għalkemm tafu sew dawn l-affarijiet kollha, nixtieq infakkarkom li wara li Ġeħova* salva lill-poplu tiegħu mill-art tal-Eġittu, hu qered lil dawk li ma wrewx fidi. 6  U lill-anġli li telqu l-inkarigu li kellhom u abbandunaw il-post fejn suppost kellhom jgħixu, rabathom għal dejjem fi dlam ċappa għall-ġudizzju tal-jum kbir tiegħu. 7  Bl-istess mod, in-nies ta’ Sodoma u Gomorra u l-bliet taʼ madwarhom intefgħu jagħmlu l-immoralità sesswali* li tqażżek u rsistew biex jissodisfaw xewqat ħżiena li mhumiex naturali. Huma ġew ikkastigati bin-nar taʼ dejjem, u b’hekk huma eżempju taʼ twissija għalina. 8  Minkejja dan, l-irġiel li daħlu bil-moħbi fostkom jibqgħu jimmaġinaw affarijiet ħżiena, jiddiżonoraw lilhom infushom u lil oħrajn, jobogħdu l-awtorità, u jmaqdru lil uħud glorjużi.* 9  Imma meta l-arkanġlu Mikiel kellu argument max-Xitan dwar il-ġisem taʼ Mosè, hu ma ssograx jgħajru u jikkundannah, imma qallu: “Ħa jiġġudikak Ġeħova.”* 10  Iżda dawn l-irġiel qed imaqdru l-affarijiet kollha li ma jifhmux fihom. Imma fl-affarijiet kollha li jifhmu, huma bħal annimali bla raġuni li jaġixxu bl-istint f’kulma jagħmlu, u b’hekk ikomplu jħassru lilhom infushom. 11  Ħażin għalihom, għax huma imitaw l-eżempju taʼ Kajjin, għaġġlu biex jagħmlu l-iżball taʼ Balgħam għall-premju, u jitkellmu kontra dawk li għandhom l-awtorità bħal Koraħ, u għalhekk se jinqerdu bħalu. 12  Dawn l-irġiel ikunu magħkom fil-festi li tagħmlu biex turu l-imħabba li għandkom lejn l-aħwa. Imma huma bħal blat moħbi taħt l-ilma, ragħajja li jaħsbu fihom infushom biss;* bħal sħab bla ilma li jitmexxa ’l hemm u ’l hawn bir-riħ; u bħal siġar li ma jagħmlux frott fi żmienhom,* li mietu għalkollox,* u ġew maqlugħin mill-għeruq. 13  Huma bħal mewġ qawwi tal-baħar li jtellaʼ affarijiet mhux nodfa li għandhom jistħu bihom; u bħal stilel mingħajr direzzjoni li Alla se jpoġġihom fl-iżjed post mudlam għal dejjem. 14  Iva, anki Enok, is-sebaʼ wieħed mil-linja ġenealoġika t’Adam, ipprofetizza dwarhom meta qal: “Ġeħova* ġej m’għaxriet t’eluf t’anġli qaddisin 15  biex jiġġudika lin-nies kollha u jikkastiga lill-ħżiena għall-affarijiet ħżiena li għamlu. Alla se jagħmel dan għax aġixxew b’mod mill-agħar, u huma midinbin li joffenduh b’li jgħidu u ma jonorawhx.” 16  Dawn l-irġiel dejjem igergru, jisħtu xortihom, jissodisfaw ix-xewqat ħżiena tagħhom, u jħobbu jiftaħru. Fl-istess ħin, ifaħħru lil oħrajn biex jintgħoġbu u* għax jaqblilhom. 17  U intom, għeżież aħwa, ftakru f’dak li kienu jgħidu* l-appostli tal-Mulej tagħna, Ġesù Kristu. 18  Huma spiss kienu jgħidulkom: “Fl-aħħar żmien, se jkun hemm dawk li jwaqqgħu għaċ-ċajt dak li hu tajjeb u jissodisfaw ix-xewqat tagħhom stess li ma jogħġbux lil Alla.” 19  Dawn huma dawk l-uħud li qed joħolqu firda fil-kongregazzjoni, mhumiex spiritwali* u moħħhom biex jagħmlu affarijiet ħżiena.* 20  Imma intom, għeżież aħwa, saħħu l-fidi l-iktar qaddisa tagħkom u itolbu bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis. 21  B’hekk, se tkomplu tibbenefikaw mill-imħabba t’Alla, waqt li tkomplu tistennew il-ħniena tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu li se twassal għall-ħajja taʼ dejjem. 22  Ukoll, komplu uru ħniena ma’ dawk li bdew jiddubitaw; 23  salvawhom billi taħtfuhom min-nar. Imma waqt li tkomplu turu ħniena m’oħrajn, oqogħdu attenti li tobogħdu l-imġiba li hi mtebbgħa bid-dnub.* 24  L-Alla l-kbir tagħna kapaċi jipproteġikom ħalli ma titfixklux. Hu jistaʼ jgħinkom tkunu ferħanin ħafna u tibqgħu nodfa f’għajnejh. 25  L-uniku Alla salvana permezz taʼ Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna. Jalla jiġi mfaħħar, u jalla l-kobor, il-qawwa, u t-tmexxija tiegħu jibqgħu miż-żminijiet kollha li għaddew, issa, u għal dejjem. Ammen.

Noti taʼ taħt

Letteralment “il-fidi.”
Jew “il-qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Kondotta ħażina bla mistħija.”
Jiġifieri lil dawk li għandhom responsabbiltà kbira fil-kongregazzjoni.
Letteralment “li jitimgħu lilhom infushom bla biżaʼ.”
Letteralment “mietu darbtejn.”
Letteralment “fl-aħħar tal-ħarifa.”
Jew “waqt li jammiraw lil xi individwi.”
Jew “l-affarijiet li bassru.”
Jew “m’għandhomx l-ispirtu t’Alla.”
Jew “qishom annimali.”
Letteralment “li tobogħdu l-libsa li ttebbgħet bil-laħam.”