Levitiku 11:1-47
-
Annimali nodfa u mhux nodfa (1-47)
11 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron:
2 “Għidu lill-Iżraelin, ‘Dawn huma l-annimali* li tistgħu tieklu:
3 Kull annimal li għandu d-dwiefer maqsumin fi tnejn u li jixtarr.*
4 “‘Imma mill-annimali li jixtarru jew li għandhom qasma fid-dwiefer m’għandkomx tieklu dawn: il-ġemel, għax għalkemm jixtarr, m’għandux qasma fid-dwiefer. Mhuwiex nadif għalikom.
5 Il-fenek tad-deżert ukoll, għax għalkemm jixtarr, m’għandux qasma fid-dwiefer. Mhuwiex nadif għalikom.
6 Il-fenek salvaġġ ukoll, għax għalkemm jixtarr, m’għandux qasma fid-dwiefer. Mhuwiex nadif għalikom.
7 Il-ħanżir ukoll, għax għalkemm għandu d-dwiefer maqsumin fi tnejn, ma jixtarrx. Mhuwiex nadif għalikom.
8 Tieklu ebda laħam tagħhom, u tmissux il-ġisem mejjet tagħhom. Mhumiex nodfa għalikom.
9 “‘Minn kulma hemm fl-ilmijiet tistgħu tieklu dawn: Kulma għandu l-ġwienaħ u l-qxur* fl-ilma tal-ibħra jew tax-xmajjar, tistgħu tikluh.
10 Imma kulma hemm fl-ibħra u fix-xmajjar li m’għandux ġwienaħ u qxur, minn kull ħliqa li tgħix fi qtajjaʼ u minn kull ħliqa ħajja oħra li hemm fl-ilmijiet, ikun xi ħaġa moqżieża għalikom.
11 Iva, dawn għandhom ikunu moqżieża għalikom, u m’għandkom tieklu ebda laħam tagħhom, u tridu titqażżu l-ġisem mejjet tagħhom.
12 Kulma hemm fl-ilmijiet li m’għandux ġwienaħ u qxur ikun xi ħaġa moqżieża għalikom.
13 “‘Dawn huma l-ħlejjaq li jtiru li għandkom titqażżu u li m’għandhomx tieklu: l-ajkla, l-arpa, l-avultun iswed,
14 l-astun aħmar u kull tip t’astun iswed,
15 kull tip taʼ ċawlun,
16 in-nagħma, il-kokka, il-gawwija, kull tip taʼ seqer,
17 il-kokka żgħira, il-margun, il-kokka tal-qrun,
18 iċ-ċinju, il-pellikan, l-avultun,
19 iċ-ċikonja, kull tip taʼ russett, id-daqquqa tat-toppu, u l-farfett il-lejl.
20 Kull insett bil-ġwienaħ li jgħix fi qtajjaʼ u li jimxi fuq erbaʼ saqajn ikun xi ħaġa moqżieża għalikom.
21 “‘Mill-insetti bil-ġwienaħ li jgħixu fi qtajjaʼ u li jimxu fuq erbaʼ saqajn, tistgħu tieklu biss dawk li għandhom saqajn biex jaqbżu bihom ’il fuq mis-saqajn l-oħra.
22 Minn dawn tistgħu tieklu: diversi tipi taʼ ġurati li jpassu, il-ġurati li jaqbżu, ġurati oħra li jittieklu, u anki l-grillu.
23 Kull insett ieħor bil-ġwienaħ li jgħix fi qtajjaʼ u li għandu erbaʼ saqajn ikun xi ħaġa moqżieża għalikom.
24 Jekk tikluhom ma tibqgħux nodfa. Kull min imiss il-ġisem mejjet tagħhom ma jkunx nadif sa filgħaxija.
25 Kull min iġorr il-ġisem mejjet taʼ xi wieħed minnhom irid jaħsel ħwejġu; hu ma jkunx nadif sa filgħaxija.
26 “‘Kwalunkwe annimal li għandu qasma fid-dwiefer imma mhumiex maqsumin fi tnejn u ma jixtarrx, mhux nadif għalikom. Kull min imisshom ma jkunx nadif.
27 Kull ħliqa ħajja li timxi fuq qiegħ saqajha* fost il-ħlejjaq kollha li jimxu fuq l-erbaʼ saqajn, ma tkunx nadifa għalikom. Kull min imiss il-ġisem mejjet tagħhom ma jkunx nadif sa filgħaxija.
28 Min iġorr il-ġisem mejjet tagħhom irid jaħsel ħwejġu, u ma jkunx nadif sa filgħaxija. Mhumiex nodfa għalikom.
29 “‘Dawn huma l-ħlejjaq li jgħixu fi qtajjaʼ fuq l-art u li mhumiex nodfa għalikom: it-talpa, il-ġurdien, kull tip taʼ gremxul,
30 il-wiżgħa, il-gremxula kbira, il-gremxula tal-ilma, ix-xaħmet l-art, u l-kamaleonte.
31 Dawn il-ħlejjaq li jgħixu fi qtajjaʼ mhumiex nodfa għalikom. Kull min imiss il-ġisem mejjet tagħhom ma jkunx nadif sa filgħaxija.
32 “‘Kwalunkwe ħaġa li jaqgħu fuqha meta jmutu ma tkunx nadifa, sew jekk tkun reċipjent tal-injam, libsa, ġilda, u drapp tal-ixkora. Kull oġġett bħal dan li jiġi użat għandu jiġi mgħaddas fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija; imbagħad ikun nadif.
33 Jekk jaqgħu f’reċipjent tal-fuħħar għandek tkissru u kulma jkun hemm fih ma jkunx nadif.
34 Kull tip taʼ ikel li jmiss mal-ilma minn reċipjent bħal dan ma jkunx nadif, u kull likwidu li jinxtorob u li jkun f’reċipjent bħal dan ma jkunx nadif.
35 Kull ħaġa li jaqaʼ fuqha l-ġisem mejjet tagħhom ma tkunx nadifa. Sew jekk ikun forn jew kenur żgħir, għandu jitkisser biċċiet. Mhux nadif, u jibqaʼ mhux nadif għalikom.
36 Huma biss l-għajn tal-ilma u l-ġiebja li jiġi maħżun l-ilma fiha li jibqgħu nodfa, imma kull min imiss il-ġisem mejjet taʼ dawn il-ħlejjaq ma jkunx nadif.
37 U jekk il-ġisem mejjet tagħhom jaqaʼ fuq żerriegħa taʼ xitla li trid tinżeraʼ, din tkun nadifa.
38 Imma jekk jintefaʼ l-ilma fuq iż-żerriegħa u parti mill-ġisem mejjet tagħhom taqaʼ fuqha, iż-żerriegħa ma tkunx nadifa għalikom.
39 “‘Jekk xi annimal li tużaw għall-ikel imut, kull min imiss il-ġisem mejjet tiegħu ma jkunx nadif sa filgħaxija.
40 Kull min jiekol xi parti mill-ġisem mejjet tiegħu jrid jaħsel ħwejġu, u ma jkunx nadif sa filgħaxija. Kull min iġorr il-ġisem mejjet tiegħu jrid jaħsel ħwejġu, u ma jkunx nadif sa filgħaxija.
41 Kull ħliqa tal-art mhux nadifa li tgħix fi qtajjaʼ tkun xi ħaġa moqżieża. Tikluhiex.
42 Kemm jekk hi ħliqa li titkaxkar fuq żaqqha, ħliqa li timxi fuq erbaʼ saqajn, u ħliqa tal-art li tgħix fi qtajjaʼ u li għandha ħafna saqajn, m’għandkomx tikluha għaliex hi xi ħaġa moqżieża.
43 Tħallux lilkom infuskom issiru moqżieża b’xi ħliqa li tgħix fi qtajjaʼ, u tniġġsux lilkom infuskom u ssiru mhux nodfa bihom.
44 Għax jien Ġeħova l-Alla tagħkom, u tridu tqaddsu lilkom infuskom u ssiru qaddisin, għax jien qaddis. Għalhekk, issirux mhux nodfa b’xi ħliqa li tgħix fi qtajjaʼ u li tiċċaqlaq fuq l-art.
45 Għax jien Ġeħova, li tellajtkom mill-art tal-Eġittu biex nurikom li jien Alla, u intom tridu tkunu qaddisin, għaliex jien qaddis.
46 “‘Din hi l-liġi dwar l-annimali, il-ħlejjaq li jtiru, kull ħliqa ħajja li tiċċaqlaq fl-ilmijiet, u dwar kull ħliqa li tgħix fi qtajjaʼ fuq l-art,
47 sabiex tagħmlu distinzjoni bejn dak li mhux nadif u dak li hu nadif u bejn il-ħlejjaq ħajjin li jistgħu jittieklu u dawk li ma jistgħux jittieklu.’”
Noti taʼ taħt
^ Jew “il-ħlejjaq ħajjin tal-art.”
^ Jiġifieri li jerġaʼ jomgħod l-ikel li jkun belaʼ.
^ Jiġifieri fins u scales.
^ Dan jinkludi annimali bħal iljuni, orsijiet, u klieb.

