Levitiku 2:1-16

  • L-offerta taċ-ċereali (1-16)

2  “‘Issa jekk xi ħadd jippreżenta offerta taċ-ċereali* bħala offerta lil Ġeħova, għandha tkun tad-dqiq fin, u hu għandu jitfaʼ ż-żejt u l-inċens abjad fuqha. 2  Imbagħad jiħodha għand it-tfal t’Aron, il-qassisin, u l-qassis jaqbad ponn mid-dqiq fin imħallat biż-żejt flimkien mal-inċens abjad kollu, u jaħraqhom fuq l-artal bħala simbolu tal-offerta sħiħa,* offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 3  Dak li jifdal mill-offerta jkun t’Aron u tat-tfal tiegħu, bħala xi ħaġa mill-iktar qaddisa mill-offerti li jiġu maħruqin lil Ġeħova. 4  “‘Jekk int tippreżenta offerta taċ-ċereali li ġiet imsajra fil-forn, għandha tkun tad-dqiq fin, ħobż bla ħmira forma taʼ ftira mħallat biż-żejt jew galletti bla ħmira biż-żejt fuqhom. 5  “‘Jekk tagħmel offerta taċ-ċereali msajra fuq il-pjanċa, għandha tkun tad-dqiq fin bla ħmira mħallat maż-żejt. 6  Għandha titqattaʼ biċċiet, u int trid titfaʼ ż-żejt fuqha. Din hi offerta taċ-ċereali. 7  “‘Jekk tagħmel offerta taċ-ċereali msajra f’borma, għandha ssir mid-dqiq fin biż-żejt. 8  Din l-offerta taċ-ċereali għandek iġġibha lil Ġeħova, u tiġi ppreżentata lill-qassis u dan jiħodha qrib l-artal. 9  U l-qassis jieħu ftit mill-offerta bħala simbolu tal-offerta sħiħa* u jaħarqu fuq l-artal, bħala offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 10  Dak li jifdal mill-offerta jkun t’Aron u tat-tfal tiegħu, bħala xi ħaġa mill-iktar qaddisa mill-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova. 11  “‘Ebda offerta taċ-ċereali li tippreżentaw lil Ġeħova m’għandu jkollha ħmira fiha, għax ma tridu taħarqu xejn li fih il-ħmira jew l-għasel bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. 12  “‘Tistgħu tippreżentawhom lil Ġeħova bħala offerta tal-ewwel prodott, imma m’għandhomx jittellgħu fuq l-artal bħala riħa pjaċevoli.* 13  “‘Kull offerta taċ-ċereali li tagħmel trid tħawwarha bil-melħ; u l-melħ tal-patt tal-Alla tiegħek tħallihx ikun nieqes mill-offerta tiegħek. Maʼ kull offerta li tagħmel trid tippreżenta l-melħ. 14  “‘Jekk lil Ġeħova tippreżentalu l-offerta taċ-ċereali tal-ewwel prodott, għandek tippreżenta ċereali ġodda* inkaljati bin-nar u mitħunin ħoxnin, bħala l-offerta taċ-ċereali tal-ewwel prodott tiegħek. 15  U trid titfaʼ ż-żejt u l-inċens abjad fuqha. Din hi offerta taċ-ċereali. 16  Il-qassis irid jaħraq bħala simbolu tal-offerta sħiħa* ftit miċ-ċereali mitħun oħxon u miż-żejt flimkien mal-inċens abjad kollu tagħha, bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova.

Noti taʼ taħt

^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Jew “bħala tfakkira tagħha.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Jew “bħala tfakkira tagħha.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Jew “sbul aħdar.”
^ Jew “bħala tfakkira tagħha.”